+Artikoli 8 3.

Artikoli 8 3.

Mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti rilevanti skont id-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali u, sal-punt li ma jikkontradixxihomx, dak nazzjonali, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiffaċilita l-ħruġ tad-deċiżjoni komprensiva. Id-deċiżjoni komprensiva għandha tinħareġ fil-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2) u f’konformità ma’ waħda mill-iskemi li ġejjin:

(a) 

skema integrata:

id-deċiżjoni komprensiva għandha tinħareġ mill-awtorità nazzjonali kompetenti u għandha tkun l-unika deċiżjoni legalment vinkolanti li tirriżulta mill-proċedura statutorja għall-għoti ta’ permessi. Meta awtoritajiet oħra jkunu kkonċernati mill-proġett, huma jistgħu, f’konformitá mad-dritt nazzjonali, jagħtu l-opinjoni tagħhom bħala input għall-proċedura, li għandha titqies mill-awtorità nazzjonali kompetenti;

(b) 

skema koordinata:

id-deċiżjoni komprensiva tinkludi diversi deċiżjonijiet individwali legalment vinkolanti maħruġa minn diversi awtoritajiet ikkonċernati, li għandhom jiġu kkoordinati mill-awtorità nazzjonali kompetenti. L-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tistabbilixxi grupp ta’ ħidma li fih l-awtoritajiet ikkonċernati kollha jkunu rrappreżentati sabiex titfassal skeda għall-proċess għall-għoti ta’ permessi f’konformità mal-Artikolu 10(6), il-punt (b), u sabiex tiġi mmonitorjata u kkoordinata l-implimentazzjoni tagħha. L-awtorità nazzjonali kompetenti, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet ikkonċernati l-oħra, għandha, fejn applikabbli f’konformità mad-dritt nazzjonali, u mingħajr preġudizzju għal-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2), tistabbilixxi fuq bażi ta’ kull każ għalih limitu taż-żmien raġonevoli li fih għandhom jinħarġu d-deċiżjonijiet individwali. L-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tieħu deċiżjoni individwali f’isem awtorità nazzjonali oħra kkonċernata, fejn id-deċiżjoni minn dik l-awtorità ma tingħatax fi żmien il-limitu taż-żmien u fejn id-dewmien ma jistax jiġi ġġustifikat b’mod adegwat; jew, fejn previst taħt id-dritt nazzjonali, u sal-punt li dan ikun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tikkunsidra li awtorità nazzjonali kkonċernata oħra tkun tat l-approvazzjoni jew ir-rifjut tagħha għall-proġett meta d-deċiżjoni minn dik l-awtorità ma tingħatax fi ħdan il-limitu taż-żmien. Fejn ipprovdut skont il-liġi nazzjonali, l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tinjora deċiżjoni individwali ta’ awtorità nazzjonali oħra kkonċernata jekk tqis li d-deċiżjoni mhijiex sostanzjata biżżejjed fir-rigward tal-evidenza bażi ppreżentata mill-awtorità nazzjonali kkonċernata; hija u tagħmel dan, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiżgura li r-rekwiżiti rilevanti taħt id-dritt tal-Unjoni u dak internazzjonali jiġu rispettati u għandha tipprovdi r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha;

(c) 

skema kollaborattiva:

id-deċiżjoni komprensiva għandha tiġi kkoordinata mill-awtorità nazzjonali kompetenti. L-awtorità nazzjonali kompetenti, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet ikkonċernati l-oħra, għandha, fejn applikabbli f’konformità mad-dritt nazzjonali, u mingħajr preġudizzju għal-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2), tistabbilixxi fuq bażi ta’ kull każ għalih limitu taż-żmien raġonevoli li fih għandhom jinħarġu d-deċiżjonijiet individwali. Għandha timmonitorja l-konformità mal-limiti taż-żmien mill-awtoritajiet ikkonċernati.

L-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-iskemi b’mod li, skont il-liġi nazzjonali, jikkontribwixxi għall-ħruġ l-aktar effiċjenti u f’waqtu tad-deċiżjoni komprensiva.

Il-kompetenza tal-awtoritajiet ikkonċernati tista’ jew tiġi inkorporata fil-kompetenza tal-awtorità nazzjonali kompetenti maħtura f’konformità mal-paragrafu 1 jew inkella l-awtoritajiet ikkonċernati jistgħu jżommu, sa ċertu punt, il-kompetenza indipendenti tagħhom f’konformità mal-iskema rispettiva għall-għoti ta’ permessi magħżula mill-Istat Membru f’konformità ma’ dan il-paragrafu sabiex jiffaċilitaw il-ħruġ tad-deċiżjoni komprensiva u jikkooperaw mal-awtorità nazzjonali kompetenti kif xieraq.

Meta awtorità kkonċernata ma tkunx qed tistenna li tagħti deċiżjoni individwali fil-limitu taż-żmien stabbilit, dik l-awtorità għandha minnufih tinforma lill-awtorità nazzjonali kompetenti, u tipprovdi raġunijiet għad-dewmien. Sussegwentement, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tistabbilixxi limitu taż- żmien ieħor li fih għandha tinħareġ dik id-deċiżjoni individwali, f’konformità mal-limiti taż-żmien ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 10(1) u (2).

L-Istati Membri għandhom jagħżlu minn fost it-tliet skemi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu sabiex jiffaċilitaw u jikkoordinaw il-proċeduri tagħhom u għandhom jimplimentaw l-iskema li hi l-aktar effettiva għalihom fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali fil-proċessi tagħhom għall-ippjanar u għall-għoti ta’ permessi. Meta Stat Membru jagħżel l-iskema kollaborattiva, għandu jinforma lill-Kummissjoni bir-raġunijiet tiegħu.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 29.04.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32022R0869
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.