Artikolu 55
Kondizzjonijiet u restrizzjonijiet dwar iż-żamma tad-dritt għall-benefiċċji għal persuni qiegħda li sejrin fi Stat Membru ieħor
▼M2
(1) Sabiex tkun koperta mill-Artikolu 64 jew l-Artikolu 65a tar-Regolament bażiku, il-persuna qiegħda li tmur fi Stat Membru ieħor għandha, qabel it-tluq tagħha, tinforma lill-istituzzjoni kompetenti u titlobha dokument li jiċċertifika li hija żżomm id-dritt tagħha għall-benefiċċji skont il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 64(1)(b) tar-Regolament bażiku.
▼B
Dik l-istituzzjoni għandha tinforma lill-persuna kkonċernata bl-obbligi tagħha u għandha tipprovdi d-dokument imsemmi hawn fuq li għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:
(a) id-data li fiha l-persuna qiegħda waqfet li tkun disponibbli għas-servizzi tal-impjieg tal-Istat kompetenti;
(b) il-perijodu mogħti b’konformità mal-Artikolu 64(1)(b) tar-Regolament bażiku għar-reġistrazzjoni bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol fl-Istat Membru fejn marret il-persuna qiegħda;
(c) il-perijodu massimu li matulu d-dritt għall-benefiċċji jista’ jinżamm b’konformità mal-Artikolu 64(1)(c) tar-Regolament bażiku;
(d) iċ-ċirkostanzi li jistgħu jaffettwaw id-dritt għal benefiċċji.
(2) Il-persuna qiegħda għandha tirreġistra bħala persuna li qed tfittex ix-xogħol mas-servizzi tal-impjieg tal-Istat Membru fejn hija tmur b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 64(1)(b) tar-Regolament bażiku u għandha tipprovdi d-dokument imsemmi fil-paragrafu 1 lill-istituzzjoni ta’ dak l-Istat Membru. Jekk hija tkun informat lill-istituzzjoni kompetenti taħt il-paragrafu 1 iżda tonqos milli tipprovdi dan id-dokument, l-istituzzjoni fl-Istat Membru fejn il-persuna qiegħda marret għandha tikkuntattja lill-istituzzjoni kompetenti sabiex tikseb l-informazzjoni meħtieġa.
(3) Is-servizzi tal-impjieg tal-Istat Membru fejn il-persuna qiegħda marret biex tfittex impjieg għandhom jinfurmaw lill-persuna qiegħda bl-obbligi tagħha.
(4) L-istituzzjoni fl-Istat Membru fejn il-persuna qiegħda tkun marret għandha immedjatament tibgħat dokument lill-istituzzjoni kompetenti bid-data li fiha l-persuna qiegħda rreġistrat mas-servizzi tal-impjieg u bl-indirizz il-ġdid tagħha.
Jekk, fil-perijodu li fih il-persuna qiegħda żżomm id-dritt għall-benefiċċji, isseħħ kwalunkwe ċirkostanza msemmija fil-paragrafu (d) li x’aktarx taffettwa d-dritt għall-benefiċċji, l-istituzzjoni tal-post fejn il-persuna qiegħda marret għandha tibgħat minnufih lill-istituzzjoni kompetenti u lill-persuna kkonċernata dokument li fih l-informazzjoni relevanti.
Fuq talba tal-istituzzjoni kompetenti, l-istituzzjoni fl-Istat Membru fejn tkun marret il-persuna qiegħda għanda tipprovdi l-informazzjoni relevanti kull xahar dwar il-progress tas-sitwazzjoni tal-persuna qiegħda, partikolarment jekk din tal-aħħar għadhiex reġistrata mas-servizzi tal-impjieg u jekk hijiex konformi mal-proċeduri organizzati ta’ verifika.
(5) L-istituzzjoni fl-Istat Membru fejn il-persuna qiegħda tkun marret għandha twettaq jew tirranġa biex jitwettqu kontrolli, li għandhom isiru daqslikieku l-persuna kkonċernata kienet persuna qiegħda li tirċievi benefiċċji taħt il-leġislazzjoni stess li hija taqa’ taħtha. Fejn meħtieġ, hija għandha tinforma immedjatament lill-istituzzjoni kompetenti bis-seħħ ta’ kwalunkwe ċirkostanza msemmija fil-paragrafu 1(d).
(6) L-awtoritajiet kompetenti jew l-istituzzjonijiet kompetenti ta’ żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jaqblu bejniethom dwar proċeduri u limiti ta’ żmien speċifiċi dwar il-progress tas-sitwazzjoni tal-persuna qiegħda kif ukoll miżuri oħra li jiffaċilitaw l-attivitajiet għal tfittxija ta’ impjieg tal-persuni qiegħda li jmorru f’wieħed minn dawk l-Istati Membri taħt l-Artikolu 64 tar-Regolament bażiku.
▼M2
(7) Il-paragrafi 2 sa 6 għandhom japplikaw mutatis mutandis għas-sitwazzjoni ttrattata fl-Artikolu 65a(3) tar-Regolament bażiku.
▼B