+Artikolu 24 9a.

Artikolu 24 9a.

Il-forniment ta’ riċerka minn partijiet terzi lil ditta ta’ investiment li tipprovdi servizzi ta’ mmaniġġar tal-portafoll jew servizzi oħra ta’ investiment jew anċillari lill-klijenti għandu jitqies bħala li jissodisfa l-obbligi skont il-paragrafu 1 jekk:

(a) 

ikun sar ftehim bejn id-ditta ta’ investiment u l-fornitur terz tas-servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka li jistabbilixxi metodoloġija għar-remunerazzjoni, inkluż kif jitqies ġeneralment il-kost totali tar-riċerka meta jiġu stabbiliti l-imposti totali għas-servizzi ta’ investiment;

(b) 

id-ditta tal-investiment tinforma lill-klijenti tagħha bl-għażla tagħha li tħallas jew b’mod konġunt jew separatament għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka u tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom il-politika tagħha dwar il-pagamenti għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka, inkluż it-tip ta’ informazzjoni li tista’ tiġi pprovduta skont l-għażla tal-metodu ta’ pagament tad-ditta u, fejn rilevanti, kif id-ditta ta’ investiment tipprevjeni jew timmaniġġja kunflitti ta’ interess skont l-Artikolu 23 meta tapplika metodu ta’ pagament konġunt għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka;

(c) 

id-ditta ta’ investiment tivvaluta fuq bażi annwali l-kwalità, l-użabbiltà u l-valur tar-riċerka użata, kif ukoll il-kapaċità tar-riċerka użata biex tikkontribwixxi għal deċiżjonijiet ta’ investiment aħjar; L-ESMA tista’ tiżviluppa linji gwida għal ditti ta’ investiment bl-għan li jwettqu dawk il-valutazzjonijiet;

(d) 

meta d-ditta ta’ investiment tagħżel li tħallas separatament għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka minn partijiet terzi, il-forniment ta’ riċerka minn partijiet terzi lid-ditta ta’ investiment jiġi riċevut bi skambju għal waħda minn dawn li ġejjin:

(i) 

pagamenti diretti mid-ditta ta’ investiment mir-riżorsi proprji tagħha;

(ii) 

pagamenti minn kont ta’ pagament tar-riċerka separat ikkontrollat mid-ditta ta’ investiment.

▼M8

Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, ir-riċerka għandha tinftiehem bħala li tkopri servizzi jew materjal ta’ riċerka li jirrigwardaw strument finanzjarju wieħed jew aktar jew assi oħra, jew l-emittenti jew l-emittenti potenzjali ta’ strumenti finanzjarji, jew bħala li tkopri servizzi jew materjal ta’ riċerka b’rabta mill-qrib ma’ industrija speċifika jew suq speċifiku b’tali mod li tikkontribwixxi biex tinforma l-opinjonijiet dwar l-istrumenti finanzjarji, l-assi jew l-emittenti f’dik l-industrija jew f’dak is-suq.

Ir-riċerka għandha tinkludi wkoll servizzi jew materjal li b’mod espliċitu jew impliċitu jirrakkomandaw jew jissuġġerixxu strateġija ta’ investiment u tifformula opinjoni sostanzjata dwar il-valur jew il-prezz preżenti jew futur ta’ strumenti finanzjarji jew assi, jew inkella jkun fiha analiżi u għarfien oriġinali u tilħaq konklużjonijiet ibbażati fuq informazzjoni ġdida jew eżistenti li jistgħu jintużaw biex jinformaw strateġija ta’ investiment u tkun rilevanti u kapaċi żżid il-valur tad-deċiżjonijiet tad-ditta tal-investiment f’isem il-klijenti li qed iħallsu għal dik ir-riċerka.

Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, is-sommarju dwar in-negozjar u servizzi personalizzati oħra ta’ konsulenza dwar il-kummerċ intrinsikament marbuta mal-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjoni fi strumenti finanzjarji ma għandhomx jitqiesu bħala riċerka.

Meta ditta ta’ investiment tirċievi riċerka minn fornitur tar-riċerka li ma jkunx involut f’servizzi ta’ eżekuzzjoni u ma jkunx parti minn grupp ta’ servizzi finanzjarji li jinkludi ditta ta’ investiment li toffri servizzi ta’ eżekuzzjoni jew ta’ senserija, il-forniment ta’ tali riċerka lid-ditta ta’ investiment jitqies li jissodisfa l-obbligi skont il-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, id-ditta ta’ investiment għandha tikkonforma mar-rekwiżit fl-ewwel subparagrafu, il-punt (c), ta’ dan il-paragrafu.

Meta jkunu jafu bihom, id-ditti ta’ investiment għandhom iżommu rekord tal-kostijiet totali attribwibbli għar-riċerka minn parti terza pprovduta lilhom. Fuq talba, din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli fuq bażi annwali għall-klijenti tad-ditta ta’ investiment.

Sal-5 ta’ Diċembru 2028, l-ESMA għandha tħejji rapport b’valutazzjoni komprensiva tal-iżviluppi tas-suq rigward ir-riċerka skont it-tifsira ta’ dan l-Artikolu. Dik il-valutazzjoni għandha tinkorpora mill-inqas il-kopertura tar-riċerka tad-ditti kkwotati, l-evoluzzjoni tal-kostijiet u l-kwalità ta’ dik ir-riċerka, l-impatt tal-pagamenti konġunti fuq il-kwalità tal-eżekuzzjoni, is-sehem ta’ pagamenti separati u konġunti magħmula minn ditti ta’ investiment lil fornituri terzi għal servizzi ta’ eżekuzzjoni u riċerka, u l-livell ta’ twettiq tad-domanda għar-riċerka mill-investituri u minn xerrejja oħra.

Abbażi ta’ dak ir-rapport, il-Kummissjoni tista’, jekk ikun xieraq, tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposta leġiżlattiva dwar bidliet fir-regoli stabbiliti f’din id-Direttiva rigward ir-riċerka.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 06.06.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32014L0065
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.