3. Fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG stabbilit barra mill-Unjoni li jixtieq jiġi rikonoxxut kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollu rappreżentant legali. Dak ir-rappreżentant legali għandu jkun persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni u maħtura espressament mill-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG biex taġixxi f’ismu. Ir-rappreżentant legali għandu juri lill-ESMA li dak il-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament fuq bażi kontinwa u għandu jkun responsabbli lejn l-ESMA f’dan ir-rigward. Ir-rappreżentant legali għandu, fuq talba, jipprovdi lill-ESMA l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jissodisfa lill-ESMA li l-fornitur ta’ klassifikazzjonijiet ESG jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.