1. Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa tadotta att delegat, skont l-Artikolu 23, sas-17 ta’ Novembru 2023 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi lista mhux eżawrjenti tas-servizzi essenzjali fis-setturi u fis-sottosetturi stabbiliti fl-Anness. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw dik il-lista ta' servizzi essenzjali għall-fini li jwettqu valutazzjoni tar-riskju ("il-valutazzjoni tar-riskju tal-Istat Membru") sas-17 ta’ Jannar 2026, kull fejn meħtieġ sussegwentement, u tal-anqas kull erba' snin. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw il-valutazzjonijiet tar-riskju tal-Istat Membru sabiex jidentifikaw l-entitajiet kritiċi skont l-Artikolu 6 u jassistu dawk l-entitajiet kritiċi biex jieħdu miżuri skont l-Artikolu 13.
Il-valutazzjonijiet tar-riskju tal-Istat Membru għandhom iqisu r-riskji rilevanti, dawk naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem, inkluż dawk ta' natura transsettorjali jew transfruntiera, l-inċidenti, id-diżastri naturali, l-emerġenzi tas-saħħa pubblika u t-theddid ibridu jew theddid antagonistiku ieħor, inkluż ir-reati terroristiċi kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32).