|
+Artikolu 1 5. |
Artikolu 1 5.L-obbligu tal-pubblikazzjoni ta' prospett stabbilit fl-Artikolu 3(3) m’għandux japplika għall-ammissjoni għall-kummerċ f’suq regolat ta’ kwalunkwe minn dawn li ġejjin:
(a)
titoli funġibbli ma’ titoli diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat, bil-kondizzjoni li dawn jirrappreżentaw, fuq perjodu ta’ 12-il xahar, anqas minn 30 % tal-għadd ta’ titoli diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat;
(b)
ishma li jirriżultaw mill-konverżjoni jew mill-iskambju ta’ titoli oħrajn jew mill-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti minn titoli oħrajn, meta l-ishma li jirriżultaw ikunu tal-istess klassi bħall-ishma diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat, bil-kondizzjoni li l-ishma li jirriżultaw jirrappreżentaw, matul perjodu ta’ 12-il xahar, anqas minn 30 % tal-għadd ta’ ishma tal-istess klassi diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat, soġġett għat-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu;
(ba)
titoli funġibbli ma’ titoli li ġew ammessi għall-kummerċ f’suq regolat kontinwament għal tal-anqas it-18-il xahar ta’ qabel l-ammissjoni għall-kummerċ tat-titoli l-ġodda, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(i)
it-titoli li għandhom jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat ma jinħarġux b’rabta ma’ akkwiżizzjoni permezz ta’ offerta ta’ skambju, ta’ fużjoni jew ta’ diviżjoni;
(ii)
l-emittent tat-titoli ma jkunx soġġett għal ristrutturar jew għal proċeduri ta’ insolvenza;
(iii)
dokument li fih l-informazzjoni stabbilita fl-Anness IX jiġi ddepożitat, f’format elettroniku, għand l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f’konformità mal-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 21(2) fl-istess ħin li fih jiġi ppreżentat lil dik l-awtorità kompetenti;
(c)
it-titoli li jirriżultaw mill-konverżjoni jew l-iskambju ta' titoli, fondi proprji jew obbligazzjonijiet eliġibbli oħra minn awtorità ta' riżoluzzjoni dovuti għall-eżerċizzju ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 53(2), 59(2) jew fl-Artikolu 63(1) jew (2) tad-Direttiva 2014/59/UE;
(d)
ishma maħruġa minflok ishma tal-istess klassi diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat, meta l-ħruġ ta’ tali ishma ma jinvolvix xi żieda fil-kapital maħruġ;
(e)
titoli offruti b’konnessjoni ma’ xiri permezz ta’ offerta ta’ skambju, bil-kondizzjoni li jsir disponibbli għall-pubbliku dokument f'konformità mal-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 21(2), li jkun fih informazzjoni li tiddeskrivi t-transazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-emittent;
(f)
titoli offruti, allokati jew li jridu jiġu assenjati b’konnessjoni ma’ fużjoni jew diviżjoni, bil-kondizzjoni li jsir disponibbli għall-pubbliku dokument f'konformità mal-arranġamenti stabbiliti fl-Artikolu 21(2), li jkun fih informazzjoni li tiddeskrivi t-transazzjoni u l-impatt tagħha fuq l-emittent;
(g)
ishma offruti, allokati jew li jridu jiġu assenjati mingħajr ħlas lill-azzjonisti eżistenti, u d-dividendi mħallsa fl-għamla ta’ ishma tal-istess klassi bħall-ishma li fir-rigward tagħhom jitħallsu dawn id-dividendi, bil-kondizzjoni li l-ishma msemmija jkunu tal-istess klassi bħall-ishma diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat u jkun hemm disponibbli dokument li jkun fih l-informazzjoni dwar l-għadd u n-natura tal-ishma u r-raġunijiet u d-dettalji tal-offerta jew l-allokazzjoni;
(h)
