|
+ANNESS II Speċifikazzjonijiet komuni għall-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità li jridu jiġu implimentati minn kull Stat Membru fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili |
ANNESS II Speċifikazzjonijiet komuni għall-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità li jridu jiġu implimentati minn kull Stat Membru fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili
ANNESS II Speċifikazzjonijiet komuni għall-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità li jridu jiġu implimentati minn kull Stat Membru fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili 1. DEFINIZZJONIJIET 1.1. Għall-finijiet ta’ dan l-Anness, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“volum annwali tat-traffiku” tfisser l-għadd totali ta’ passiġġieri li jaslu, jitilqu u li jkunu fi tranżitu (jingħaddu darba);
(2)
“awtorità xierqa” tfisser l-awtorità nazzjonali nnominata minn Stat Membru skont l-Artikolu 9 biex tkun responsabbli għall-koordinazzjoni u għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili tiegħu;
(3)
“awditur” tfisser kwalunkwe persuna li twettaq attivitajiet nazzjonali ta’ monitoraġġ tal-konformità f’isem l-awtorità xierqa;
(4)
“ċertifikazzjoni” tfisser evalwazzjoni u konferma formali minn jew f’isem l-awtorità xierqa li persuna jkollha l-kompetenzi meħtieġa biex twettaq il-funzjonijiet ta’ awditur f’livell aċċettabbli kif definit mill-awtorità xierqa;
(5)
“attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità” tfisser kwalunkwe proċedura jew proċess użat għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni;
(6)
“nuqqas” tfisser nuqqas ta’ konformità ma’ rekwiżit tas-sigurtà tal-avjazzjoni;
(7)
“spezzjoni” tfisser eżaminazzjoni tal-implimentazzjoni ta’ miżuri u proċeduri ta’ sigurtà sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex qegħdin jitwettqu b’mod effettiv u skont l-istandard meħtieġ u biex jiġi identifikat kwalunkwe nuqqas;
(8)
“intervista” tfisser kontroll orali minn awditur biex jiġi stabbilit jekk humiex implimentati miżuri jew proċeduri speċifiċi ta’ sigurtà;
(9)
“osservazzjoni” tfisser kontroll viżwali minn awditur li miżura jew proċedura ta’ sigurtà tiġi implimentata;
(10)
“test evidenti” tfisser eżerċizzju mħabbar bi prodotti tal-iskrinjar jew persunal ieħor tas-sigurtà kkonċernat li b’mod realistiku jissimula l-prestazzjoni ta’ kontroll tas-sigurtà jew att ta’ interferenza illegali bl-għan li jiġu eżaminati jew imkejla elementi bħall-effettività tal-implimentazzjoni ta’ miżuri, kompetenzi u kapaċitajiet ta’ sigurtà eżistenti ta’ dak il-persunal biex iwettaq funzjonijiet assenjati;
(11)
“awtoritajiet rilevanti” tfisser, għall-finijiet tal-Kapitolu 19, l-awtorità xierqa jew kwalunkwe awtorità nazzjonali oħra li jkollha responsabbiltajiet għar-rapportar ta’ okkorrenzi, inċidenti, atti ta’ interferenza illegali u atti preparatorji tagħhom tas-sigurtà tal-avjazzjoni;
(12)
“min jagħmel ir-rapport” tfisser kwalunkwe persuna ġuridika jew fiżika li tirrapporta okkorrenza, inċident, att ta’ interferenza illegali, att preparatorju jew informazzjoni oħra relatata mas-sigurtà skont il-proċess ta’ rapportar obbligatorju jew volontarju stabbilit mill-Istati Membri;
(13)
“kampjun rappreżentattiv” tfisser għażla magħmula minn fost l-għażliet possibbli għall-monitoraġġ li hija biżżejjed fl-għadd u fil-firxa biex tipprovdi bażi għal konklużjonijiet ġenerali dwar l-istandards ta’ implimentazzjoni;
(14)
“awditu tas-sigurtà” tfisser eżaminazzjoni fil-fond tal-miżuri u tal-proċeduri ta’ sigurtà sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex qegħdin jiġu implimentati bis-sħiħ fuq bażi kontinwa;
(15)
“inċident tas-sigurtà” tfisser okkorrenza tas-sigurtà li taffettwa jew li tista’ taffettwa s-sikurezza tal-passiġġieri, tal-ekwipaġġ, tal-persunal fuq l-art u tal-pubbliku ġenerali;
(16)
“okkorrenza tas-sigurtà” tfisser kwalunkwe avveniment relatat mas-sigurtà li jista’ jirriżulta f’eżitu ta’ sigurtà mnaqqsa, jista’ jżid ir-riskji operazzjonali jew li jipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri, tal-ekwipaġġ, tal-persunal fuq l-art u tal-pubbliku ġenerali, jew ikun ksur potenzjali tal-konformità. Dan jinkludi l-identifikazzjoni jew l-osservazzjoni ta’ vulnerabbiltà fil-protezzjoni tal-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali;
(17)
“test” tfisser proċess ta’ miżuri ta’ sigurtà tal-avjazzjoni, fejn l-awtorità xierqa tissimula l-intenzjoni li twettaq att ta’ interferenza illegali għall-fini li tiġi eżaminata l-effettività tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà eżistenti;
(18)
“verifika” tfisser azzjoni meħuda minn awditur biex jiġi stabbilit jekk miżura speċifika ta’ sigurtà hijiex effettivament fis-seħħ;
(19)
