|
UCITS għandha tagħżel tal-anqas żewġ għodod xierqa għall-ġestjoni tal-likwidità minn dawk imsemmija fl-Anness IIA, il-punti 2 sa 8, wara li tivvaluta l-adegwatezza ta’ dawk l-għodod fir-rigward tal-istrateġija ta’ investiment segwita tagħha, il-profil tal-likwidità tagħha u l-politika ta’ tifdija tagħha. L-UCITS għandha tinkludi dawk l-għodod fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni għal użu possibbli fl-interess tal-investituri tal-UCITS. Ma għandux ikun possibbli li dik l-għażla tinkludi biss l-għodod imsemmija fl-Anness IIA, il-punti 5 u 6. Permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu, UCITS tista’ tiddeċiedi li tagħżel għodda waħda biss għall-ġestjoni tal-likwidità minn dawk imsemmija fl-Anness IIA, il-punti 2 sa 8, jekk dik l-UCITS tkun awtorizzata bħala fond tas-suq monetarju f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1131 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (
16
). L-UCITS għandha timplimenta politiki u proċeduri dettaljati għall-attivazzjoni u d-diżattivazzjoni ta’ kwalunkwe għodda magħżula għall-ġestjoni tal-likwidità u l-arranġamenti operazzjonali u amministrattivi għall-użu ta’ din l-għodda. L-għażla msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi u l-politiki u l-proċeduri dettaljati għall-attivazzjoni u d-diżattivazzjoni għandhom jiġu kkomunikati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-UCITS. Tifdija in natura kif imsemmi fl-Anness IIA, il-punt 8, għandha tiġi attivata biss biex tissodisfa tifdijiet mitluba minn investituri professjonali u jekk it-tifdija in natura tikkorrispondi għal sehem pro rata tal-assi miżmuma mill-UCITS. B’deroga mir-raba’ subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, it-tifdija in natura ma tistax tikkorrispondi għal sehem pro rata tal-assi miżmuma mill-UCITS jekk dik l-UCITS tkun ikkummerċjalizzat biss ma’ investituri professjonali, jew meta l-għan tal-politika ta’ investiment ta’ dik l-UCITS ikun li jirreplika l-kompożizzjoni ta’ ċertu indiċi ta’ titoli ta’ dejn jew ta’ stokk, u dik l-UCITS tkun fond negozjat fil-borża kif definit fl-Artikolu 4(1), il-punt (46), tad-Direttiva 2014/65/UE.
|