Artikolu 68
Regoli dwar preċedenza fil-każ ta' overlapping
1. Meta, matul l-istess perjodu u għall-istess membri tal-familja, jingħataw benefiċċji taħt il-leġislazzjoni ta' aktar minn Stat Membru wieħed, dawn ir-regoli dwar preċedenza għandhom japplikaw:
(a) fil-każ ta' benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq bażijiet differenti, l-ordni ta' preċedenza għandha tkun kif ġej: l-ewwel nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta' attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, it-tieni nett, drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta' riċeviment ta' pensjoni, u fl-aħħar nett, drittijiet miksuba fuq il-bażi ta' residenza;
(b) fil-każ ta' benefiċċji li għandhom jitħallsu minn aktar minn Stat Membru wieħed fuq l-istess bażi, l-ordni ta' preċedenza għandha tkun stabbilita b'referenza għal kriterji sussidjarji li ġejjin:
(i) fil-każ ta' drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta' attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha: il-post ta' residenza tat-tfal, sakemm ikun hemm attività bħal din, u b'mod addizzjonali, fejn jixraq, l-akbar ammont ta' benefiċċji mogħti mill-leġislazzjonijiet differenti. Fil-każ imsemmi l-aħħar, l-ispejjeż tal-benefiċċji għandhom jinqassmu skond il-kriterji stabbiliti fir-Regolament ta' Implimentazzjoni;
(ii) fil-każ ta' drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta' riċeviment ta' pensjonijiet: il-post ta' residenza tat-tfal, sakemm pensjoni hija pagabbli taħt il-leġislazzjoni ta' dan il-post, u b'mod addizzjonali, fejn jixraq, l-itwal perjodu ta' assigurazzjoni jew residenza taħt il-leġislazzjonijiet differenti;
(iii) fil-każ ta' drittijiet mogħtija fuq il-bażi ta' residenza: il-post ta' residenza tat-tfal.
2. Fil-każ li jkun hemm overlapping bejn il-benefiċċji li għalihom hija intitolata persuna, benefiċċji marbutin mal-familja għandhom jingħataw skond il-leġislazzjoni indikata bħala l-leġislazzjoni li għandha preċedenza skond il-paragrafu 1. L-intitolar għal benefiċċji tal-familja taħt leġislazzjoni jew leġislazzjonijiet oħrajn li ma jaqblux għandu jkun sospiż sa' l-ammont stabbilit mill-ewwel leġislazzjoni u għandu jingħata suppliment biex jagħmel tajjeb għad-differenza, jekk ikun meħtieġ, fis-somma li taqbeż dan l-ammont. Madanakollu, dan is-suppliment ma hemmx bżonn li jingħata fil-każ ta' tfal li huma residenti fi Stat Membru ieħor meta l-persuna tkun intitolata għall-benefiċċju konċernat fuq il-bażi ta' residenza biss.
3. Jekk, taħt l-Artikolu 67, tkun sottomessa applikazzjoni għal benefiċċji marbutin mal-familja lill-istituzzjoni kompetenti ta' Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu hija applikabbli, iżda mhux bi dritt ta' preċedenza skond il-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu:
(a) dik l-istituzzjoni għandha tibgħat dik l-applikazzjoni mingħajr dewmien lill-istituzzjoni kompetenti ta' l-Istat Membru li l-leġislazzjoni tapplika bi preċedenza, tinforma lill-persuna konċernata u, mingħajr ħsara għad-disposizzjonijiet tar-Regolament ta' Implimentazzjoni dwar l-għoti proviżjonali ta' benefiċċji, tagħti jekk ikun hemm bżonn is-suppliment li jagħmel tajjeb għad-differenza msemmi fil-paragrafu 2;
(b) l-istituzzjoni kompetenti ta' l-Istat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tapplika bi preċedenza għandha tipproċessa din l-applikazzjoni bħallikieku kienet sottomessa direttament lilha, u d-data li fiha din l-applikazzjoni kienet sottomessa lill-ewwel istituzzjoni għandha titqies bħala d-data ta' meta saret it-talba lill-istituzzjoni li għandha preċedenza.
▼M1