8. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiżguraw li l-pjanijiet ta' rkupru preventiv tagħhom ikun fihom qafas ta' indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi li jidentifikaw il-punti li fihom jenħtieġ li jiġu kkunsidrati jew meħuda l-azzjonijiet ta' rimedju. Dawk l-indikaturi jistgħu jinkludu kriterji relatati fost l-oħrajn mal-kapital, mal-likwidità, mal-kwalità tal-assi, mal-profittabbiltà, mal-kundizzjonijiet tas-suq, mal-kundizzjonijiet makroekonomiċi u mal-avvenimenti operazzjonali. L-indikaturi relatati mal-pożizzjoni kapitali għandhom bħala minimu jkun fihom kwalunkwe ksur tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, it-Taqsima 4, tad-Direttiva 2009/138/KE.
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li kwalunkwe ksur tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jirriżulta f'azzjoni ta' rimedju xierqa mill-impriża kkonċernata f'konformità mal-pjan ta' rkupru preventiv.
L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet superviżorji jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistabbilixxu arranġamenti xierqa għall-monitoraġġ regolari tal-indikaturi msemmija fl-ewwel subparagrafu.