|
+Artikolu 3c 6. |
Artikolu 3c 6.Għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-31 ta’ Diċembru 2030, massimu ta’ 20 miljun mill-kwantità totali ta’ kwoti msemmija fil-paragrafu 5 għandu jkun riżervat fir-rigward tal-operaturi ta’ inġenju tal-ajru kummerċjali, fuq il-bażi ta’ trattament trasparenti, ugwali u mhux diskriminatorju, għall-użu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli, u fjuwils tal-avjazzjoni oħrajn li mhumiex derivati minn fjuwils fossili, identifikati f’regolament dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għat-trasport bl-ajru sostenibbli bħala li jgħoddu biex jintlaħaq is-sehem minimu ta’ fjuwils tal-avjazzjoni sostenibbli li l-fjuwil tal-avjazzjoni li qiegħed għad-dispożizzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru fl-ajruporti tal-Unjoni mill-fornituri tal-fjuwil tal-avjazzjoni huwa meħtieġ li jkun fih skont dak ir-Regolament, għal titjiriet subsoniċi li għalihom iridu jiġu ċeduti l-kwoti f’konformità mal-Artikolu 12(3) ta’ din id-Direttiva. Fejn il-fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli ma jkunx jista’ jiġi attribwit fiżikament f’ajruport għal titjira speċifika, il-kwoti riżervati taħt dan is-subparagrafu għandhom ikunu disponibbli għall-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli ppumpjati f’dak l-ajruport b’mod proporzjonat għall-emissjonijiet minn titjiriet, tal-operatur ta’ inġenju tal-ajru minn dak l-ajruport, li għalihom iridu jiġu ċeduti l-kwoti f’konformità mal-Artikolu 12(3) ta’ din id-Direttiva. Il-kwoti riżervati taħt l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu allokati mill-Istati Membri biex ikopru parti mid-differenza fil-prezz jew id-differenzja fil-prezz kollu kemm hu bejn l-użu tal-pitrolju fossili u l-użu tal-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli rilevanti, filwaqt li jitqiesu l-inċentivi mill-prezz tal-karbonju u minn livelli minimi armonizzati ta’ tassazzjoni fuq il-fjuwils fossili. Meta tikkalkula dik id-differenzja fil-prezzijiet, il-Kummissjoni għandha tqis ir-rapport tekniku ppubblikat mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea skont ir-regolament dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għat-trasport bl-ajru sostenibbli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament skont dan il-paragrafu b’mod li jikkorrispondi għar-rekwiżiti fl-Artikolu 30 m(1), il-punti (a) u (b), ta’ din id-Direttiva. Il-kwoti allokati taħt dan il-paragrafu għandhom ikopru:
(a)
70 % tad-differenzja fil-prezz li jifdal bejn l-użu tal-pitrolju fossili u l-idroġenu minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u l-bijofjuwils avvanzati kif definiti fl-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, il-punt (34), tad-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ), li għandhom fattur ta’ emissjonijiet żero skont l-Anness IV jew skont l-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva;
(b)
95 % tad-differenzja fil-prezz li jifdal bejn l-użu tal-pitrolju fossili u l-fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika konformi mal-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, użati fl-avjazzjoni, li għandhom fattur ta’ emissjonijiet żero skont l-Anness IV jew skont l-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva;
(c)
100 % tad-differenza fil-prezz li jifdal bejn l-użu tal-pitrolju fossili u kwalunkwe fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli li mhuwiex derivat minn fjuwils fossili koperti mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, f’ajruporti li jinsabu fi gżejjer iżgħar minn 10 000 km 2 u bl-ebda konnessjoni bit-triq jew bil-ferrovija mal-kontinent, f’ajruporti li mhumiex kbar biżżejjed biex jiġu definiti bħala ajruporti tal-Unjoni skont ir-regolament dwar l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għat-trasport bl-ajru sostenibbli u f’ajruporti li jinsabu f’reġjun ultraperiferiku;
(d)
f’każijiet oħra għajr dawk imsemmija fil-punti (a), (b) u (c), 50 % tad-differenzja fil-prezz li jifdal bejn l-użu tal-pitrolju fossili u kwalunkwe fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli li mhux derivat minn fjuwils fossili koperti mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. L-allokazzjoni ta’ kwoti taħt dan il-paragrafu tista’ tqis l-appoġġ possibbli minn skemi oħra fil-livell nazzjonali. Fuq bażi annwali, l-operaturi ta’ inġenju tal-ajru kummerċjali jistgħu japplikaw għal allokazzjoni ta’ kwoti abbażi tal-kwantita’ ta’ kull fjuwil tal-avjazzjoni eliġibbli msemmi f’dan il-paragrafu wżat fuq titjiriet li għalihom jridu jiġu ċeduti kwoti f’konformità mal-Artikolu 12(3) bejn l-1 ta’ Jannar 2024 u l-31 ta’ Diċembru 2030, esklużi t-titjiriet li għalihom dak ir-rekwiżit jitqies li ġie ssodisfat skont l-Artikolu 28a(1). Jekk, għal sena partikolari, id-domanda għal kwoti għall-użu ta’ tali fjuwils tkun ogħla mid-disponibbiltà tal-kwoti, il-kwantità ta’ kwoti għandu jitnaqqas b’mod uniformi, għall-operaturi kollha kkonċernati ta’ inġenju tal-ajru, mill-allokazzjoni għal dik is-sena. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dettalji tad-differenza fil-kost medju bejn il-pitrolju fossili, filwaqt li tqis l-inċentivi mill-prezz tal-karbonju u minn livelli minimi armonizzati ta’ tassazzjoni fuq il-fjuwils fossili, u l-fjuwils tal-avjazzjoni eliġibbli rilevanti, fuq bażi annwali għas-sena preċedenti. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplimenta din id-Direttiva billi tistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-kalkolu annwali tad-differenza fil-kost imsemmija fis-sitt subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, għall-allokazzjoni ta’ kwoti għall-użu tal-fjuwils identifikati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u għall-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ffrankati b’riżultat tal-użu tal-fjuwils kif irrapportat skont l-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 14(1),u billi tistabbilixxi l-arranġamenti biex jitqiesu l-inċentivi mill-prezz tal-karbonju u minn livelli minimi armonizzati ta’ tassazzjoni fuq il-fjuwils fossili. Sal-1 ta’ Jannar 2028, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni rigward l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu u tissottometti r-riżultati ta’ dik l-evalwazzjoni f’rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien opportun. Ir-rapport jista’, fejn xieraq, ikun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva biex jiġi allokat ammont massimu ta’ kwoti li jkun limitat fiż-żmien sal-31 ta’ Diċembru 2034 biex jiġi inċentivat aktar l-użu tal-fjuwils identifikati fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, b’mod partikolari l-ippumpjar ta’ fjuwils rinnovabbli ta’ oriġini mhux bijoloġika konformi mal-Artikolu 25 tad-Direttiva (UE) 2018/2001, użati fl-avjazzjoni, li għandhom fattur ta’ emissjonijiet żero skont l-Anness IV jew skont l-att ta’ implimentazzjoni adottat skont l-Artikolu 14 ta’ din id-Direttiva. Mill-1 ta’ Jannar 2028, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu fir-rapport annwali li hija meħtieġa tissottometti skont l-Artikolu 10(5). 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|