+Artikolu 5 Pjanijiet ta' rkupru preventiv
---+Artikolu 5 1
---+Artikolu 5 2
---+Artikolu 5 3
---+Artikolu 5 4
---+Artikolu 5 5
---+Artikolu 5 6
---+Artikolu 5 7
---+Artikolu 5 8
---+Artikolu 5 9
---+Artikolu 5 10
---+Artikolu 5 11
---+Artikolu 5 12

Artikolu 5 Pjanijiet ta' rkupru preventiv

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 5 1

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni li ma humiex parti minn grupp soġġett għall-ippjanar ta' rkupru preventiv skont l-Artikolu 7, u li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2 jew 3 ta' dan l-Artikolu, ifasslu u jżommu aġġornat pjan ta' rkupru preventiv. Dak il-pjan ta' rkupru preventiv għandu jkun fih miżuri li għandhom jittieħdu mill-impriża kkonċernata sabiex tirrestawra l-pożizzjoni finanzjarja tagħha fejn dik il-pożizzjoni tkun iddeterjorat b'mod sinifikanti.

It-tfassil, l-aġġornament u l-applikazzjoni ta' pjanijiet ta' rkupru preventiv għandhom jitqiesu bħala parti mis-sistema ta' governanza skont it-tifsira tal-Artikolu 41 tad-Direttiva 2009/138/KE.

Artikolu 5 2

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità superviżorja tissoġġetta lill-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni għal rekwiżiti ta' ppjanar tal-irkupru preventiv abbażi tad-daqs, il-mudell tan-negozju, il-profil tar-riskju, l-interkonnettività u s-sostitwibbiltà, l-importanza tagħhom għall-ekonomija tal-Istati Membri li joperaw fihom, u l-attivitajiet transfruntiera tagħhom, b'mod partikolari attivitajiet transfruntiera sinifikanti.

L-awtoritajiet superviżorji għandhom jiżguraw li tal-anqas 60 % tas-suq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni tal-ħajja tal-Istat Membru u tal-anqas 60 % tas-suq tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni mhux tal-ħajja – is-sehem tas-suq tal-ħajja bbażat fuq provvedimenti tekniċi grossi u s-sehem tas-suq mhux tal-ħajja bbażat fuq primjums grossi miktuba – ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta' ppjanar ta' rkupru preventiv skont dan l-Artikolu.

Fil-kalkolu tal-livell ta' kopertura tas-suq imsemmi fit-tieni subparagrafu, l-impriżi sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ta' grupp jistgħu jitqiesu meta dawk l-impriżi sussidjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni jkunu parti minn grupp li għalih l-impriża omm apikali tkun qed tfassal u żżomm pjan ta' rkupru preventiv ta' grupp.

Artikolu 5 3

3.   Kwalunkwe impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tkun soġġetta għal pjan ta' riżoluzzjoni għandha tkun soġġetta għal rekwiżiti ta' ppjanar preventiv għall-irkupru.

L-impriżi żgħar u mhux kumplessi ma għandhomx ikunu soġġetti għal rekwiżiti ta' ppjanar ta' rkupru preventiv, ħlief meta awtorità superviżorja tqis li tali impriża tirrappreżenta riskju partikolari fil-livell nazzjonali jew reġjonali.

Artikolu 5 4

4.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jaġġornaw il-pjanijiet ta' rkupru preventiv tagħhom mill-inqas kull sentejn, u fi kwalunkwe każ:

(a)

wara bidla fl-istruttura legali jew organizzazzjonali tal-impriża, fin-negozju tagħha jew fil-pożizzjoni finanzjarja tagħha li jista' jkollha effett materjali fuq il-pjan ta' rkupru preventiv, jew teħtieġ bidla materjali fih;

(b)

meta bidla materjali fil-pożizzjoni finanzjarja tal-impriża li jista' jkollha effett materjali fuq l-effettività tal-pjan, jew inkella tkun teħtieġ reviżjoni tal-pjan ta' rkupru preventiv, issir prevedibbli.

Artikolu 5 5

5.   Il-pjanijiet ta' rkupru preventiv ma għandhomx jassumu li ser ikollhom aċċess, jew li ser jirċievu għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja.

Artikolu 5 6

6.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-pjanijiet ta' rkupru preventiv ikun fihom dawn kollha li ġejjin:

(a)

sommarju tal-elementi ewlenin tal-pjan, inkluż il-bidliet materjali għall-pjan li ġie ppreżentat l-aktar reċenti;

(b)

deskrizzjoni tal-impriża jew tal-grupp, inkluż sommarju ta' kwalunkwe bidla materjali mill-pjan ippreżentat l-aktar reċenti;

(c)

qafas ta' indikaturi kif imsemmi fil-paragrafu 8;

(d)

deskrizzjoni ta' kif tfassal il-pjan ta' rkupru preventiv, kif ser jiġi aġġornat u kif ser jiġi applikat;

(e)

medda ta' azzjonijiet ta' rimedju;

(f)

strateġija ta' komunikazzjoni.