“vulnerabbiltà” tfisser kwalunkwe dgħufija fil-miżuri u fil-proċeduri implimentati li tista’ tiġi sfruttata biex jitwettaq att ta’ interferenza illegali. 2. SETGĦAT TAL-AWTORITÀ XIERQA 2.1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awtorità xierqa bis-setgħat meħtieġa għall-monitoraġġ u għall-infurzar tar-rekwiżiti kollha ta’ dan ir-Regolament u tal-atti ta’ implimentazzjoni tiegħu, inkluża s-setgħa li timponi penali f’konformità mal-Artikolu 21. 2.2. L-awtorità xierqa għandha twettaq attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità u għandu jkollha s-setgħat meħtieġa biex tirrikjedi li kwalunkwe nuqqas identifikat jiġi rettifikat fi żmien stabbilit. 2.3. Għandu jiġi stabbilit approċċ gradwali u proporzjonat fir-rigward tal-attivitajiet ta’ korrezzjoni tan-nuqqasijiet u l-miżuri ta’ infurzar. Dan l-approċċ għandu jikkonsisti minn passi progressivi li jridu jiġu segwiti sakemm tinkiseb il-korrezzjoni, inklużi:
(a)
pariri u rakkomandazzjonijiet bil-miktub;
(b)
twissija formali bil-miktub;
(c)
avviż ta’ infurzar uffiċjali;
(d)
sanzjonijiet amministrattivi u proċedimenti legali. L-awtorità xierqa tista’ tneħħi wieħed jew aktar minn dawn il-passi, b’mod speċjali meta n-nuqqas ikun serju jew rikorrenti. 3. OBJETTIVI U KONTENUT TAL-PROGRAMM NAZZJONALI TA’ KONTROLL TAL-KWALITÀ 3.1. L-objettivi tal-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità huma li jivverifika li l-miżuri ta’ sigurtà tal-avjazzjoni jiġu implimentati b’mod effettiv u xieraq u li jiddetermina l-livell ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-programm nazzjonali ta’ sigurtà tal-avjazzjoni ċivili, permezz ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità. 3.2. Il-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:
(a)
struttura, responsabbiltajiet u riżorsi tal-organizzazzjoni;
(b)
deskrizzjonijiet tal-impjiegi tal-awdituri, u kwalifiki meħtieġa għalihom;
(c)
attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità, inkluż l-ambitu tal-awditi tas-sigurtà, l-ispezzjonijiet, it-testijiet u, wara ksur reali jew potenzjali tas-sigurtà, l-investigazzjonijiet, il-frekwenzi għall-awditi u l-ispezzjonijiet tas-sigurtà u wkoll il-klassifikazzjoni tal-konformità;
(d)
stħarriġ, meta jkun hemm raġuni biex jiġu vvalutati mill-ġdid il-ħtiġijiet tas-sigurtà;
(e)
attivitajiet ta’ korrezzjoni tan-nuqqasijiet li jipprovdu dettalji dwar ir-rapportar tan-nuqqasijiet, segwitu u korrezzjoni sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-avjazzjoni;
(f)
miżuri ta’ infurzar u, meta jkun xieraq, penali, kif speċifikat fil-punti 2.1 u 2.3 ta’ dan l-Anness;
(g)
rapportar tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità mwettqa inkluż, meta jkun xieraq, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-korpi nazzjonali dwar il-livelli ta’ konformità;
(h)
proċess ta’ monitoraġġ tal-ajruport, tal-operatur u tal-miżuri interni ta’ kontroll tal-kwalità tal-entità;
(i)
proċess biex jiġu rreġistrati u analizzati r-riżultati tal-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità biex jiġu identifikati x-xejriet u biex jiġi ggwidat l-iżvilupp futur tal-politika;
(j)
proċess għar-rapportar obbligatorju ta’ informazzjoni dwar inċidenti tas-sigurtà tal-avjazzjoni, atti ta’ interferenza illegali u atti preparatorji għalihom, minn kwalunkwe operatur u entità responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili b’mod prattiku u f’waqtu lill-awtoritajiet rilevanti;
(k)
sistema ta’ rapportar kunfidenzjali u volontarja għall-analiżi tal-informazzjoni dwar is-sigurtà pprovduta minn sorsi bħall-pubbliku, il-passiġġieri, il-persunal, l-ekwipaġġ, il-persunal fuq l-art u kwalunkwe persuna oħra fis-settur tal-avjazzjoni. 4. MONITORAĠĠ TAL-KONFORMITÀ 4.1. L-ajruporti, l-operaturi u l-entitajiet l-oħrajn kollha b’responsabbiltajiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni għandhom jiġu mmonitorjati regolarment biex jiġi żgurat li n-nuqqasijiet jiġu osservati u kkorreġuti fil-pront. 4.2. Il-monitoraġġ għandu jsir f’konformità mal-programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità, filwaqt li jitqies il-livell ta’ theddid, it-tip u n-natura tal-operazzjonijiet, l-istandard ta’ implimentazzjoni, ir-riżultati tal-kontroll intern tal-kwalità tal-ajruporti, tal-operaturi u tal-entitajiet, u fatturi u valutazzjonijiet oħrajn li jaffettwaw il-prijoritajiet u l-frekwenza tal-monitoraġġ. 4.3. Il-monitoraġġ għandu jinkludi l-implimentazzjoni u l-effettività tal-miżuri interni ta’ kontroll tal-kwalità tal-ajruporti, tal-operaturi u tal-entitajiet. 4.4. Il-monitoraġġ f’kull ajruport individwali għandu jkun magħmul minn taħlita xierqa ta’ attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità u għandu jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sigurtà fil-qasam. 4.5. Il-ġestjoni, l-istabbiliment tal-prijoritajiet u l-organizzazzjoni tal-programm ta’ kontroll tal-kwalità għandhom jitwettqu indipendentement mill-implimentazzjoni operazzjonali tal-miżuri meħuda skont il-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. 4.6. L-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità għandhom jinkludu awditi, spezzjonijiet u testijiet tas-sigurtà. 5. METODOLOĠIJA 5.1. Il-metodoloġija għat-twettiq tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ għandha tikkonforma ma’ approċċ standardizzat, li jinkludi t-tqassim tal-kompiti, l-ippjanar, it-tħejjija, l-attività fuq il-post, il-klassifikazzjoni tas-sejbiet, it-tlestija tar-rapport u l-proċess ta’ korrezzjoni. 5.2. L-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità għandhom ikunu bbażati fuq il-ġbir sistematiku ta’ informazzjoni permezz ta’ osservazzjonijiet, intervisti, eżaminazzjoni ta’ dokumenti u verifiki. 5.3. Il-monitoraġġ tal-konformità għandu jinkludi kemm attivitajiet imħabbra kif ukoll mhux imħabbra. 6. AWDITI TAS-SIGURTÀ 6.1. Awditu tas-sigurtà għandu jkopri:
(a)
il-miżuri kollha tas-sigurtà f’ajruport; jew
(b)
il-miżuri kollha tas-sigurtà implimentati minn ajruport, terminal ta’ ajruport, operatur jew entità individwali; jew
(c)
parti partikolari mill-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili. 6.2. Għandha tiġi stabbilita metodoloġija għat-twettiq ta’ awditu tas-sigurtà filwaqt li jitqiesu l-elementi li ġejjin:
(a)
it-tħabbir tal-awditu tas-sigurtà u l-komunikazzjoni ta’ kwestjonarju ta’ qabel l-awditu, jekk ikun xieraq;
(b)
il-fażi ta’ tħejjija inkluż l-eżaminazzjoni tal-kwestjonarju mimli ta’ qabel l-awditu u ta’ dokumentazzjoni rilevanti oħra;
(c)
briefing introduttorju ma’ rappreżentanti tal-ajruport/operatur/entità qabel il-bidu tal-attività ta’ monitoraġġ fuq il-post;
(d)
attività fuq il-post;
(e)
debriefing u rapportar;
(f)
meta jiġu identifikati nuqqasijiet, il-proċess ta’ korrezzjoni u l-monitoraġġ assoċjat ta’ dak il-proċess. 6.3. Sabiex jiġi kkonfermat li l-miżuri tas-sigurtà jiġu implimentati, it-twettiq ta’ awditu tas-sigurtà għandu jkun ibbażat fuq ġbir sistematiku ta’ informazzjoni b’teknika waħda jew b’aktar minn teknika waħda minn dawn li ġejjin:
(a)
eżaminazzjoni ta’ dokumenti;
(b)
osservazzjonijiet;
(c)
intervisti;
(d)
verifiki. 6.4. L-ajruporti b’volum ta’ traffiku annwali ta’ aktar minn 10 miljun passiġġier għandhom ikunu soġġetti għal awditu tas-sigurtà li jkopri l-istandards kollha tas-sigurtà tal-avjazzjoni mill-inqas kull 4 snin. L-eżaminazzjoni għandha tinkludi kampjun rappreżentattiv ta’ informazzjoni. 7. SPEZZJONIJIET 7.1. L-ambitu ta’ spezzjoni għandu jkopri mill-inqas sett wieħed ta’ miżuri tas-sigurtà direttament marbuta tal-Anness I u l-atti ta’ implimentazzjoni korrispondenti mmonitorjati bħala attività waħda jew f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, li normalment ma jaqbiżx it-3 xhur. L-eżaminazzjoni għandha tinkludi kampjun rappreżentattiv ta’ informazzjoni. 7.2. Sett ta’ miżuri tas-sigurtà marbutin direttament huwa sett ta’ żewġ rekwiżiti jew aktar kif imsemmi fl-Anness I u fl-atti ta’ implimentazzjoni korrispondenti li jħallu impatt fuq xulxin tant mill-qrib li l-ilħuq tal-objettiv ma jistax jiġi vvalutat b’mod adegwat sakemm ma jitqisux flimkien. Dawn is-settijiet għandhom jinkludu dawk elenkati fl-Appendiċi I ta’ dan l-Anness. 7.3. L-ispezzjonijiet ma għandhomx jitħabbru. Meta l-awtorità xierqa tqis li dan ma huwiex prattikabbli, l-ispezzjonijiet jistgħu jitħabbru. Għandha tiġi stabbilita metodoloġija għat-twettiq ta’ spezzjoni filwaqt li jitqiesu l-elementi li ġejjin:
(a)
fażi ta’ preparazzjoni;
(b)
attività fuq il-post;
(c)
stħarriġ, skont il-frekwenza u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ;
(d)
rapportar/reġistrazzjoni;
(e)
proċess ta’ korrezzjoni u l-monitoraġġ tiegħu. 7.4. Sabiex jiġi kkonfermat li l-miżuri tas-sigurtà huma effettivi, it-twettiq tal-ispezzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-ġbir sistematiku ta’ informazzjoni b’teknika waħda jew b’aktar minn teknika waħda minn dawn li ġejjin:
(a)
eżaminazzjoni ta’ dokumenti;
(b)
osservazzjonijiet;
(c)
intervisti;
(d)
verifiki. 7.5. F’ajruporti b’volum ta’ traffiku annwali ta’ aktar minn 2 miljun passiġġier, il-frekwenza minima għall-ispezzjoni tas-settijiet kollha ta’ miżuri tas-sigurtà marbuta direttament stabbiliti fil-Kapitoli 1 sa 6 tal-Anness I għandha tkun mill-inqas kull 12-il xahar, sakemm ma jkunx twettaq awditu fl-ajruport matul dak iż-żmien. Il-frekwenza għall-ispezzjoni tal-miżuri kollha tas-sigurtà koperti mill-Kapitoli 7 sa 12 tal-Anness I għandha tiġi ddeterminata mill-awtorità xierqa abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju. 7.6. Meta Stat Membru ma jkollu l-ebda ajruport b’volum ta’ traffiku annwali akbar minn 2 miljun passiġġier, ir-rekwiżiti tal-punt 7.5 għandhom japplikaw għall-ajruport fit-territorju tiegħu bl-akbar volum ta’ traffiku annwali. 7.7. Il-frekwenzi għall-ispezzjoni tal-ajruporti b’volum ta’ traffiku annwali li ma jaqbiżx 2 miljun passiġġier, operatur u entità għandhom jiġu stabbiliti mill-awtorità xierqa filwaqt li jitqiesu l-elementi msemmija fil-punt 4.2. Il-frekwenzi għandhom jirreferu għall-monitoraġġ tas-settijiet rilevanti kollha ta’ miżuri tas-sigurtà marbutin direttament stabbiliti fil-Kapitoli 1 sa 12 tal-Anness I. 8. TESTIJIET 8.1. Għandhom jitwettqu testijiet biex tiġi eżaminata l-effettività tal-implimentazzjoni tal-miżuri tas-sigurtà elenkati hawn taħt, bħala minimu fl-ajruporti kollha li jaqgħu taħt il-punti 7.5 u 7.6:
(a)
kontroll tal-aċċess għaż-żoni ristretti tas-sigurtà;
(b)
skrinjar ta’ persuni għajr il-passiġġieri u l-oġġetti li jġorru magħhom;
(c)
protezzjoni tal-inġenji tal-ajru;
(d)
skrinjar tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina;
