+Artikolu 10d Fond għall-Modernizzazzjoni
---+Artikolu 10d 1.
---+Artikolu 10d 2.
---+Artikolu 10d 3.
---+Artikolu 10d 4.
---+Artikolu 10d 5.
---+Artikolu 10d 6.
---+Artikolu 10d 7.
---+Artikolu 10d 8.
---+Artikolu 10d 9.
---+Artikolu 10d 10.
---+Artikolu 10d 11.
---+Artikolu 10d 12.

Artikolu 10d Fond għall-Modernizzazzjoni

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 10d 1.
Għandu jiġi stabbilit fond biex jappoġġa l-investimenti proposti mill-Istati Membri benefiċjarji, inkluż il-finanzjament ta' proġetti ta' investiment fuq skala żgħira, għall-immodernizzar tas-sistemi tal-enerġija u għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika għall-perjodu mill-2021 sal-2030 (il-"Fond għall-Modernizzazzjoni"). Il-Fond għall-Modernizzazzjoni għandu jiġi ffinanzjat permezz tal-irkantar tal-kwoti kif stabbilit fl-Artikolu 10, għall-Istati Membri benefiċjarji stabbiliti fih.

L-investimenti appoġġati għandhom ikunu konsistenti mal-għanijiet ta' din id-Direttiva, kif ukoll mal-objettivi tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2019 dwar "Il-Patt Ekoloġiku Ewropew" u tar-Regolament (UE) 2021/1119 u mal-objettivi fit-tul kif espressi fil-Ftehim ta' Pariġi. L-Istati Membri benefiċjarji, meta jkun xieraq, jistgħu jużaw ir-riżorsi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni biex jiffinanzjaw investimenti li jinvolvu r-reġjuni tal-fruntiera kontigwi tal-Unjoni. Ma għandu jiġi pprovdut l-ebda appoġġ mill-Fond għall-Modernizzazzjoni lill-faċilitajiet tal-ġenerazzjoni tal-enerġija li jużaw fjuwils fossili. Madankollu, id-dħul minn kwoti koperti minn notifika skont il-paragrafu 4ta' dan l-Artikolu jista' jintuża għal investimenti li jinvolvu fjuwils fossili gassużi.

Barra minn hekk, id-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, ta' din id-Direttiva jista', meta l-attività tikkwalifika bħala ambjentalment sostenibbli fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2020/852 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 25 ) u tkun debitament ġustifikata sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-enerġija, jintuża għal investimenti li jinvolvu fjuwils fossili gassużi dment li, għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, il-kwoti jiġu rkantati qabel il-31 ta' Diċembru 2027 u, għall-investimenti li jinvolvu użijiet downstream ta' gass, il-kwoti jiġu rkantati qabel il-31 ta' Diċembru 2028.

Artikolu 10d 2.

Mill-inqas 80 % tad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), it-tielet subparagrafu, u mill-kwoti koperti minn notifika skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, u mill-inqas 90 % tad-dħul mill-kwoti msemmija fl-Artikolu 10(1), ir-raba' subparagrafu, għandhom jintużaw biex jappoġġaw l-investimenti f'dawn li ġejjin:

(a) 

il-ġenerazzjoni u l-użu tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, inkluż l-idroġenu rinnovabbli;

(b) 

it-tisħin u t-tkessiħ minn sorsi rinnovabbli;

(c) 

it-tnaqqis tal-użu ġenerali tal-enerġija permezz tal-effiċjenza enerġetika, inkluż fl-industrija, fit-trasport, fil-bini, fl-agrikoltura u fl-iskart;

(d) 

il-ħżin tal-enerġija u l-modernizzazzjoni tan-networks tal-enerġija, inklużi l-ġestjoni min-naħa tad-domanda, pipelines tat-tisħin distrettwali, grilji għat-trażmissjoni tal-elettriku, iż-żieda fl-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri u l-infrastruttura għal mobilità b'emissjonijiet żero;

(e) 

l-appoġġ għal unitajiet domestiċi bi dħul baxx, inkluż f'żoni rurali u remoti, biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku u biex jimmodernizzaw is-sistemi tat-tisħin tagħhom; u

