+Artikolu 10a 8.

Artikolu 10a 8.

345 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi allokata bla ħlas skont dan l-Artikolu, u 80 miljun kwota mill-kwantità li altrimenti tista' tiġi rkantata skont l-Artikolu 10, kif ukoll il-kwoti li jirriżultaw mit-tnaqqis tal-allokazzjoni bla ħlas imsemmija fil-paragrafu 1a ta' dan l-Artikolu, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta' fond (il-"Fond għall-Innovazzjoni") bl-għan li jappoġġa l-innovazzjoni f'tekniki, proċessi u teknoloġiji b'livell baxx jew żero ta' karbonju li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi koperti minn din id-Direttiva u jikkontribwixxu għall-objettivi ta' tniġġis żero u ta' ċirkolarità, inklużi proġetti bl-għan li tali tekniki, proċessi u teknoloġiji jiżdiedu fid-dawl tal-implimentazzjoni wiesgħa tagħhom fl-Unjoni kollha. Tali proġetti għandu jkollhom potenzjal sinifikanti ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra u għandhom jikkontribwixxu għall-iffrankar tal-enerġija u r-riżorsi f'konformità mal-miri tal-Unjoni għall-klima u l-enerġija għall-2030.

Il-Kummissjoni għandha tipprovdi minn qabel il-kwoti għall-Fond għall-Innovazzjoni biex tiżgura li ammont adegwat ta' riżorsi jkun disponibbli ħalli titħaddan l-innovazzjoni, inkluż għaż-żieda.

Il-kwoti li ma jinħarġux lill-operaturi tal-inġenji tal-ajru minħabba li jwaqqfu l-operat tagħhom u li ma humiex meħtieġa biex ikopru kwalunkwe nuqqas ta' ċediment minn dawk l-operaturi għandhom jintużaw ukoll għall-appoġġ għall-innovazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

Barra minn hekk, 5 miljun kwota mill-kwantità msemmija fl-Artikolu 3c(5) u (7) relatati mal-kwoti tal-avjazzjoni għall-2026 għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni għall-appoġġ għall-innovazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

Barra minn hekk, 50 miljun kwota mhux allokati mir-riżerva tal-istabbiltà tas-suq għandhom jissupplimentaw kull dħul li jifdal mit-300 miljun kwota disponibbli fil-perjodu mill-2013 sal-2020 skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/670/UE ( 19 ), u għandhom jintużaw b'mod f'waqtu għall-appoġġ għall-innovazzjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu.

Meta tfassal u timplimenta sejħiet għal proposti jew offerti kompetittivi fil-qafas tal-Fond għall-Innovazzjoni, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra proġetti strateġiċi rikonoxxuti f’konformità ma’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ miżuri għat-tisħiħ tal-ekosistema Ewropea tal-manifattura ta’ prodotti ta’ teknoloġija b’emissjonijiet żero netti, li huma meqjusa bħala li jjikkontribwixxu għall-objettivi tal-Pjattaforma tat-Teknoloġiji Strateġiċi għall-Ewropa (STEP) b’mod konformi mal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) 2024/795 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 20 ). L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jipprovdu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond ta’ Koeżjoni stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 21 ) u mill-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/1056 għal proġetti fit-territorju tagħhom fil-kuntest ta’ mekkaniżmi finanzjarji żviluppati fil-qafas tal-Fond għall-Innovazzjoni, bħall-iskema “irkant bħala servizz”.

Il-Fond għall-Innovazzjoni għandu jkopri s-setturi elenkati fl-Annessi I u III, kif ukoll prodotti u proċessi li jissostitwixxu lil dawk intensivi fil-karbonju prodotti jew użati fis-setturi elenkati fl-Anness I, inklużi teknoloġiji innovattivi ta' enerġija rinnovabbli u ta' ħżin tal-enerġija u qbid u użu tal-karbonju (CCU) li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent li jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, b'mod partikolari għall-emissjonijiet inevitabbli tal-proċessi, u għandu jgħin biex jistimula l-kostruzzjoni u t-tħaddim ta' proġetti mmirati lejn il-qbid, it-trasport u l-ħżin ġeoloġiku (CCS) li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent tas-CO2, b'mod partikolari għall-emissjonijiet inevitabbli tal-proċessi industrijali, u l-qbid dirett tas-CO2 mill-atmosfera bi ħżin sikur, sostenibbli u permanenti (DACS), f'postijiet ġeografikament bilanċjati. Il-Fond għall-Innovazzjoni jista' jappoġġa wkoll teknoloġiji u infrastruttura innovattivi rivoluzzjonarji, inkluża l-produzzjoni ta' fjuwils b'livell baxx jew żero ta' karbonju, għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu, tal-avjazzjoni, tat-trasport ferrovjarju u tat-trasport bit-triq, inklużi forom kollettivi ta' trasport bħat-trasport pubbliku u s-servizzi ta' kowċis.