(e)
protezzjoni tal-bagalji tal-istiva;
(f)
skrinjar ta’ merkanzija jew posta;
(g)
protezzjoni ta’ merkanzija u posta. Għat-testijiet li jridu jitwettqu fl-ajruporti li ma jaqgħux taħt il-punti 7.5 u 7.6, il-prijoritajiet għandhom jiġu stabbiliti fl-ippjanar annwali tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità. 8.2. L-awtorità xierqa tista’, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju, twettaq testijiet biex teżamina l-effettività tal-implimentazzjoni tal-miżuri addizzjonali tas-sigurtà li ġejjin:
(a)
eżaminazzjoni ta’ vetturi;
(b)
tfittxija tas-sigurtà ta’ inġenji tal-ajru;
(c)
skrinjar tal-bagalji tal-istiva;
(d)
skrinjar tal-provvisti għal matul it-titjira u tal-ajruport;
(e)
protezzjoni tal-provvisti għal matul it-titjira u tal-ajruport;
(f)
protezzjoni tal-faċilitajiet u tal-perimetru tal-ajruport. 8.3. Għandu jiġi żviluppat protokoll ta’ ttestjar li jinkludi l-metodoloġija filwaqt li jitqiesu r-rekwiżiti legali, tas-sikurezza u operazzjonali. Il-metodoloġija għandha tindirizza l-elementi li ġejjin:
(a)
fażi ta’ preparazzjoni;
(b)
attività fuq il-post;
(c)
stħarriġ, skont il-frekwenza u r-riżultati tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ;
(d)
rapportar/reġistrazzjoni;
(e)
proċess ta’ korrezzjoni u l-monitoraġġ assoċjat. 8.4. Il-frekwenzi għat-testijiet għandhom jiġu stabbiliti mill-awtorità xierqa filwaqt li jitqiesu l-elementi msemmija fil-punt 4.2. 8.5. It-testijiet jistgħu jiġu sostitwiti jew issupplimentati b’testijiet evidenti f’każijiet meta ma jkunx possibbli li jinkiseb kampjun rappreżentattiv ta’ testijiet minħabba, pereżempju, l-implimentazzjoni limitata ta’ ċerti miżuri tas-sigurtà, jew meta l-kundizzjonijiet lokali jkunu jfixklu l-effettività tat-testijiet. 9. STĦARRIĠ 9.1. L-istħarriġ għandu jitwettaq kull meta l-awtorità xierqa tirrikonoxxi l-ħtieġa li l-operazzjonijiet jiġu evalwati mill-ġdid sabiex tiġi identifikata u indirizzata kwalunkwe vulnerabbiltà. Meta tiġi identifikata vulnerabbiltà, l-awtorità xierqa għandha tirrikjedi l-implimentazzjoni ta’ miżuri protettivi proporzjonati mat-theddida. 10. RAPPORTAR TAL-ATTIVITAJIET TA’ MONITORAĠĠ TAL-KONFORMITÀ 10.1. L-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità għandhom jiġu rrapportati jew irreġistrati f’format standardizzat li jippermetti analiżi kontinwa tax-xejriet. 10.2. L-elementi li ġejjin għandhom jiġu inklużi fil-format standardizzat:
(a)
tip ta’ attività;
(b)
ajruport, operatur jew entità mmonitorjata;
(c)
data u l-ħin tal-attività;
(d)
isem tal-awdituri li jwettqu l-attività;
(e)
ambitu tal-attività;
(f)
sejbiet bid-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili;
(g)
klassifikazzjoni tal-konformità;
(h)
rakkomandazzjonijiet għal azzjonijiet ta’ rimedju, meta jkun xieraq;
(i)
perjodu ta’ żmien għall-korrezzjoni, meta jkun xieraq. 10.3. Meta jiġu identifikati nuqqasijiet, l-awtorità xierqa għandha tirrapporta s-sejbiet rilevanti lill-ajruport, lill-operaturi jew lill-entitajiet soġġetti għal monitoraġġ. 11. KLASSIFIKAZZJONI KOMUNI TAL-KONFORMITÀ 11.1. L-attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità għandhom jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili bl-użu tas-sistema ta’ klassifikazzjoni armonizzata ta’ konformità stabbilita fl-Appendiċi II. 12. KORREZZJONI TAN-NUQQASIJIET 12.1. Il-korrezzjoni tan-nuqqasijiet identifikati għandha tiġi implimentata minnufih. Meta l-korrezzjoni ma tkunx tista’ sseħħ fil-pront, għandhom jiġu implimentati miżuri ta’ kumpens. Meta l-monitoraġġ ġenerali tal-implimentazzjoni ta’ miżura tas-sigurtà, minħabba nuqqasijiet individwali jew iżolati, jirriżulta fil-livell ta’ konformità “Konformi, iżda huwa mixtieq titjib”, dawk in-nuqqasijiet għandhom jiġu kkoreġuti wkoll. 12.2. L-awtorità xierqa għandha tirrikjedi li l-ajruporti, l-operaturi jew l-entitajiet soġġetti għal attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità jissottomettu għal ftehim, pjan ta’ azzjoni li jindirizza kwalunkwe nuqqas deskritt fir-rapporti flimkien ma’ perjodu ta’ żmien għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rimedju u li jipprovdu konferma meta jitlesta l-proċess ta’ korrezzjoni. 13. ATTIVITAJIET TA’ SEGWITU RELATATI MAL-VERIFIKA TAL-KORREZZJONI 13.1. Wara konferma mill-ajruport, mill-operatur jew mill-entità soġġetta għall-monitoraġġ li tkun ittieħdet kwalunkwe azzjoni ta’ rimedju meħtieġa, l-awtorità xierqa għandha tivverifika l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet ta’ rimedju. 13.2. L-attivitajiet ta’ segwitu għandhom jużaw l-aktar metodu ta’ monitoraġġ rilevanti. 14. DISPONIBBILTÀ TAL-AWDITURI 14.1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li jkun hemm għadd suffiċjenti ta’ awdituri disponibbli għall-awtorità xierqa direttament jew taħt is-superviżjoni tagħha għat-twettiq tal-attivitajiet kollha ta’ monitoraġġ tal-konformità. 15. KRITERJI TA’ KWALIFIKA GĦALL-AWDITURI 15.1. Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-awdituri li jwettqu funzjonijiet f’isem l-awtorità xierqa:
(a)
