1. Meta żewġ jew aktar kontrolluri, jew kontrollur wieħed jew aktar flimkien ma’ kontrollur wieħed jew aktar li mhumiex istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni jiddeterminaw b’mod konġunt il-finijiet u l-mezzi ta’ pproċessar, dawn għandhom ikunu kontrolluri konġunti. Huma għandhom, b’mod trasparenti, jistabbilixxu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità mal-obbligi tagħhom ta’ protezzjoni ta’ data, b’mod partikolari fir-rigward tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u d-dmirijiet rispettivi tagħhom biex jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 15 u 16, permezz ta’ arranġament bejniethom ħlief jekk, u sa fejn, ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti jkunu stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għalih ikunu suġġetti l-kontrolluri konġunti. L-arranġament jista’ jistabbilixxi punt ta’ kuntatt għas-suġġetti tad-data.