Għall-avjazzjoni, jista' jappoġġa wkoll l-elettrifikazzjoni u azzjonijiet biex jitnaqqsu l-impatti ġenerali tal-avjazzjoni fuq il-klima.

Il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni speċjali lil proġetti f'setturi koperti mir-Regolament (UE) 2023/956 biex tiġi appoġġata l-innovazzjoni f'teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, fis-CCU, fis-CCS, fl-enerġija rinnovabbli u fil-ħżin tal-enerġija, b'mod li jikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima bil-għan li jingħata, matul il-perjodu mill-2021 sal-2030, lill-proġetti f'dawk is-setturi sehem sinifikanti tal-ekwivalenza fil-valur finanzjarju tal-kwoti msemmija fil-paragrafu 1a, ir-raba’ subparagrafu, ta' dan l-Artikolu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, qabel l-2027, tista' tvara sejħiet għal proposti ddedikati għas-setturi koperti minn dak ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha wkoll tagħti attenzjoni speċjali lil proġetti li jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur marittimu u għandha tinkludi suġġetti ddedikati għal dak il-fini fis-sejħiet għal proposti tal-Fond għall-Innovazzjoni, meta xieraq, inkluż għall-elettrifikazzjoni tat-trasport marittimu, kif ukoll biex jiġi indirizzat l-impatt sħiħ tagħha fuq il-klima, inklużi l-emissjonijiet tal-karbonju iswed. Tali sejħiet għal proposti għandhom ukoll, fil-kriterji użati għall-għażla tal-proġetti, iqisu b'mod partikolari il-potenzjal biex tiżdied il-protezzjoni tal-bijodiversità u biex jitnaqqas it-tniġġis akustiku u tal-ilma minn proġetti u investimenti.

Il-Fond għall-Innovazzjoni, f'konformità mal-paragrafu 8a, jista' jappoġġa proġetti permezz ta' offerti kompetittivi, bħal CDs, CCDs jew kuntratti bi primjum fiss biex jappoġġa teknoloġiji ta' dekarbonizzazzjoni li għalihom il-prezz tal-karbonju jista' ma jkunx inċentiv biżżejjed.

Il-Kummissjoni għandha tfittex sinerġiji bejn il-Fond għall-Innovazzjoni u Orizzont Ewropa, b'mod partikolari fir-rigward tas-sħubijiet Ewropej, u, meta jkun rilevanti, għandha tfittex sinerġiji bejn il-Fond għall-Innovazzjoni u programmi oħrajn tal-Unjoni.

Il-proġetti fit-territorju tal-Istati Membri kollha, inklużi proġetti fuq skala żgħira u fuq skala medja, għandhom ikunu eliġibbli u, għall-attivitajiet marittimi, proġetti b'valur miżjud ċar għall-Unjoni għandhom ikunu eliġibbli. It-teknoloġiji li jirċievu appoġġ għandhom ikunu innovattivi u jkunu għadhom mhux kummerċjalment vijabbli fuq skala simili mingħajr appoġġ, iżda għandhom jirrappreżentaw soluzzjonijiet rivoluzzjonarji jew ikunu maturi biżżejjed għall-applikazzjoni fuq skala prekummerċjali.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-kwoti destinati għall-Fond għall-Innovazzjoni jiġu rkantati f'konformità mal-prinċipji u l-modalitajiet imsemmija fl-Artikolu 10(4) ta’ din id-Direttiva. Ir-rikavat mill-irkantar għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern f'konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 22 ). L-impenji baġitarji għal azzjonijiet li jestendu fuq aktar minn sena finanzjarja waħda jistgħu jiġu diżaggregati f'pagamenti akkont annwali fuq diversi snin.

Fuq talba, il-Kummissjoni għandha tipprovdi assistenza teknika lill-Istati Membri b'parteċipazzjoni effettiva baxxa fi proġetti taħt il-Fond għall-Innovazzjoni bil-għan li jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-Istat Membru rikjedenti biex jappoġġa l-isforzi tal-proponenti tal-proġetti fit-territorji rispettivi tagħhom ħalli jissottomettu applikazzjonijiet għall-finanzjament mill-Fond għall-Innovazzjoni, sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni ġeografika effettiva fil-Fond għall-Innovazzjoni u tiżdied il-kwalità ġenerali tal-proġetti ppreżentati. Il-Kummissjoni għandha tipprova tikseb kopertura ġeografika effettiva u bbażata fuq il-kwalità b’rabta mal-finanzjament mill-Fond għall-Innovazzjoni madwar l-Unjoni u għandha tiżgura monitoraġġ komprensiv tal-progress u segwitu xieraq f’dak ir-rigward.