ikunu ħielsa minn kwalunkwe obbligu kuntrattwali jew pekunarju għall-ajruport, għall-operatur jew għall-entità li trid tiġi mmonitorjata; u
(b)
jkollhom il-kompetenzi xierqa, li jinkludu esperjenza teoretika u prattika suffiċjenti fil-qasam rilevanti. L-awdituri għandhom ikunu soġġetti għal ċertifikazzjoni jew għal approvazzjoni ekwivalenti mill-awtorità xierqa. 15.2. L-awdituri għandu jkollhom il-kompetenzi li ġejjin:
(a)
fehim tal-miżuri ta’ sigurtà applikabbli kurrenti u kif dawn jiġu applikati għall-operazzjonijiet li qegħdin jiġu eżaminati, inklużi:
—
fehim tal-prinċipji tas-sigurtà,
—
fehim tal-kompiti superviżorji,
—
fehim tal-fatturi li jaffettwaw il-prestazzjoni tal-bniedem,
(b)
tagħrif prattiku ta’ teknoloġiji u tekniki tas-sigurtà;
(c)
tagħrif ta’ prinċipji, proċeduri u tekniki tal-monitoraġġ tal-konformità;
(d)
tagħrif prattiku tal-operazzjonijiet li qegħdin jiġu eżaminati;
(e)
fehim tar-rwol u tas-setgħat tal-awditur. 15.3. L-awdituri għandhom jgħaddu minn taħriġ rikorrenti bi frekwenza suffiċjenti biex jiġi żgurat li jinżammu l-kompetenzi eżistenti u jiġu akkwistati kompetenzi ġodda biex jitqiesu l-iżviluppi fil-qasam tas-sigurtà. 16. SETGĦAT TAL-AWDITURI 16.1. L-awdituri li jwettqu attivitajiet ta’ monitoraġġ għandhom jiġu pprovduti b’awtorità suffiċjenti biex jiksbu l-informazzjoni meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom. 16.2. L-awdituri għandhom iġorru prova tal-identità li tawtorizza attivitajiet ta’ monitoraġġ tal-konformità f’isem l-awtorità xierqa u li tippermetti aċċess għaż-żoni kollha meħtieġa. 16.3. L-awdituri għandhom ikunu intitolati li:
(a)
jiksbu aċċess immedjat għaż-żoni rilevanti kollha inklużi l-inġenji tal-ajru u l-binjiet għal skopijiet ta’ monitoraġġ; u
(b)
jirrikjedu l-implimentazzjoni korretta jew ir-ripetizzjoni tal-miżuri tas-sigurtà. 16.4. Bħala konsegwenza tas-setgħat mogħtija lill-awdituri, l-awtorità xierqa għandha taġixxi f’konformità mal-punt 2.3 fil-każijiet li ġejjin:
(a)
tfixkil jew impediment intenzjonali ta’ awditur;
(b)
nuqqas jew rifjut li tiġi pprovduta informazzjoni mitluba minn awditur;
(c)
meta tingħata informazzjoni falza jew qarrieqa lil awditur bil-ħsieb ta’ qerq; u
(d)
impersonifikazzjoni ta’ awditur bil-ħsieb ta’ qerq. 17. L-AĦJAR PRATTIKI 17.1. L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bl-aħjar prattiki fir-rigward tal-programmi ta’ kontroll tal-kwalità, il-metodoloġiji tal-awditjar u l-awdituri. Il-Kummissjoni għandha tikkondividi din l-informazzjoni mal-Istati Membri. 18. RAPPORTAR TAL-ATTIVITAJIET TA’ MONITORAĠĠ TAL-KONFORMITÀ LILL-KUMMISSJONI 18.1. Kull sena l-Istati Membri għandhom jissottomettu rapport lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament u dwar is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruporti li jinsabu fit-territorju tagħhom. Il-perjodu ta’ referenza għar-rapport għandu jkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru. Ir-rapport għandu jkun dovut 3 xhur wara t-tlestija tal-perjodu ta’ referenza. 18.2. Il-kontenut tar-rapport għandu jkun f’konformità mal-Appendiċi III permezz ta’ mudell fornut mill-Kummissjoni. 18.3. Il-Kummissjoni għandha tikkondividi l-konklużjonijiet ewlenin meħuda minn dawn ir-rapporti mal-Istati Membri. 19. RAPPORTAR TAL-OKKORRENZI, L-INĊIDENTI, L-ATTI TA’ INTERFERENZA ILLEGALI U L-ATTI PREPARATORJI TAGĦHOM TAS-SIGURTÀ TAL-AVJAZZJONI 19.1. Meta l-awtorità xierqa tidentifika jew tirċievi informazzjoni dwar att ta’ interferenza illegali jew inċident tas-sigurtà tal-avjazzjoni li jkun seħħ jew li jkun se jseħħ, li jkollu jew li x’aktarx ikollu impatt serju fuq il-livell tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Unjoni jew fuq is-sistema internazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni, din għandha tinforma lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli. Soġġett għar-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni rilevanti għas-sigurtà nazzjonali, in-notifika għandha tinkludi kwalunkwe informazzjoni fattwali rilevanti u disponibbli utli biex jiġi vvalutat jekk hijiex meħtieġa azzjoni fil-pront sabiex jinżamm jew jiġi stabbilit mill-ġdid il-livell tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Unjoni u tiġi pprovduta l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni meħtieġa fil-livell internazzjonali. Malli tirċievi tali informazzjoni, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħrajn. 19.2. Għall-fini tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti 3.2(j) u (k) u d-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, mill-1 ta’ Jannar 2028 kull Stat Membru għandu jistabbilixxi proċess għar-rapportar, il-klassifikazzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin, il-protezzjoni, l-analiżi u l-aggregazzjoni ta’ informazzjoni dwar inċidenti tas-sigurtà tal-avjazzjoni, atti ta’ interferenza illegali u atti preparatorji għalihom. Dak il-proċess għandu jipprevedi sistemi ta’ rapportar volontarji obbligatorji u kunfidenzjali u għandu jinkludi rekwiżiti dettaljati biex jiġu żgurati rapportar u segwitu effettivi u effiċjenti inklużi l-eżekuzzjoni u l-koordinazzjoni ta’ kompiti sussegwenti kif ukoll kwalunkwe miżura jew deċiżjoni li għandha tittieħed mill-awtoritajiet rilevanti. 