(g)

meta l-impriża tkun kisret ir-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza stipulat fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, it-Taqsima 4, tad-Direttiva 2009/138/KE u tkun ippreżentat pjan ta' rkupru f'konformità mal-Artikolu 138(2) tad-Direttiva 2009/138/KE xi darba fl-aħħar 10 snin, dak il-pjan ta' rkupru kif ukoll valutazzjoni tal-miżuri meħuda biex tiġi restawrata l-konformità tal-impriża mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza.

Artikolu 5 7

7.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jivvalutaw il-kredibbiltà u l-fattibbiltà tal-pjanijiet ta' rkupru preventiv tagħhom, b'mod partikolari l-qafas ta' indikaturi msemmi fil-paragrafu 8 u l-azzjonijiet ta' rimedju, fuq medda ta' xenarji ta' stress makroekonomiku u finanzjarju serju rilevanti għall-kundizzjonijiet speċifiċi tal-impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni, inkluż avvenimenti mifruxin mas-sistema kollha, avvenimenti ta' stress idjosinkratiku li x'aktarx jaffettwaw materjalment il-profil tal-assi u tal-obbligazzjonijiet tagħhom, u taħlitiet ta' tali avvenimenti ta' stress.

Artikolu 5 8

8.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jiżguraw li l-pjanijiet ta' rkupru preventiv tagħhom ikun fihom qafas ta' indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi li jidentifikaw il-punti li fihom jenħtieġ li jiġu kkunsidrati jew meħuda l-azzjonijiet ta' rimedju. Dawk l-indikaturi jistgħu jinkludu kriterji relatati fost l-oħrajn mal-kapital, mal-likwidità, mal-kwalità tal-assi, mal-profittabbiltà, mal-kundizzjonijiet tas-suq, mal-kundizzjonijiet makroekonomiċi u mal-avvenimenti operazzjonali. L-indikaturi relatati mal-pożizzjoni kapitali għandhom bħala minimu jkun fihom kwalunkwe ksur tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza stabbilit fit-Titolu I, il-Kapitolu VI, it-Taqsima 4, tad-Direttiva 2009/138/KE.

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li kwalunkwe ksur tar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jirriżulta f'azzjoni ta' rimedju xierqa mill-impriża kkonċernata f'konformità mal-pjan ta' rkupru preventiv.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet superviżorji jiżguraw li l-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni jistabbilixxu arranġamenti xierqa għall-monitoraġġ regolari tal-indikaturi msemmija fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 5 9

9.   Impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni li tiddeċiedi li tieħu azzjoni ta' rimedju li tinsab fil-pjan ta' rkupru preventiv tagħha, jew li tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni ta' rimedju bħal din għalkemm ikun ġie ssodisfat indikatur kif imsemmi fil-paragrafu 8, l-ewwel subparagrafu, għandha tinnotifika tali deċiżjoni lill-awtorità superviżorja mingħajr dewmien.

Artikolu 5 10

10.   Il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju ta' impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jivvaluta u japprova l-pjan ta' rkupru preventiv qabel ma jippreżentah lill-awtorità superviżorja għal rieżami.

Artikolu 5 11

11.   L-EIOPA għandha, sad-29 ta’ Jannar 2027, toħroġ linji gwida skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jispeċifikaw aktar:

(a)

f'kooperazzjoni mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, il-medda ta' xenarji msemmija fil-paragrafu 7 ta' dan l-Artikolu;

(b)

l-indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi msemmija fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 5 12

12.   L-EIOPA għandha tiżviluppa abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar:

(a)

il-kriterji, b'mod partikolari fir-rigward tal-attività transfruntiera, imsemmija fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu;

(b)

il-metodi li għandhom jintużaw meta jiġu ddeterminati l-ishma tas-suq imsemmija fil-paragrafu 2, it-tieni u t-tielet subparagrafi;

(c)

l-informazzjoni li impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għandha tinkludi fil-pjan ta' rkupru preventiv, inkluż l-azzjonijiet ta' rimedju msemmija fil-paragrafu 6, il-punt (e), u l-implimentazzjoni tagħhom.

L-EIOPA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sad-29 ta’ Lulju 2026.

Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tissupplimenta din id-Direttiva billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmijin fl-ewwel subparagrafu f'konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 08.01.2025 00:00:00 -Doknr: CELEX:32025L0001
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.