+Artikolu 4 Obbligu ta’ rapportar u salvagwardja fir-rigward ta’ SFTs
---+Artikolu 4 1.
---+Artikolu 4 2.
---+Artikolu 4 3.
---+Artikolu 4 4.
---+Artikolu 4 5.
---+Artikolu 4 6.
---+Artikolu 4 7.
---+Artikolu 4 8.
---+Artikolu 4 9.
---+Artikolu 4 10.

Artikolu 4 Obbligu ta’ rapportar u salvagwardja fir-rigward ta’ SFTs

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 4 1.
Il-kontropartijiet għall-SFTs għandhom jirrapportaw id-dettalji ta’ kwalunkwe SFT li huma jkunu kkonkludew, flimkien ma’ kwalunkwe modifika jew terminazzjoni għalihom, lil repożitorju tat-transazzjonijiet irreġistrat skont l-Artikolu 5 jew rikonoxxut skont l-Artikolu 19. Dawk id-dettalji għandhom jiġu rrapportati mhux iżjed tard mill-jum ta’ xogħol ta’ wara l-konklużjoni, il-modifika jew it-terminazzjoni tat-transazzjoni.

L-obbligu ta’ rapportar stabbilit fl-ewwel subparagrafu għandu japplika għal SFTs li:

(a) 

jkunu ġew konklużi qabel id-data ta’ applikazzjoni rilevanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 33(2) u li baqgħu pendenti f’dik id-data, jekk:

(i) 

il-maturità residwa ta’ dawk l-SFTs f’dik id-data taqbeż 180 jum; jew

(ii) 

dawk l-SFTs ikollhom maturità miftuħa u jibqgħu pendenti 180 jum wara dik id-data;

(b) 

jiġu konklużi fid-data jew wara d-data ta’ applikazzjoni rilevanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 33(2).

L-SFTs imsemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu għandhom jiġu rrapportati fi żmien 190 jum mid-data tal-applikazzjoni rilevanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 33(2).

Artikolu 4 2.
Kontroparti li tkun soġġetta għall-obbligu ta’ rapportar tista’ tiddelega r-rapportar tad-dettalji tal-SFTs.
Artikolu 4 3.
Meta kontroparti finanzjarja tikkonkludi SFT ma’ kontroparti mhux finanzjarja li fid-dati tal-karti tal-bilanċ tagħha ma taqbiżx il-limiti tal-inqas tnejn mit-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ), il-kontroparti finanzjarja għandha tkun responsabbli li tirrapporta f’isem iż-żewġ kontropartijiet.

Meta UCITS ġestita minn kumpannija tal-maniġment tkun kontroparti tal-SFTs, il-kumpanija tal-maniġment għandha tkun responsabbli mir-rapportar f’isem l-UCITS.

Meta AIF ikun kontroparti ta’ SFTs, l-AIFM tiegħu għandu jkun responsabbli mir-rappurtar f’isem l-AIF.

Artikolu 4 4.
Il-kontropartijiet għandhom iżommu rekord ta’ kwalunkwe SFT li jkunu kkonkludew, immodifikaw jew itterminaw tal-inqas għal ħames snin wara t-terminazzjoni tat-transazzjoni.
Artikolu 4 5.
Meta repożitorju tat-transazzjonijiet ma jkunx disponibbli biex jirreġistra d-dettalji ta’ SFT, il-kontropartijiet għandhom jiżguraw li dawk id-dettalji jiġu rrapportati lill-Awtorità Ewropea ta’ Superviżjoni (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (“ESMA”).

F’dawk il-każijiet, l-ESMA għandha tiżgura li l-entitajiet rilevanti kollha msemmija fl-Artikolu 12(2) ikollhom aċċess għad-dettalji kollha tal-SFTs li jkunu jeħtieġu biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom.