Soġġett għall-qbil tal-applikanti, wara li tingħalaq sejħa għal proposti, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar l-applikazzjonijiet għall-finanzjament ta' proġetti fit-territorji rispettivi tagħhom u għandha tipprovdilhom informazzjoni dettaljata dwar dawk l-applikazzjonijiet sabiex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-Istati Membri tal-appoġġ għall-proġetti. Barra minn hekk, qabel l-għoti tal-appoġġ, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri dwar il-lista ta' proġetti magħżula minn qabel.

Il-proġetti għandhom jintgħażlu permezz ta' proċedura tal-għażla trasparenti, b'mod newtrali fir-rigward tat-teknoloġija f'konformità mal-objettivi tal-Fond għall-Innovazzjoni kif stabbilit fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu u abbażi ta' kriterji oġġettivi u trasparenti, filwaqt li jitqies il-punt sa fejn il-proġetti jipprovdu kontribut sinifikanti għall-miri tal-enerġija u tal-klima tal-Unjoni filwaqt li jikkontribwixxu għall-objettivi ta' tniġġis żero u ta' ċirkolarità f'konformità mal-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu, u, fejn ikun rilevanti, il-punt sa fejn il-proġetti jikkontribwixxu biex jinkiseb tnaqqis tal-emissjonijiet ferm taħt il-parametri referenzjarji msemmija fil-paragrafu 2. Il-proġetti għandu jkollhom il-potenzjal għal applikazzjoni mifruxa jew li jnaqqsu b'mod sinifikanti l-kostijiet tat-transizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima fis-setturi kkonċernati. Għandha tingħata prijorità lit-teknoloġiji u lill-proċessi innovattivi li jindirizzaw bosta impatti ambjentali. Proġetti li jinvolvu s-CCU għandhom iwasslu għal tnaqqis nett fl-emissjonijiet u jiżguraw l-evitar jew il-ħżin permanenti tas-CO2. Fil-każ ta' għotjiet ipprovduti permezz ta' sejħiet għal proposti, jistgħu jiġu appoġġati sa 60 % tal-kostijiet rilevanti tal-proġetti, li 40 % minnhom ma hemmx bżonn li jkunu dipendenti fuq l-evitar ivverifikat tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra, dment li jinkisbu l-istadji ewlenin iddeterminati minn qabel, filwaqt li titqies it-teknoloġija użata. Fil-każ ta' appoġġ ipprovdut permezz ta' offerti kompetittivi u fil-każ ta' appoġġ għal assistenza teknika, jistgħu jiġu appoġġati sa 100 % tal-kostijiet rilevanti tal-proġetti. Il-potenzjal ta' tnaqqis fl-emissjonijiet f'bosta setturi offrut minn proġetti kkombinati, inkluż f'żoni fil-qrib, għandu jitqies fil-kriterji użati għall-għażla tal-proġetti.

Il-proġetti ffinanzjati mill-Fond għall-Innovazzjoni għandhom ikunu meħtieġa jaqsmu l-għarfien ma' proġetti rilevanti oħra kif ukoll ma' riċerkaturi bbażati fl-Unjoni li jkollhom interess leġittimu. It-termini tal-kondiviżjoni tal-għarfien għandhom jiġu definiti mill-Kummissjoni f'sejħiet għal proposti.

Is-sejħiet għal proposti għandhom ikunu miftuħa u trasparenti. Fit-tħejjija tas-sejħiet għal proposti, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li s-setturi kollha jkunu koperti kif xieraq. Il-Kummissjoni għandha tieħu miżuri biex tiżgura li s-sejħiet jiġu kkomunikati bl-aktar mod wiesa' possibbli, u speċjalment lill-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju.

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 23 biex tissupplementa din id-Direttiva f’dak li jikkonċerna r-regoli dwar it-tħaddim tal-Fond għall-Innovazzjoni, inklużi l-proċedura u l-kriterji tal-għażla, u s-setturi eliġibbli u r-rekwiżiti teknoloġiċi għat-tipi differenti ta' appoġġ.

L-ebda proġett ma għandu jirċievi appoġġ permezz tal-mekkaniżmu skont dan is-subparagrafu li jaqbeż 15 % tal-għadd totali ta' kwoti disponibbli għal dan l-għan. Dak l-appoġġ għandu jitqies skont il-paragrafu 7.

Sal-31 ta' Diċembru 2023 u kull sena wara din id-data, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima msemmi fl-Artikolu 22a(1) ta' din id-Direttiva, dwar l-implimentazzjoni tal-Fond għall-Innovazzjoni, filwaqt li tipprovdi analiżi tal-proġetti mogħtija finanzjament skont is-settur u skont l-Istat Membru, u l-kontribut mistenni ta’ dawk il-proġetti favur l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-Unjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta r-rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha tippubblika dak ir-rapport.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 01.03.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32003L0087
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.