+Artikolu 94 Is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti
---+Artikolu 94 1.
---+Artikolu 94 2.
---+Artikolu 94 3.
---+Artikolu 94 4.
---+Artikolu 94 5.
---+Artikolu 94 6.
---+Artikolu 94 7.

Artikolu 94 Is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 94 1.

Sabiex jaqdu dmirijiethom skont it-Titoli II sa VI ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tal-anqas is-setgħat superviżorji u investigattivi li ġejjin:

(a) 

li jirrikjedu li kwalunkwe persuna tipprovdi informazzjoni u dokumenti li l-awtoritajiet kompetenti jqisu li jistgħu jkunu rilevanti għat-twettiq ta’ dmirijiethom;

(b) 

li jissospendu, jew jirrikjedu li l-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jissospendi, l-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi għal massimu ta’ 30 jum tax-xogħol konsekuttivi f’kull okkażjoni meta jkun hemm motivi raġonevoli ta’ suspett ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament;

(c) 

li jipprojbixxu l-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi meta jsibu li jkun inkiser dan ir-Regolament;

(d) 

li jiżvelaw, jew li jirrikjedu li l-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jiżvela, kull informazzjoni materjali li jista’ ikollha effett fuq il-provvista tas-servizzi tal-kriptoassi kkonċernati, sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-interessi tal-klijenti, b’mod partikolari d-detenturi fil-livell tal-konsumatur, jew il-ħidma bla ostakoli tas-suq;

(e) 

li jippubblikaw il-fatt li fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jkun naqasmilli jwettaq l-obbligi tiegħu;

(f) 

li jissospendu, jew li jirrikjedu li l-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jissospendi, il-forniment ta’ servizzi tal-kriptoassi meta l-awtoritajiet kompetenti jqisu li s-sitwazzjoni tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi tkun tali li l-forniment tas-servizz tal-kriptoassi jkun ta’ detriment għall-interessi tal-klijenti, b’mod partikolari d-detenturi fil-livell tal-konsumatur;

(g) 

li jirrikjedu t-trasferiment ta’ kuntratti eżistenti lil fornitur ieħor ta’ servizzi tal-kriptoassi meta l-awtorizzazzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi tiġi rtirata f’konformità mal-Artikolu 64, soġġett għall-qbil tal-klijenti u tal-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi li lilu jkunu se jiġu ttrasferiti l-kuntratti;

(h) 

meta jkun hemm raġuni biex jassumu li persuna tkun qed tipprovdi servizzi tal-kriptoassi mingħajr awtorizzazzjoni, li jitolbu t-twaqqif immedjat tal-attività mingħajr avviż minn qabel jew l-impożizzjoni ta’ skadenza;

(i) 

li jirrikjedu li l-offerenti, il-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għan-negozjar tal-kriptoassi, jew l-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew tokens tal-flus elettroniċi jemendaw il-white paper tagħhom dwar il-kriptoassi jew jimmodifikawha ulterjorment, meta jsibu li l-white paper dwar il-kriptoassi jew il-white paper dwar il-kriptoassi modifikata ma jkunx fiha l-informazzjoni li jirrikjedu l-Artikolu 6, 19 jew 51;

(j) 

li jirrikjedu li l-offerenti, il-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għan-negozjar tal-kriptoassi, jew emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew tokens tal-flus elettroniċi, biex jemendaw il-komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom, meta jsibu li l-komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ma jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 7, 29 jew 53 ta’ dan ir-Regolament;

(k) 

li jirrikjedu li l-offerenti, il-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għan-negozjar tal-kriptoassi, jew emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew tokens tal-flus elettroniċi, jinkludu informazzjoni addizzjonali fil-white papers tagħhom dwar il-kriptoassi, meta din tkun meħtieġa għall-istabbiltà finanzjarja jew għall-protezzjoni tal-interessi tad-detenturi ta’ kriptoassi, b’mod partikolari d-detenturi fil-livell tal-konsumatur;

(l) 

li jissospendu offerta lill-pubbliku jew ammissjoni għan-negozjar ta’ kriptoassi għal massimu ta’ 30 jum tax-xogħol konsekuttivi f’kull okkażjoni meta jkun hemm motivi raġonevoli ta’ suspett ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament;

(m) 

li jipprojbixxu offerta lill-pubbliku jew ammissjoni għan-negozjar ta’ kriptoassi meta jsibu li nkiser dan ir-Regolament jew meta jkun hemm motivi raġonevoli sabiex jissuspettaw li jkun se jinkiser;

(n) 

li jissospendu, jew jirrikjedu li fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi li jopera pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi jissospendi, in-negozjar tal-kriptoassi għal massimu ta’ 30 jum tax-xogħol konsekuttivi f’kull okkażjoni meta jkun hemm motivi raġonevoli ta’ suspett ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament;