(f) 

tranżizzjoni ġusta f'reġjuni dipendenti fuq il-karbonju fl-Istati Membri benefiċjarji, sabiex jiġu appoġġati r-riallokazzjoni, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema, l-edukazzjoni, l-inizjattivi ta' tfittxija tal-impjiegi u n-negozji ġodda, fi djalogu mas-soċjetà ċivili u mas-sħab soċjali, b’mod li huwa konsistenti mal-azzjonijiet rilevanti inklużi mill-Istati Membri fil-pjanijiet territorjali tagħhom għal tranżizzjoni ġusta, u li jikkontribwixxu għalihom, f'konformità mal-Artikolu 8(2), l-ewwel subparagrafu, il-punt (k), tar-Regolament (UE) 2021/1056, fejn rilevanti.

Artikolu 10d 3.
Il-Fond għall-Modernizzazzjoni għandu jopera taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri benefiċjarji. Il-BEI għandu jiżgura li l-kwoti jiġu rkantati f'konformità mal-prinċipji u l-modalitajiet stipulati fl-Artikolu 10(4), u għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni tad-dħul. Il-BEI għandu jgħaddi d-dħul lill-Istati Membri wara deċiżjoni ta' żborż mill-Kummissjoni, fejn dan l-iżborż għall-investimenti jkun konformi mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew, fejn l-investimenti ma jaqgħux taħt l-oqsma elenkati fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ikun konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat tal-investimenti. Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni tagħha fil-ħin opportun. Id-dħul għandu jitqassam fost l-Istati Membri skont l-ishma stabbiliti fl-Anness IIb, f'konformità mal-paragrafi 6 sa 12 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 10d 4.
Kull Stat Membru kkonċernat jista' juża l-allokazzjoni bla ħlas totali mogħtija skont l-Artikolu 10c(4), jew parti minn dik l-allokazzjoni, u l-ammont ta' kwoti mqassma għall-finijiet ta' solidarjetà, tkabbir u interkonnessjonijiet fl-Unjoni skont l-Artikolu 10(2)(b), jew parti minn dak l-ammont, f'konformità mal-Artikolu 10d għall-appoġġ ta' investimenti fil-qafas tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, u b'hekk jiżdiedu r-riżorsi mqassma lil dak l-Istat Membru. Sat-30 ta' Settembru 2019, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni l-ammonti rispettivi ta' kwoti li għandhom jintużaw taħt l-Artikolu 10(2)(b), l-Artikolu 10c u l-Artikolu 10d.
Artikolu 10d 5.
B'dan huwa stabbilit kumitat tal-investimenti għall-Fond għall-Modernizzazzjoni. Il-kumitat tal-investimenti għandu jkun magħmul minn rappreżentant minn kull Stat Membru benefiċjarju, il-Kummissjoni u l-BEI, u tliet rappreżentanti eletti mill-Istati Membri l-oħra għal perijodu ta' ħames snin. Huwa għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru li ma jkunx membru tal-kumitat tal-investimenti jista' jattendi laqgħat tal-kumitat bħala osservatur.

Il-kumitat tal-investimenti għandu jopera b'mod trasparenti. Il-kompożizzjoni tal-kumitat tal-investimenti u l-curricula vitae u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tiegħu għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u, fejn meħtieġ, jiġu aġġornati.

Artikolu 10d 6.
Qabel ma Stat Membru benefiċjarju jiddeċiedi li jiffinanzja investiment mis-sehem tiegħu fil-Fond għall-Modernizzazzjoni, huwa għandu jippreżenta l-proġett ta' investiment lill-kumitat tal-investimenti u lill-BEI. Fejn il-BEI jikkonferma li investiment ikun jaqa' f'wieħed mill-oqsma elenkati fil-paragrafu 2, l-Istat Membru jista' jipproċedi għall-finanzjament tal-proġett ta' investiment mis-sehem tiegħu.