titoli offruti, assenjati jew li jridu jiġu assenjati lil diretturi jew lil impjegati eżistenti jew ta’ qabel minn min jimpjegahom jew impriża affiljata, bil-kondizzjoni li dawn it-titoli msemmija jkunu tal-istess klassi bħat-titoli diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat, u li jkun hemm disponibbli dokument li jkun fih l-informazzjoni dwar l-għadd u n-natura tat-titoli u r-raġunijiet u d-dettalji tal-offerta jew l-allokazzjoni;
(i)
►M5 titoli mingħajr ekwità maħruġin b’manjiera kontinwa jew ripetuta mill-istituzzjoni ta’ kreditu, meta l-korrispettiv aggregat totali fl-Unjoni għat-titoli offruti jkun anqas minn EUR 150 000 000 għal kull istituzzjoni ta’ kreditu kkalkolat fuq perjodu ta’ 12-il xahar, dment li dawk it-titoli: ◄
(i)
ma jkunux subordinati, konvertibbli jew skambjabbli; u
(ii)
ma jagħtux id-dritt li jiġu sottoskritti jew miksuba tipi oħra ta’ titoli u li ma jkunux marbuta ma’ strument derivattiv; ▼M5 ————— Ir-rekwiżit li l-ishma li jirriżultaw jirrappreżentaw, fuq perjodu ta’ 12-il xahar, anqas minn 30 % tal-għadd ta’ ishma tal-istess klassi diġà ammessi għall-kummerċ fl-istess suq regolat kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (b), ma għandux japplika fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:
(a)
meta prospett ikun tfassal f'konformità ma' dan ir-Regolament jew mad-Direttiva 2003/71/KE mal-offerta lill-pubbliku jew l-ammissjoni għall-kummerċ f'suq regolat tat-titoli li jagħtu aċċess għall-ishma;
(b)
meta t-titoli li jagħtu aċċess għall-ishma nħarġu qabel l-20 ta’ Lulju 2017;
(c)
meta l-ishma jikkwalifikaw bħala elementi tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni kif stabbilit fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) ta’ istituzzjoni kif definita fil-punt (3) tal-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament u li jirriżultaw mill-konverżjoni ta’ strumenti tal-Grad 1 Addizzjonali maħruġa minn dik l-istituzzjoni minħabba li jkun hemm avveniment skattatur kif stipulat fil-punt (a) tal-Artikolu 54(1) ta’ dak ir-Regolament;
(d)
meta l-ishma jikkwalifikaw bħala fondi proprji eliġibbli jew fondi proprji bażiċi eliġibbli kif definit fit-Taqsima 3 tal-Kapitolu VI tat-Titolu I tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ), u jirriżultaw mill-konverżjoni ta’ titoli oħra li bdiet għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi ta’ konformità mar-Rekwiżit Kapitali tas-Solvenza jew tar-Rekwiżit Kapitali Minimu kif stabbilit fit-Taqsimiet 4 u 5 tal-Kapitolu VI tat-Titolu I tad-Direttiva 2009/138/KE jew ir-rekwiżit tas-solvenza tal-grupp kif stabbilit fit-Titolu III tad-Direttiva 2009/138/KE. Id-dokument imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-punt (ba)(iii), għandu jkollu tul massimu ta’ 11-il naħa ta’ karta ta’ daqs A4 meta tiġi stampata, għandu jiġi ppreżentat u stabbilit b’mod li jkun faċli sabiex jinqara, bl-użu ta’ karattri ta’ daqs li jistgħu jinqraw u għandu jitfassal bil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru domiċiljari, jew tal-anqas b’waħda mil-lingwi uffiċjali tiegħu, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru. Il-korrispettiv aggregat totali tal-offerti ta’ titoli lill-pubbliku msemmijin fl-ewwel subparagrafu, il-punt (i), għandu jqis il-korrispettiv aggregat totali tal-offerti kollha għaddejjin ta’ titoli lill-pubbliku u offerti ta’ titoli lill-pubbliku li jkunu saru fit-12-il xahar qabel id-data tal-bidu ta’ offerta ġdida ta’ titoli lill-pubbliku, ħlief għal dawk l-offerti ta’ titoli lill-pubbliku li għalihom ikun ġie ppubblikat prospett jew li kienu soġġetti għal kwalunkwe eżenzjoni oħra mill-obbligu li jiġi ppubblikat prospett f’konformità mal-ewwel subparagrafu. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|