|
+Artikolu 94 1. |
Artikolu 94 1.Għall-elementi varjabbli tar-rimunerazzjoni, il-prinċipji li ġejjin għandhom japplikaw flimkien ma’, u bl-istess kondizzjonijiet bħal dawk stipulati fl-Artikolu 92(2):
(a)
meta r-rimunerazzjoni tkun relatata mal-prestazzjoni, l-ammont totali tar-rimunerazzjoni jkun ibbażat fuq kombinazzjoni tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-individwu u tal-unità tan-negozju kkonċernata u tar-riżultati ġenerali tal-istituzzjoni u meta ssir il-valutazzjoni tal-prestazzjoni individwali, għandhom jitqiesu kriterji finanzjarji u mhux finanzjarji, inkluż it-trattament tar-riskji msemmija fl-Artikolu 76(2);
(b)
il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tkun stabbilita f’qafas pluriennali sabiex ikun żgurat li l-proċess ta' evalwazzjoni jkun ibbażat fuq prestazzjoni aktar fit-tul u li l-ħlas reali tal-komponenti tar-rimunerazzjoni bbażati fuq il-prestazzjoni jkun mifrux fuq perijodu li jqis iċ-ċiklu ekonomiku sottostanti tal-istituzzjoni ta' kreditu u r-riskji tan-negozju tagħha;
(c)
ir-rimunerazzjoni varjabbli totali ma tillimitax il-kapaċità tal-istituzzjoni li ssaħħaħ il-bażi kapitali tagħha;
(d)
ir-rimunerazzjoni varjabbli ggarantita mhix konsistenti mal-ġestjoni tajba tar-riskju jew mal-prinċipju ta' ħlas għal prestazzjoni u m'għandhiex tkun parti mill-pjanijiet ta' rimunerazzjoni prospettivi;
(e)
rimunerazzjoni varjabbli ggarantita tkun eċċezzjonali, isseħħ biss meta jiġi impjegat persunal ġdid u fejn l-istituzzjoni jkollha bażi ta' kapital tajba u b'saħħitha u tkun limitata għall-ewwel sena tal-impjieg;
(f)
il-komponenti fissi u varjabbli tar-rimunerazzjoni totali huma bbilanċjati b'mod adatt u l-komponent fiss jirrapreżenta proporzjon għoli biżżejjed tar-rimunerazzjoni totali biex tkun tista’ titħaddem politika kompletament flessibbli, fuq komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni, inkluża l-possibbiltà li ma jitħallas l-ebda komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni;
(g)
l-istituzzjonijiet għandhom jistabbilixxu l-proporzjonijiet xierqa bejn il-komponent fiss u l-komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni totali, fejn għandhom japplikaw il-prinċipji li ġejjin:
(i)
Il-komponent varjabbli m'għandux jaqbeż il-100 % tal-komponent fiss tar-rimunerazzjoni totali għal kull individwu. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perċentwali massimu aktar baxx;
(ii)
L-Istati Membri jistgħu jħallu lill-azzjonisti jew lis-sidien jew membri tal-istituzzjoni japprovaw livell massimu ogħla tal-proporzjon bejn il-komponent fiss u dak varjabbli tar-rimunerazzjoni sakemm il-livell ġenerali tal-komponent varjabbli ma jaqbiżx il-200 % tal-komponent fiss tar-rimunerazzjoni totali għal kull individwu. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perċentwali massimu aktar baxx. Kwalunkwe approvazzjoni ta' proporzjon ogħla skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt, għandha titwettaq f'konformità mal-proċedura li ġejja:
—
l-azzjonisti jew is-sidien jew il-membri tal-istituzzjoni għandhom jaġixxu fuq rakkomandazzjoni dettaljata mill-istituzzjoni, u jagħtu r-raġunijiet għal u l-ambitu ta' approvazzjoni mitluba, inkluż l-għadd ta' persunal affettwat, il-funzjonijiet tagħhom kif ukoll l-impatt mistenni fuq ir-rekwiżit biex tinżamm bażi ta' kapital soda;
—
l-azzjonisti jew sidien jew membri tal-istituzzjoni għandhom jaġixxu b'maġġoranza ta' mill-inqas 66 % sakemm mill-inqas 50 % tal-ishma jew tad-drittijiet ta' sjieda ekwivalenti jkunu rappreżentati jew, jekk ma jsirx hekk, huma għandhom jaġixxu b'maġġoranza ta' 75 % tad-drittijiet tas-sjieda rappreżentati;
—
l-istituzzjoni għandha tinnotifika lill-azzjonisti jew lis-sidien jew lill-membri tal-istituzzjoni, filwaqt li tagħti perijodu ta' notifika raġonevoli minn qabel, li ser tintalab approvazzjoni skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt;
—
l-istituzzjoni, għandha tinforma mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti dwar ir-rakkomandazzjoni lill-azzjonisti jew lis-sidien jew lill-membri tagħha, inkluż il-proporzjon massimu ogħla propost u r-raġunijiet għal dan, u għandha, tkun kapaċi turi lill-awtorità kompetenti li l-proporzjon ogħla propost jaqbel mal-obbligi tal-istituzzjoni skont din id-Direttiva u skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 wara li kkunsidrat b'mod partikolari l-obbligi ta' fondi proprji tal-istituzzjoni;
—
l-istituzzjoni għandha, mingħajr dewmien, tinforma lill-awtorità kompetenti dwar id-deċiżjonijiet meħuda mill-azzjonisti jew sidien membri tagħha, inkluż kwalunkwe proporzjon massimu ogħla skont l-ewwel subparagrafu ta' dan il-punt, u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw l-informazzjoni li taslilhom biex jivvalutaw b'mod komparattiv il-prattiki tal-istituzzjonijiet f'dak ir-rigward. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu dik l-informazzjoni lill-ABE, li għandha tippubblikaha fuq bażi aggregata skont l-Istat Membru domiċiljari f’format ta’ rappurtar komuni. L-ABE tista’ wkoll tfassal linji gwida biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dan l-inċiż u tiżgura l-konsistenza tal-informazzjoni miġbura.