Artikolu 4 6.
Fir-rigward ta’ informazzjoni riċevuta skont dan l-Artikolu, repożitorji tat-transazzjonijiet u l-ESMA għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-kunfidenzjalità, l-integrità u l-protezzjoni tal-informazzjoni u għandhom jikkonformaw mal-obbligi stipulati partikolarment fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ir-referenzi fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-Artikolu 9 tiegħu u għal “kuntratti derivattivi” għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan l-Artikolu u għal ‘SFTs’ rispettivament.
Artikolu 4 7.
Kontroparti li tirrapporta d-dettalji ta’ SFT lil repożitorju tat-transazzjonijiet jew lill-ESMA, jew entità li tirrapporta tali dettalji f’isem kontroparti ma għandhiex titqies li qed tikser xi restrizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni imposta mill-kuntratt jew minn kwalunkwe dispożizzjoni leġislattiva, regolatorja jew amministrattiva.
Artikolu 4 8.
L-ebda responsabbiltà li tirriżulta minn dak l-iżvelar ma għandha taqa’ fuq l-entità li tirrapporta jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha.
Artikolu 4 9.

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu u sabiex tiġi żgurata konsistenza mar-rapportar li jsir skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u standards maqbula f’livell internazzjonali, l-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ u filwaqt li tieħu kont tal-ħtiġijiet tagħha, għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tar-rapporti msemmijin fil-paragrafi 1 u 5 ta’ dan l-Artikolu għat-tipi differenti ta’ SFTs li għandhom jinkludu tal-inqas:

(a) 

il-partijiet għall-SFT u, meta jkun differenti, il-benefiċjarju tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnha;

(b) 

l-ammont prinċipali; il-munita; l-assi li jintużaw bħala kollateral u t-tip, il-kwalità u l-valur tagħhom; il-metodu użat għall-provvediment tal-kollateral; jekk il-kollateral huwiex disponibbli għall-użu mill-ġdid; f’każijiet fejn il-kollateral ikun distint minn assi oħrajn, jekk ikunx ġie użat mill-ġdid; kwalunkwe sostituzzjoni tal-kollateral; ir-rata ta’ ftehim ta’ riakkwist, il-ħlas ta’ self jew ir-rata ta’ self marġinali; kwalunkwe haircut; id-data tal-valur; id-data tal-maturità; l-ewwel data eżerċitabbli; u s-segment tas-suq.

(c) 

skont l-SFT, dettalji dwar dan li ġej:

(i) 

ir-riinvestiment tal-kollateral fi flus kontanti;

(ii) 

it-titoli jew il-komoditajiet li jkunu qed jingħataw jew jittieħdu b’self.

Fl-iżvilupp ta’ dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi, l-ESMA għandha tqis l-istandards tekniċi ta’ gruppi ta’ assi u għandhom jipprevedu l-possibbiltà li jiġi rrapportat il-livell tal-pożizzjoni tad-data kollaterali fejn ikun adatt.

L-ESMA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-13 ta’ Jannar 2017.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 4 10.
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi fl-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u, sa fejn huwa fattibbli, konsistenza mar-rapportar skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u armonizzazzjoni tal-formati bejn ir-repożitorji tat-transazzjonijiet, l-ESMA għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ u filwaqt li tieħu kont tal-ħtiġijiet tagħha, tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format u l-frekwenza tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 5 ta’ dan l-Artikolu għat-tipi differenti ta’ SFTs.

Il-format għandu jinkludi, b’mod partikolari:

(a) 

identifikaturi globali tal-entitajiet ġuridiċi (LEIs), jew pre-LEIs sakemm tiġi implimentata b’mod sħiħ is-Sistema ta’ Identifikaturi Globali tal-Entitajiet Ġuridiċi;

(b) 

numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN); u

(c) 

identifikaturi uniċi ta’ transazzjonijiet.

Hija u tiżviluppa dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi, l-ESMA għandha tqis l-iżviluppi u l-istandards internazzjonali maqbula fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell globali.

L-ESMA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-13 ta’ Jannar 2017.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 09.01.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32015R2365
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.