L-Istati Membri għandhom jemendaw il-lista ta' valuri ta' limitu applikati fit-territorji tagħhom kull meta informazzjoni ġdida dwar kontaminanti, gruppi ta' kontaminanti, jew indikaturi tat-tniġġis, anke b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni, tindika li jeħtieġ li jiġi stabbilit valur ta' limitu għal sustanza addizzjonali, li valur ta' limitu eżistenti jeħtieġ li jiġi mmodifikat, jew li valur ta' limitu li preċedentement kien tneħħa mil-lista jeħtieġ li jerġa' jiddaħħal. Jekk il-valuri ta' limitu rilevanti jiġu stabbiliti jew emendati fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jadattaw il-lista ta' valuri ta' limitu applikati fit-territorji tagħhom għal dawk il-valuri.
▼B
Il-valuri ta' limitu jistgħu jitneħħew mil-lista meta l-massa ta' l-ilma ta' taħt l-art konċernat m'għadux aktar f'riskju mill-pollutanti, il-gruppi ta' pollutanti jew indikaturi tat-tniġġiż korrispondenti.
Kwalunkwe tali bidla fil-lista tal-valuri ta' limitu għandha tiġi rappurtata fil-kuntest tar-reviżjoni perijodika tal-pjanijiet ta' ġestjoni tal-baċiri tax-xmajjar.