(o) 

li jipprojbixxu n-negozjar ta’ kriptoassi fuq pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi meta jsibu li jkun inkiser dan ir-Regolament jew meta jkun hemm motivi raġonevoli sabiex jissuspettaw li jkun se jinkiser;

(p) 

li jissospendu jew jipprojbixxu komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni meta jkun hemm motivi raġonevoli ta’ suspett ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament;

(q) 

li jirrikjedu li l-offerenti, il-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għan-negozjar ta’ kriptoassi, l-emittenti ta’ tokens irreferenzjati ma’ assi jew tokens tal-flus elettroniċi jew il-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi rilevanti jwaqqfu jew jissospendu komunikazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni għal massimu ta’ 30 jum tax-xogħol konsekuttivi f’kull okkażjoni meta jkun hemm motivi raġonevoli ta’ suspett ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament;

(r) 

li jippubblikaw il-fatt li offerent, persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għan-negozjar ta’ kriptoassi jew emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi jkunu naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament;

(s) 

li jiżvelaw, jew li jirrikjedu li l-offerent, il-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għan-negozjar ta’ kriptoassi jew l-emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew ta’ token tal-flus elettroniċi, jiżvelaw l-informazzjoni materjali kollha li jista’ jkollha effett fuq il-valutazzjoni tal-kriptoassi offruti lill-pubbliku jew ammessi għan-negozjar biex tkun żgurata l-protezzjoni tal-interessi tad-detenturi ta’ kriptoassi, b’mod partikolari d-detenturi fil-livell tal-konsumatur, jew il-ħidma bla ostakoli tas-suq;

(t) 

li jissospendu, jew jirrikjedu li l-fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi li jopera pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi, jissospendi l-kriptoassi min-negozjar meta jqisu li s-sitwazzjoni tal-offerent, tal-persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għan-negozjar ta’ kriptoassi jew tal-emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi tkun tali li n-negozjar ikun ta’ detriment għall-interessi tad-detenturi ta’ kriptoassi, b’mod partikolari d-detenturi ta’ kriptoassi fil-livell tal-konsumatur;

(u) 

meta jkun hemm raġuni biex jassumu li persuna tkun qed toħroġ tokens irreferenzjati ma’ assi jew tokens tal-flus elettroniċi mingħajr awtorizzazzjoni jew persuna tkun qed toffri jew tkun qed tfittex l-ammissjoni għan-negozjar tal-kriptoassi għajr tokens irreferenzjati ma’ assi jew tokens tal-flus elettroniċi mingħajr white paper dwar il-kriptoassi nnotifikata f’konformità mal-Artikolu 8, li jordnaw il-waqfien immedjat tal-attività mingħajr twissija minn qabel jew l-impożizzjoni ta’ skadenza;

(v) 

li jieħdu kwalunkwe tip ta’ miżura biex jiżguraw li offerent jew persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għan-negozjar tal-kriptoassi, emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi jew fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament inkluż li jirrikjedu l-waqfien ta’ kwalunkwe prattika jew imġiba li l-awtoritajiet kompetenti jqisu li tmur kontra dan ir-Regolament;

(w) 

li jwettqu spezzjonijiet jew investigazzjonijiet fuq il-post f’siti għajr dawk tar-residenzi privati ta’ persuni fiżiċi, u għal dak il-għan li jidħlu fil-proprjetà sabiex jaċċessaw dokumenti u data oħra fi kwalunkwe forma;

(x) 

li jesternalizzaw verifiki jew investigazzjonijiet lill-awdituri jew l-esperti;

(y) 

li jirrikjedu t-tneħħija ta’ persuna fiżika mill-korp maniġerjali ta’ emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew ta’ fornitur ta’ servizzi tal-kriptoassi;

(z) 

li jitolbu lil kwalunkwe persuna tieħu passi biex tnaqqas id-daqs tal-pożizzjoni tagħha jew tal-esponiment tagħha għall-kriptoassi;

(aa) 

meta ma hemmx disponibbli mezzi effettivi oħra li jagħtu lok għall-waqfien tal-ksur ta’ dan ir-Regolament u sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ ħsara serja għall-interessi tal-klijenti jew tad-detenturi ta’ kriptoassi li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji, inkluż billi parti terza jew awtorità pubblika tintalab timplimenta tali miżuri, biex:

(i) 

ineħħu l-kontenut jew jirrestrinġu l-aċċess għal interfaċċa online jew jordnaw il-wiri espliċitu ta’ twissija għall-klijenti u għad-detenturi ta’ kriptoassi meta jaċċessaw interfaċċa online;

(ii) 

jordnaw lil fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ineħħi, jiddiżattiva jew jirrestrinġi l-aċċess għal interfaċċa online; jew

(iii) 

jordnaw lir-reġistri jew lir-reġistraturi tad-dominji jħassru isem dominju kompletament ikkwalifikat u jagħtu permess lill-awtorità kompetenti kkonċernata tirreġistrah;

(ab) 

li jirrikjedu lil emittent ta’ token irreferenzjat ma’ assi jew token tal-flus elettroniċi, f’konformità mal-Artikolu 23(4), 24(3) jew 58(3), jintroduċi ammont ta’ denominazzjoni minima jew jillimita l-ammont maħruġ.

