Il-paragrafu 1 m’għandux jipprevjeni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri milli jiskambjaw informazzjoni f’konformità ma’ din id-Direttiva jew leġislazzjoni oħra tal-Unjoni applikabbli għall-UCITS jew għal impriżi li jikkontribwixxu għall-attività tan-negozju tagħhom jew milli jittrasmettuha lill-AETS f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 jew lill-BERS. Dik l-informazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet tas-segretezza professjonali stabbiliti fil-paragrafu 1.
▼B
L-awtoritajiet kompetenti li jiskambjaw it-tagħrif ma’ awtoritajiet kompetenti oħra skont din id-Direttiva jistgħu jindikaw mal-waqt tal-komunikazzjoni li dan it-tagħrif ma jridx jiġi żvelat mingħajr il-kunsens espress tagħhom, f’liema każ dan it-tagħrif jista jiġi skambjat biss għall-għanijiet li għalihom dawn l-awtoritajiet ikunu taw il-kunsens tagħhom.
▼M12
Il-paragrafu 1 u l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ dan il-paragrafu ma għandhomx jipprekludu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet tat-taxxa li jinsabu fl-istess Stat Membru. Meta l-informazzjoni toriġina fi Stat Membru ieħor, din għandha tiġi żvelata biss f’konformità mal-ewwel sentenza ta’ dan is-subparagrafu bil-kunsens espliċitu tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu żvelawha.
▼B