Artikolu 8c
Dispożizzjonijiet speċifiċi għal sustanzi farmaċewtiċi
Skont l-Artikolu 16(9) tad-Direttiva 2000/60/KE, u fejn adatt abbażi tal-eżitu tal-istudju tagħha tal-2013 dwar ir-riskji kkawżati minn prodotti mediċinali fl-ambjent u ta’ studji u rapporti rilevanti oħrajn, il-Kummissjoni għandha, sa fejn possibbli fi żmien sentejn mit-13 ta’ Settembru 2013, u wara l-Komunikazzjoni ppjanata tagħha dwar il-kwistjoni, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa approċċ strateġiku għat-tniġġis tal-ilma minn sustanzi farmaċewtiċi. Dak l-approċċ strateġiku għandu, fejn xieraq, jinkludi proposti li jippermettu, sa fejn meħtieġ, li jittieħed kont b’mod aktar effettiv tal-impatti ambjentali tal-mediċini fil-proċedura tat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mediċinali. Fil-qafas ta’ dak l-approċċ strateġiku il-Kummissjoni għandha, fejn xieraq, sal-14 ta’ Settembru 2017 tipproponi miżuri li għandhom jittieħdu fil-livell tal-Unjoni u/jew tal-Istat Membru, kif xieraq, biex jiġu indirizzati l-impatti possibbli fuq l-ambjent ta’ sustanzi farmaċewtiċi, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 8b(1), bil-għan li jitnaqqsu r-rilaxxi, l-emissjonijiet u t-telf ta’ tali sustanzi fl-ambjent akkwatiku, b’kont meħud tal-ħtiġijiet ta’ saħħa pubblika u l-kost-effettività tal-miżuri proposti.