Fejn UCITS tinvesti fl-unitajiet ta’ UCITS oħrajn jew impriżi oħrajn ta’ investiment kollettiv li huma mmaniġġjati, direttament jew b’delegazzjoni, mill-istess kumpanija tal-maniġment jew minn kwalunkwe kumpanija oħra li magħha l-kumpanija tal-maniġment hija marbuta b’ maniġment jew kontroll komuni, jew b’holding sostanzjali dirett jew indirett, dik il-kumpanija tal-maniġment jew kumpanija oħra ma jistgħux jitolbu tariffi ta’ sottoskrizzjoni jew ta’ tifdija minħabba l-investiment tal-UCITS fl-unitajiet ta’ dawn il-UCITS l-oħra jew impriżi ta’ investiment kollettiv.
UCITS li tinvesti proporzjon sostanzjali tal-assi tagħha f’UCITS oħrajn jew impriżi ta’ investiment kollettiv għandha tiżvela fil-prospett tagħha l-livell massimu tal-ħlasijiet tal-maniġment li jistgħu jintalbu kemm lill-UCITS innifisha u kemm lil UCITS oħrajn jew impriżi ta’ investiment kollettiv li fihom għandha l-ħsieb li tinvesti. Fir-rapport annwali tagħha għandha tindika l-proporzjon massimu ta’ ħlasijiet ta’ ġestjoni mitluba kemm mill-UCITS innifisha u kemm mill-UCITS jew impriżi oħra ta’ investiment kollettiv li tinvesti fihom.