Artikolu 70
Disposizzjoni ġenerali
1. Dan l-Artikolu għandu japplika għal benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus taħt il-leġislazzjoni li, minħabba l-ambitu personali, objettivi u/jew kondizzjonijiet dwar l-intitolar, għandha karatteristiċi kemm tal-leġislazzjoni dwar is-sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1) u kemm ta' assistenza soċjali.
2. Għall-għanijiet ta' dan il-Kapitolu, “benefiċċji speċjali li mhumiex kontributorji u li jingħataw fi flus” tfisser dawn il-benefiċċji li:
(a) huma maħsuba biex jagħtu jew:
(i) protezzjoni supplimentari, sostituta jew sekondarja kontra r-riskji koperti mill-fergħat ta' sigurtà soċjali msemmija fl-Artikolu 3(1), u li jiggarantixxu lill-persuni konċernati dħul minimu għall-għajxien fil-waqt li jikkunsidraw is-sitwazzjoni ekonomika u soċjali fl-Istat Membru konċernat;
jew
(ii) protezzjoni speċifika biss għal persuni b'diżabilità, liema protezzjoni hija marbuta ma' l-ambjent soċjali tal-persuna konċernata fl-Istat Membru konċernat,
u
(b) meta l-iffinanzjar jiġi b'mod esklużiv minn taxxi obbligatorji maħsubin biex ikopru l-ispiża pubblika ġenerali u l-kondizzjonijiet biex jingħataw u biex ikunu ikkalkulati l-benefiċċji ma jiddependux fuq xi kontribuzzjoni fir-rigward tal-benefiċjarju. Madanakollu, benefiċċji mogħtija biex jissupplimentaw benefiċċju kontributorju ma għandhomx jitqiesu bħala benefiċċji kontributorji minħabba din ir-raġuni biss,
u
(ċ) huma elenkati fl-Anness X.
3. L-Artikolu 7 l-kapitoli l-oħra ta' dan it-Titolu ma għandhomx japplikaw għall-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu.
4. Il-benefiċċji msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jingħataw biss fl-Istat Membru fejn il-persuni konċernati għandhom ir-residenza tagħhom u skond il-leġislazzjoni ta' dan l-Istat Membru. Dawn il-benefiċċji għandhom jingħataw u għandhom jitħallsu mill-istituzzjoni tal-post ta' residenza.