19.3. Mill-1 ta’ Jannar 2028, l-operaturi u l-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili għandhom jirrapportaw informazzjoni dwar inċidenti tas-sigurtà tal-avjazzjoni lill-awtoritajiet rilevanti. L-inċidenti tas-sigurtà jiġu ddeżinjati minn uffiċjal jew minn maniġer tas-sigurtà għal okkorrenza ta’ sigurtà rrapportata abbażi ta’ analiżi tal-okkorrenza u determinazzjoni li hija meħtieġa azzjoni addizzjonali. Inċident tas-sigurtà jista’ jirriżulta wkoll, u jiġi kklassifikat bħala tali mill-awtorità xierqa, f’att ta’ interferenza illegali li jrid jiġi rrapportat lill-ICAO f’konformità mal-Anness 17 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago. L-iskadenzi tar-rapportar li ġejjin għandhom japplikaw għal tali rapportar obbligatorju, li jibda miż-żmien meta l-okkorrenza sottostanti tiġi rrapportata permezz tas-sistema ta’ rapportar interna msemmija fil-punt 19.4:
(a)
mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn 24 siegħa f’każ li l-inċident ikollu impatt serju u immedjat fuq il-livell tas-sigurtà tal-avjazzjoni;
(b)
fi żmien 72 siegħa, meta l-inċident ikollu impatt serju fuq il-livell tas-sigurtà tal-avjazzjoni;
(c)
fuq bażi ta’ kull xahar, fil-każ tal-inċidenti l-oħrajn kollha. 19.4. Mill-1 ta’ Jannar 2028, l-operaturi u l-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili għandhom jistabbilixxu sistema ta’ rapportar interna għar-rapportar ta’ informazzjoni dwar okkorrenzi tas-sigurtà tal-avjazzjoni b’mod prattiku u f’waqtu. Il-persunal kollu tal-operaturi u tal-entitajiet responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili għandu jirrapporta informazzjoni dwar okkorrenzi tas-sigurtà tal-avjazzjoni permezz ta’ tali sistema ta’ rapportar interna. 19.5. Mill-1 ta’ Jannar 2028, l-awtoritajiet rilevanti u kwalunkwe operatur jew entità responsabbli għall-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili għandha tinnomina mill-anqas persuna jew dipartiment wieħed responsabbli għar-rapportar, inkluż il-kontroll tal-kwalità tad-data biex tittejjeb il-konsistenza tad-data. Ir-rekwiżiti ta’ reklutaġġ u taħriġ għall-persuni li jinħatru biex iwettqu tali kompiti għandhom jiġu stabbiliti fir-regoli ta’ implimentazzjoni, adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament. 19.6. Mill-1 ta’ Jannar 2028, ir-rapportar obbligatorju lill-awtoritajiet rilevanti għandu jitwettaq bl-użu tal-mudell kif stabbilit fl-Appendiċi IV, u għandu jirreferi għall-klassifikazzjoni komuni kif stabbilit fl-Appendiċi V. Ir-rapportar volontarju jista’ jitwettaq ukoll bl-użu tal-mudell stabbilit fl-Appendiċi IV u għandu jirreferi għall-klassifikazzjoni komuni kif stabbilit fl-Appendiċi V. 19.7. Mill-1 ta’ Jannar 2028, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jaħżnu rapporti f’bażi ta’ data nazzjonali. Il-kunfidenzjalità ta’ informazzjoni sensittiva dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni li tinsab fir-rapporti kif ukoll kwalunkwe analiżi tagħha għandha tiġi żgurata f’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli tal-Unjoni u dik nazzjonali. Għal dan il-għan, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi rekwiżiti dettaljati dwar l-aċċess għal tali informazzjoni kif ukoll il-protezzjoni fiżika u tat-teknoloġija tal-informazzjoni tagħha. 19.8. Mill-1 ta’ Jannar 2028, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi rekwiżiti dettaljati dwar l-ipproċessar u l-ħżin ta’ rapporti biex jipprevjeni l-użu ta’ informazzjoni li tinsab fihom għal finijiet minbarra s-sigurtà tal-avjazzjoni u għandu jissalvagwardja b’mod xieraq il-kunfidenzjalità tal-identità ta’ min jirrapporta u tal-persuni msemmija fir-rapport, soġġett għar-rekwiżiti dwar proċedimenti kriminali, dixxiplinari jew amministrattivi skont il-liġi nazzjonali. 19.9. Mill-1 ta’ Jannar 2028, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jistabbilixxu u jimplimentaw proċeduri għall-kondiviżjoni, abbażi tal-ħtieġa ta’ għarfien, tal-informazzjoni rilevanti li tinsab fir-rapporti u dwar l-azzjonijiet ta’ segwitu biex jassistu lil awtoritajiet u aġenziji nazzjonali oħrajn, lill-operaturi tal-ajruporti, lit-trasportaturi tal-ajru u lil entitajiet oħrajn ikkonċernati, meta dan jista’ jikkontribwixxi għaż-żamma u għat-titjib tas-sigurtà tal-avjazzjoni. 19.10. Mill-1 ta’ Jannar 2028, minkejja l-punt 19.8, f’każ li l-informazzjoni jkollha rilevanza għas-sikurezza tal-avjazzjoni, l-awtoritajiet rilevanti jistgħu jikkondividuha mal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili, soġġett għar-rekwiżiti applikabbli dwar il-kunfidenzjalità, il-protezzjoni u t-tneħħija ta’ informazzjoni kif xieraq. 19.11. Mill-1 ta’ Jannar 2028, soġġett għar-rekwiżiti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali, kif applikabbli, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jikkondividu l-informazzjoni rilevanti li tinsab f’rapporti mal-Kummissjoni u ma’ Stati Membri oħrajn, meta dan jista’ jikkontribwixxi għaż-żamma u għat-titjib tas-sigurtà tal-avjazzjoni, inkluż bi tweġiba għal mistoqsijiet speċifiċi mill-Kummissjoni jew minn Stati Membri oħrajn. 