Fejn investiment fil-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija, li jkun propost li jiġi ffinanzjat mill-Fond għall-Modernizzazzjoni, ma jaqax fl-oqsma elenkati fil-paragrafu 2, il-kumitat tal-investimenti għandu jevalwa l-vijabbiltà teknika u finanzjarja ta' dak l-investiment, inkluż it-tnaqqis tal-emissjonijiet li jinkiseb minnu, u joħroġ rakkomandazzjoni dwar il-finanzjament tal-investiment mill-Fond għall-Modernizzazzjoni. Il-kumitat tal-investimenti għandu jiżgura li kwalunkwe investiment relatat mat-tisħin urban jikseb titjib sostanzjali fl-effiċjenza enerġetika u t-tnaqqis fl-emissjonijiet. Dik ir-rakkomandazzjoni tista' tinkludi suġġerimenti dwar l-istrumenti ta' finanzjament adatti. Sa 70 % tal-ispejjeż rilevanti ta' investiment li ma jaqax fl-oqsma elenkati fil-paragrafu 2 jista' jiġi appoġġat mir-riżorsi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni sakemm l-ispejjeż li jkun fadal jiġu ffinanzjati minn entitajiet legali privati.

Artikolu 10d 7.
Il-kumitat tal-investimenti għandu jistinka biex jadotta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu b'kunsens. Jekk il-kumitat tal-investimenti ma jkunx jista' jiddeċiedi b'kunsens fl-iskadenza stabbilita mill-president, huwa għandu jieħu deċiżjoni permezz ta' maġġoranza sempliċi.

Jekk ir-rappreżentant tal-BEI ma japprovax il-finanzjament ta' investiment, għandha tiġi adottata rakkomandazzjoni biss jekk maġġoranza ta' żewġ terzi tal-membri kollha jivvotaw favur tagħha. Ir-rappreżentant tal-Istat Membru li fih ikun ser jitwettaq l-investiment u r-rappreżentant tal-BEI ma għandhomx ikunu intitolati li jivvotaw f'dan il-każ. Dan is-subparagrafu m'għandux japplika għal proġetti fuq skala żgħira ffinanzjati permezz ta' self ipprovdut minn bank promozzjonali nazzjonali jew permezz ta' għotjiet li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' programm nazzjonali li jaqdi objettivi speċifiċi f'konformità mal-objettivi tal-Fond għall-Modernizzazzjoni, sakemm taħt il-programm ma jintużax iżjed minn 10 % tas-sehem tal-Istati Membri stabbilit fl-Anness IIb.

Artikolu 10d 8.
Kwalunkwe att jew rakkomandazzjoni mill-BEI jew mill-kumitat tal-investimenti li jsiru skont il-paragrafi 6 u 7 għandhom isiru fil-ħin opportun u għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati. Tali atti u rakkomandazzjonijiet għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.
Artikolu 10d 9.
L-Istati Membri benefiċjarji għandhom ikunu responsabbli għas-segwitu tal-implimentazzjoni fir-rigward tal-proġetti magħżula.
Artikolu 10d 10.

L-Istati Membri benefiċjarji għandhom jirrapportaw kull sena lill-Kummissjoni dwar l-investimenti ffinanzjati mill-Fond għall-Modernizzazzjoni. Ir-rapport għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għandu jinkludi:

(a) 

informazzjoni dwar l-investimenti ffinanzjati għal kull Stat Membru benefiċjarju;

(b) 

valutazzjoni tal-valur miżjud f'termini ta' effiċjenza enerġetika jew modernizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, miksuba permezz tal-investiment.

Artikolu 10d 11.
Il-kumitat tal-investiment għandu jirrapporta kull sena lill-Kummissjoni dwar l-esperjenza bl-evalwazzjoni tal-investimenti, b'mod partikolari f'termini tat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-kostijiet tat-tnaqqis. Sal-31 ta' Diċembru 2024, filwaqt li tqis is-sejbiet tal-kumitat tal-investiment, il-Kummissjoni għandha teżamina mill-ġdid l-oqsma għall-proġetti msemmija fil-paragrafu 2 u l-bażi li fuqha l-kumitat tal-investiment jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

Il-kumitat tal-investiment għandu jara li r-rappport annwali jiġi ppubblikat. Il-Kummissjoni għandha tgħaddi dan ir-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 10d 12.
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni dwar regoli dettaljati dwar l-operat tal-Fond għall-Modernizzazzjoni. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 22a(2).

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 01.03.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32003L0087
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.