Artikolu 94 2.
Is-setgħat superviżorji u investigattivi eżerċitati fir-rigward tal-offerenti, tal-persuni li jkunu qed ifittxu l-ammissjoni għan-negozjar, tal-emittenti u tal-fornituri ta’ servizzi tal-kriptoassi, huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-istess awtoritajiet superviżorji jew awtoritajiet superviżorji oħrajn fir-rigward ta’ dawk l-entitajiet, inklużi s-setgħat mogħtija lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2009/110/KE u s-setgħat superviżorji prudenzjali mogħtija lill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013.
Artikolu 94 3.

Sabiex jaqdu dmirijiethom skont it-Titolu VI, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, tal-anqas is-setgħat superviżorji u investigattivi li ġejjin minbarra s-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1:

(a) 

li jaċċessaw kwalunkwe dokument jew data fi kwalunkwe forma, jew li jirċievu jew li jagħmlu kopja tagħhom;

(b) 

li jirrikjedu jew jeżiġu informazzjoni mingħand kwalunkwe persuna, inklużi dawk li jkunu involuti suċċessivament fit-trażmissjoni ta’ ordnijiet jew fit-twettiq tal-operazzjonijiet ikkonċernati, kif ukoll il-prinċipali tagħhom, u, jekk meħtieġ, li jsejħu u jinterrogaw lil kwalunkwe persuna tali bl-għan li jiksbu informazzjoni;

(c) 

li jidħlu fil-bini ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi sabiex jissekwestraw dokumenti u data fi kwalunkwe forma meta jkun jeżisti suspett raġonevoli li dokumenti u data relatati mas-suġġett tal-ispezzjoni jew tal-investigazzjoni jistgħu jkunu rilevanti bħala prova ta’ każ ta’ abbuż minn informazzjoni privileġġjata jew ta’ manipulazzjoni tas-suq;

(d) 

li jirreferu kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali;

(e) 

li jirrikjedu, sa fejn ikun permess mil-liġi nazzjonali, rekords eżistenti tat-traffiku tad-data miżmuma minn operatur tat-telekomunikazzjoni, meta jkun jeżisti suspett raġonevoli ta’ ksur u meta tali rekords jistgħu jkunu rilevanti għall-investigazzjoni ta’ ksur tal-Artikoli 88 sa 91;

(f) 

li jitolbu l-iffriżar jew is-sekwestru tal-assi, jew it-tnejn li huma;

(g) 

li jimponu projbizzjoni temporanja fuq l-eżerċizzju tal-attività professjonali;

(h) 

li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li l-pubbliku jkun informat b’mod korrett, fost l-oħrajn, billi jikkoreġu informazzjoni żvelata li tkun falza jew qarrieqa, inkluż billi jirrikjedu li offerent, persuna li tkun qed tfittex l-ammissjoni għan-negozjar jew emittent jew persuna oħra li tkun ippubblikat jew xerrdet informazzjoni falza jew qarrieqa jippubblikaw dikjarazzjoni korrettiva.

Artikolu 94 4.
Meta meħtieġ skont il-liġi nazzjonali, l-awtorità kompetenti tista’ titlob lill-qorti rilevanti biex tiddeċiedi dwar l-użu tas-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.
Artikolu 94 5.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 fi kwalunkwe mod minn dawn li ġejjin:

(a) 

direttament;

(b) 

f’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn, inklużi awtoritajiet kompetenti għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

(c) 

taħt ir-responsabbiltà tagħhom, b’delega lill-awtoritajiet imsemmija fil-punt (b);

(d) 

b’applikazzjoni lill-qrati kompetenti.

Artikolu 94 6.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu stabbiliti miżuri xierqa biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u investigattivi li jkunu neċessarji biex iwettqu dmirijiethom.
Artikolu 94 7.
Persuna li tagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-awtorità kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament ma għandhiex titqies li tikser xi restrizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni imposta b’kuntratt jew b’xi dispożizzjoni leġislattiva, regolatorja jew amministrattiva, u ma għandha tkun soġġetta għall-ebda tip ta’ responsabbiltà relatata ma’ tali notifika.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 09.01.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32023R1114
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.