19.12. Mill-1 ta’ Jannar 2028, soġġett għar-rekwiżiti dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u dik nazzjonali, kif applikabbli, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jikkondividu l-informazzjoni rilevanti li tinsab f’rapporti ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi, meta dan ikun meħtieġ skont ftehimiet internazzjonali jew meta dan jista’ jikkontribwixxi għaż-żamma u għat-titjib tas-sigurtà tal-avjazzjoni. 19.13. Mill-1 ta’ Jannar 2028, mingħajr preġudizzju għall-punti 19.1 u 19.11., kull sena l-Istati Membri għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni rapport li jkun fih statistika dwar ir-rapporti riċevuti, aggregati f’konformità mal-klassifikazzjoni komuni kif stabbilita fl-Appendiċi V u l-analiżi tagħhom. Il-perjodu ta’ referenza għar-rapport għandu jkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru, u għandu jkun dovut 6 xhur wara t-tlestija tal-perjodu ta’ referenza. 19.14. Mill-1 ta’ Jannar 2028, il-Kummissjoni għandha tikkondividi l-konklużjonijiet ewlenin li jirriżultaw mir-rapporti sottomessi skont il-punt 19.13 mal-Kumitat Regolatorju għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili u mal-Grupp Konsultattiv tal-Partijiet Ikkonċernati dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni. 19.15. Mill-1 ta’ Jannar 2028, sabiex tipprovdi approċċ armonizzat fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tagħmel disponibbli strument xieraq tat-teknoloġija tal-informazzjoni biex tappoġġa l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan il-Kapitolu, f’koordinazzjoni mal-Istati Membri.
Appendiċi I Elementi li jridu jiġu inklużi fis-sett ta’ miżuri tas-sigurtà marbuta direttament Is-settijiet ta’ miżuri tas-sigurtà marbuta direttament kif imsemmi fil-punt 7.1 ta’ dan l-Anness għandhom jinkludu l-elementi li ġejjin tal-Anness I u d-dispożizzjonijiet korrispondenti fl-atti ta’ implimentazzjoni tiegħu adottati mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-Regolament: Għall-punt 1 — Sigurtà tal-ajruport:
(a)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 1.1; jew
(b)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 1.2 (ħlief dawk relatati mal-karti ta’ identifikazzjoni u mal-permessi tal-vetturi); jew
(c)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 1.2 relatati mal-karti ta’ identifikazzjoni; jew
(d)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 1.2 relatati mal-permessi tal-vetturi; jew
(e)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 1.3 u l-elementi rilevanti tal-punt 12; jew
(f)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 1.4; jew
(g)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 1.5; jew
(h)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 1.7, u l-elementi rilevanti tal-punt 11. Għall-punt 2 — Żoni demarkati tal-ajruporti: id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-punt. Għall-punt 3 — Sigurtà tal-inġenji tal-ajru:
(a)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 3.1; jew
(b)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 3.2. Għall-punt 4 — Passiġġieri u bagalji tal-kabina:
(a)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 4.1 u l-elementi rilevanti tal-punt 12: jew
(b)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 4.2; jew
(c)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 4.3. Għall-punt 5 — Bagalji tal-istiva:
(a)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 5.1 u l-elementi rilevanti tal-punt 12; jew
(b)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 5.2; jew
(c)
id-dispożizzjonijiet kollha tal-punt 5.3. Għall-punt 6 — Merkanzija u posta:
(a)
id-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-kontrolli tas-sigurtà, l-iskrinjar u t-trasport applikati minn aġent regolat u l-elementi rilevanti tal-punt 12; jew
(b)
id-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-kontrolli tas-sigurtà u t-trasport applikati minn konsenjaturi magħrufa; jew
(c)
id-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-kontrolli tas-sigurtà u t-trasport applikati minn trasportaturi tal-merkanzija approvati; jew
(d)
id-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-protezzjoni tal-merkanzija u tal-posta fl-ajruporti. Għall-punt 7 — Posta u materjali tat-trasportaturi bl-ajru: id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-punt. Għall-punt 8 — Provvisti għal matul it-titjira: id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-punt u l-elementi rilevanti tal-punt 12. Għall-punt 9 — Provvisti għall-ajruport: id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-punt u l-elementi rilevanti tal-punt 12. Għall-punt 10 — Miżuri tas-sigurtà għal matul it-titjira: id-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan il-punt. Għall-punt 11 — Reklutaġġ u taħriġ tal-persunal:
(a)
id-dispożizzjonijiet kollha relatati mar-reklutaġġ tal-persunal f’ajruport, operatur, trasportatur tal-ajru jew entità; jew
(b)
id-dispożizzjonijiet kollha relatati mat-taħriġ tal-persunal f’ajruport, operatur, trasportatur tal-ajru jew entità.
