+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 45(7) tagħha,

Billi:

(1)

L-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji huma obbligati li jidentifikaw, jivvalutaw u jwettqu ġestjoni tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li huma esposti għalih, b'mod partikolari meta dawn ikollhom sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma jew fergħat stabbiliti f'pajjiżi terzi jew għaliex ikunu qed jikkunsidraw jekk jistabbilux fergħat jew sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma f'pajjiżi terzi. Għaldaqstant id-Direttiva (UE) 2015/849 tistabbilixxi standards għall-valutazzjoni u l-ġestjoni effettivi tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell tal-grupp.

(2)

L-implimentazzjoni konsistenti ta' politiki u proċeduri kontra l-ħasil tal-flus u li jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu fost il-gruppi kollha hija fundamentali għall-ġestjoni robusta u effettiva tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu fi ħdan il-grupp.

(3)

Madankollu, hemm ċirkostanzi fejn grupp jopera fergħat jew sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma f'pajjiż terz li l-liġi tiegħu ma tkunx tippermetti l-implimentazzjoni ta' politiki u proċeduri kontra l-ħasil tal-flus u li jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu fost il-gruppi kollha. Dan jista' jkun il-każ, pereżempju, meta l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data personali jew is-segretezza bankarja ta' pajjiż terz tillimita l-abbiltà tal-grupp li jaċċessa, jipproċessa jew iwettaq skambju tal-informazzjoni relatata mal-klijenti ta' fergħat jew ta' sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma f'pajjiż terz.

(4)

F'dawk iċ-ċirkostanzi, u f'sitwazzjonijiet fejn l-abbiltà tal-awtoritajiet kompetenti li effettivament iwettqu superviżjoni tal-konformità tal-grupp mar-rekwiżiti tad-Direttiva (UE) 2015/849 tkun imxekkla minħabba li l-awtoritajiet kompetenti ma jkollhomx aċċess għall-informazzjoni rilevanti miżmuma fil-fergħat jew fis-sussidjarji b'maġġoranza tal-ishma f'pajjiżi terzi, ikunu jenħtieġu politiki u proċeduri addizzjonali għall-ġestjoni b'mod effettiv tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu. Dawn il-politiki u l-proċeduri addizzjonali jistgħu jinkludu l-ksib ta' kunsens mill-klijenti, li jista' jservi biex jingħelbu l-ostakli ġuridiċi għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-proċeduri kontra l-ħasil tal-flus u li jiġġieldu l-finanzjament tat-terroriżmu fost il-gruppi kollha f'pajjiżi terzi fejn l-opzjonijiet l-oħra huma limitati.

(5)

Il-ħtieġa li jiġi żgurat rispons konsistenti u fil-livell tal-Unjoni għall-ostakli ġuridiċi għall-implimentazzjoni tal-politiki u l-proċeduri fost il-gruppi kollha tiġġustifika li jkun impost li l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu jkunu meħtieġa li jieħdu azzjonijiet minimi u speċifiċi f'sitwazzjonijiet bħal dawk. Madankollu, politiki u proċeduri addizzjonali bħal dawn għandhom ikunu bbażati fuq ir-riskju.

(6)

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu jistgħu juru bil-provi lill-awtorità kompetenti tagħhom li l-iskala tal-miżuri addizzjonali li jkunu ħadu tkun adattata fid-dawl tar-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. Madankollu, f'każ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu tal-fehma li l-miżuri addizzjonali meħuda minn istituzzjoni ta' kreditu jew finanzjarja ma jkunux biżżejjed biex iwettqu ġestjoni ta' dak ir-riskju, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tkun tista' tagħti direzzjonijiet lill-istituzzjoni ta' kreditu jew lill-istituzzjoni finanzjarja biex tieħu miżuri speċifiċi sabiex taċċerta l-konformità tal-istituzzjoni ta' kreditu jew tal-istituzzjoni finanzjarja mal-obbligi tagħha kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u r-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) jagħtu s-setgħa lill-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA), rispettivament, biex joħorġu linji gwida konġunti biex jaċċertaw l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tad-dritt tal-Unjoni. Biex jikkonformaw ma' dan ir-Regolament, l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji jenħtieġ li jqisu l-linji gwida konġunti maħruġa f'konformità mal-Artikolu 17 u mal-Artikolu 18(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849 dwar id-diliġenza dovuta tal-klijent simplifikata u mtejba u l-fatturi li l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu jenħtieġ li jikkunsidraw meta jivvalutaw ir-riskju marbut mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu assoċjat mar-relazzjonijiet individwali ta' negozju u tranżazzjonijiet okkażjonali u jagħmlu l-almu tagħhom biex jikkonformaw ma' dawn il-linji gwida.

(8)

Jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ikunu mingħajr preġudizzju għad-dover tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom li jeżerċitaw azzjonijiet superviżorji addizzjonali kif stipulat fl-Artikolu 45(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 f'każijiet li fihom l-applikazzjoni tal-miżuri addizzjonali definiti minn dan ir-Regolament tirriżulta li ma tkunx biżżejjed.

(9)

Id-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament jenħtieġ ukoll li jkunu mingħajr preġudizzju għall-miżuri ta' diliġenza dovuta mtejba li l-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istituzzjonijiet finanzjarji huma meħtieġa/obbligati li jieħdu meta jittrattaw ma' persuni fiżiċi jew entitajiet ġuridiċi stabbiliti fil-pajjiżi identifikati mill-Kummissjoni bħala ta' riskju għoli skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849.

(10)

Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' kreditu jingħataw biżżejjed żmien biex jaġġustaw il-politiki u l-proċeduri tagħhom f'konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament. Għal dan il-għan, huwa xieraq li l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament tkun tista' tiġi differita bi tliet xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ.

(11)

Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-abbozz tal-istandards tekniċi regolatorji żviluppati mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (l-Awtorità Bankarja Ewropea, l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), ippreżentati lill-Kummissjoni.

(12)

L-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej wettqu konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħin dwar l-abbozz ta' standards tekniċi regolatorji li fuqhom huwa bbażat dan ir-Regolament, analizzat il-kostijiet u l-benefiċċji potenzjali relatati u talbet l-opinjoni tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati stabbilit skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Jannar 2019.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 14.05.2019 00:00:00 -Doknr: CELEX:32019R0758
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.