—
il-persunal li huwa kkonċernat direttament mil-livelli massimi ogħla ta' rimunerazzjoni varjabbli msemmija f'dan il-punt m'għandhiex, fejn applikabbli, tingħata permess teżerċita, direttament jew indirettament, kwalunkwe dritt tal-vot li huma jista' jkollhom bħala azzjonisti jew sidien jew membri tal-istituzzjoni.
(iii)
L-Istati Membri jistgħu jħallu lill-istituzzjonijiet japplikaw ir-rata ta' skont imsemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan il-punt għal massimu ta' 25 % tar-rimunerazzjoni varjabbli totali sakemm titħallas fi strumenti li huma differiti għal perijodu ta' mhux inqas minn ħames snin. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu perċentwali massimu aktar baxx. L-ABE għandha tħejji u tippubblika, sal-31 ta' Maruz 2014, linji gwida dwar ir-rata ta' skont nozzjonali applikabbli b'kont meħud tal-fatturi rilevanti kollha inkluż ir-rata tal-inflazzjoni u r-riskju, li jinkludi t-tul ta' differiment. Il-linji gwida tal-ABE dwar ir-rata ta' skont għandha tqis speċifikament kif tagħti inċentiv għall-użu ta' strumenti li huma differiti għal perijodu ta' mhux inqas minn ħames snin.
(h)
il-pagamenti relatati mat-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt jirriflettu l-prestazzjoni miksuba matul iż-żmien u ma jingħatawx falliment jew kondotta ħażina;
(i)
pakketti ta' rimunerazzjoni relatati mal-kumpens jew l-akkwiżizzjoni minn kuntratti f'impjieg preċedenti għandu jallinja mal-interessi fit-tul tal-istituzzjoni inkluż retenzjoni, differiment, prestazzjoni u arranġamenti ta' restituzzjoni (claw back).
(j)
il-kalkolu tal-prestazzjoni użat fil-kalkolu tal-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni jew aggregazzjonijiet ta’ komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni jinkludi l-aġġustament għat-tipi kollha ta’ riskji attwali u futuri u jqis l-ispejjeż tal-kapital u l-likwidità meħtieġa;
(k)
l-allokazzjoni tal-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni fi ħdan l-istituzzjoni għandha tqis ukoll it-tipi kollha ta’ riskji attwali u futuri;
(l)
porzjon sostanzjali, u fi kwalunkwe każ mill-inqas 50 %, ta’ kwalunkwe rimunerazzjoni varjabbli għandha tikkonsisti f’bilanċ ta' dan li ġej:
(i)
ishma jew, soġġetti għall-istruttura legali tal-istituzzjoni kkonċernata, interessi ta' sjieda ekwivalenti; jew strumenti marbuta mal-ishma jew, soġġett għall-istruttura legali tal-istituzzjoni kkonċernata, strumenti ekwivalenti mhux fi flus;
(ii)
fejn ikun possibbli, strumenti oħra fis-sens tal-Artikolu 52 jew 63 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 jew strumenti oħra li jistgħu jiġu konvertiti kompletament għall-istrumenti tal-Grad 1 ta’ Ekwità Komuni jew jinkitbu, li f'kull każ jirriflettu adegwatament il-kwalità tal-kreditu tal-istituzzjoni bħala negozju avvjat u huma adatti biex jintużaw għall-finijiet ta' rimunerazzjoni varjabbli. L-istrumenti msemmija f’dan il-punt għandhom ikunu soġġetti għal politika ta’ retenzjoni xierqa mfassla b'mod li l-inċentivi jkunu allinjati mal-interessi aktar fit-tul tal-istituzzjoni. L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jpoġġu restrizzjonijiet fuq it-tipi u d-disinji ta’ dawk l-istrumenti jew jipprojbixxu ċerti strumenti, kif ikun xieraq. Dan il-punt għandu jkun applikat kemm għall-porzjon tal-komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni differit skont il-punt (m) u l-porzjon tal-komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni mhux differit;
(m)
porzjon sostanzjali, u fi kwalunkwe każ tal-anqas 40 % tal-komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni jkun iddifferit matul perijodu ta' mhux inqas minn erba' sa ħames snin u jkun allinjat b'mod korrett man-natura tan-negozju, ir-riskji tiegħu u l-attivitajiet tal-membru tal-persunal ikkonċernat. Għal membri tal-korp ta' ġestjoni u l-maniġment superjuri ta' istituzzjonijiet li jkunu sinifikanti f'termini tad-daqs, l-organizzazzjoni interna u n-natura tagħhom, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, il-perijodu ta' deferenza jenħtieġ li ma jkunx inqas minn ħames snin. Ir-rimunerazzjoni li għandha titħallas skont l-arranġamenti ta' differiment m'għandhiex tvesti aktar malajr minn waħda fuq bażi pro-rata. Fil-każ ta' komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni ta' ammont partikolarment għoli, tal-inqas 60 % tal-ammont għandu jiġi differit. It-tul tal-perjodu tad-differiment għandu jkun stabbilit f'konformità maċ-ċiklu ekonomiku, in-natura tan-negozju, ir-riskji tiegħu u l-attivitajiet tal-membru tal-persunal ikkonċernat;
(n)
ir-rimunerazzjoni varjabbli, inkluż il-porzjon iddifferit, titħallas jew tvesti biss jekk tkun sostenibbli skont is-sitwazzjoni finanzjarja tal-istituzzjoni fl-intier tagħha, u tkun iġġustifikata abbażi tal-prestazzjoni tal-istituzzjoni, l-unità tan-negozju u l-individwu kkonċernat. Mingħajr preġudizzju għall-prinċipji ġenerali tal-liġijiet nazzjonali dwar il-kuntratti u dwar l-impjiegi, ir-rimunerazzjoni varjabbli totali għandha ġeneralment tiċċekken konsiderevolment meta sseħħ prestazzjoni finanzjarja mdgħajfa jew negattiva tal-istituzzjoni, b’kont meħud kemm tar-rimunerazzjoni attwali kif ukoll tat-tnaqqis fil-pagamenti ta’ ammonti li jkunu ddaħħlu preċedentement, inklużi minħabba arranġamenti ta’ malus jew clawback. Sa 100 % tar-rimunerazzjoni varjabbli totali għandha tkun soġġetta għal arranġamenti ta' malus jew clawback. L-istituzzjonijiet għandhom jiffissaw kriterji speċifiċi għall-applikazzjoni tal-malus u l-clawback. Tali kriterji għandhom b'mod partikolari jkopru sitwazzjonijiet fejn il-membru tal-persunal:
(i)
ipparteċipa fi jew kien responsabbli għal imġiba li rriżultat f'telf sinifikanti għall-istituzzjoni;
(ii)
naqas li jissodisfa standards xierqa ta' idoneità u proprjetà;
(o)
il-politika dwar il-pensjonijiet tkun konformi mal-istrateġija tan-negozju, l-objettivi, il-valuri u l-interessi fit-tul tal- istituzzjoni. Jekk l-impjegat jitlaq mill-istituzzjoni qabel ma jirtira, il-benefiċċji diskrezzjonali tal-pensjoni għandhom jinżammu mill-istituzzjoni għal perijodu ta’ ħames snin fil-forma ta’ strumenti msemmija fil-punt (l). Fejn impjegat li jilħaq l-età tal-irtirar, il-benefiċċji diskrezzjonali tal-pensjoni għandhom jitħallsu lill-impjegat fil-forma ta’ strumenti msemmija fil-punt (l) soġġetti għal perijodu ta’ retenzjoni ta’ ħames snin;
(p)
il-membri tal-persunal jkunu meħtieġa jimpenjaw ruħhom li ma jużawx strateġiji personali ta' kopertura jew assigurazzjoni relatata mar-rimunerazzjoni u mar-responsabbiltà biex jimminaw l-effetti tal-allinjament tar-riskju integrati fl-arranġamenti tar-rimunerazzjoni tagħhom;
(q)
ir-rimunerazzjoni varjabbli ma titħallasx b'mezzi jew metodi li jiffaċilitaw in-nuqqas ta' konformità ma’ din id-Direttiva jew ir-Regolament (UE) Nru 575/2013. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|