Appendiċi II Sistema ta’ klassifikazzjoni armonizzata ta’ konformità Il-klassifikazzjoni ta’ konformità li ġejja għandha tapplika għall-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm nazzjonali tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.
Appendiċi III KONTENUT TAR-RAPPORT LILL-KUMMISSJONI 1. Struttura ta’ organizzazzjoni, responsabbiltajiet u riżorsi
(a)
L-istruttura tal-organizzazzjoni ta’ kontroll tal-kwalità, ir-responsabbiltajiet u r-riżorsi, inklużi l-emendi futuri ppjanati (ara l-punt 3.2(a)).
(b)
Għadd ta’ awdituri – preżenti u ppjanati (ara l-punt 14).
(c)
Taħriġ imwettaq mill-awdituri (ara l-punt 15.2). 2. Attivitajiet ta’ monitoraġġ operazzjonali L-attivitajiet ta’ monitoraġġ kollha mwettqa, li jispeċifikaw:
(a)
it-tip (awditu tas-sigurtà, spezzjoni inizjali, spezzjoni ta’ segwitu, test, oħrajn);
(b)
l-ajruporti, l-operaturi u l-entitajiet immonitorjati;
(c)
l-ambitu;
(d)
il-frekwenzi; u
(e)
t-total ta’ jiem ta’ xogħol imqatta’ fuq il-post. 3. Attivitajiet ta’ korrezzjoni tan-nuqqasijiet
(a)
L-istatus tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ korrezzjoni tan-nuqqasijiet.
(b)
L-attivitajiet ewlenin imwettqa jew ippjanati (eż. ħolqien ta’ karigi ġodda, tagħmir mixtri, ħidma ta’ kostruzzjoni) u l-progress miksub lejn il-korrezzjoni.
(c)
Miżuri ta’ infurzar użati (ara l-punt 3.2(f)). 4. Data u xejriet ġenerali
(a)
It-total tat-traffiku nazzjonali annwali tal-passiġġieri u tal-merkanzija u l-għadd ta’ movimenti tal-inġenji tal-ajru.
(b)
Il-lista ta’ ajruporti skont il-kategorija.
(c)
L-għadd ta’ trasportaturi tal-ajru li joperaw mit-territorju skont il-kategorija (nazzjonali, tal-Unjoni, ta’ pajjiż terz).
(d)
L-għadd ta’ aġenti regolati.
(e)
L-għadd ta’ spedituri magħrufa.
(f)
L-għadd ta’ trasportaturi tal-merkanzija approvati.
(g)
L-għadd ta’ fornituri regolati (għall-provvisti tal-ajruport u għall-provvisti għal matul it-titjira).
(h)
L-għadd approssimattiv ta’ entitajiet oħrajn b’responsabbiltajiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni (kumpaniji għas-servizzi fuq l-art, kumpaniji tas-sigurtà, fornituri magħrufa ta’ provvisti tal-ajruport u ta’ matul it-titjira). 5. Sitwazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-ajruporti Il-kuntest ġenerali tas-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Istat Membru.
Appendiċi IV Mudell għar-rapportar ta’ informazzjoni dwar okkorrenzi u inċidenti tas-sigurtà ( 3 ) Data u ħin eżatti jew il-perjodu ( 4 ) tal-okkorrenza: …/…/… Data tar-rapport ( 5 ): …/…/… Post tal-okkorrenza ( 6 ): Isem il-kumpanija u/jew tal-persuna li tirrapporta (jekk possibbli ( 7 )): Deskrizzjoni tal-okkorrenza: Azzjoni(jiet) immedjata/i meħuda u minn min ( 8 ): Żona affettwata tas-sigurtà tal-avjazzjoni: Sigurtà tan-naħa tal-art; Passiġġieri u bagalji tal-kabina; Persunal u ekwipaġġ; Kontroll fuq l-aċċess; Bagalji tal-istiva; Provvisti għal matul it-titjira; Provvisti tal-ajruport; Protezzjoni tal-inġenji tal-ajru fuq l-art; Miżuri tas-sigurtà matul it-titjira tal-inġenji tal-ajru; Merkanzija u posta; Kontroll tat-Traffiku tal-Ajru; Informazzjoni u teknoloġiji diġitali; Sistema/i ta’ inġenji tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAS, Unmanned Aircraft System)/Vettura tal-ajru mingħajr bdot abbord (UAV, Unmanned Aerial Vehicle)/Sistema/i ta’ inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS, Remotely-Piloted Aircraft System); Arma li tintuża mill-bogħod (MANPADS, Man-portable Air-Defense Systems, eċċ.); Lasers; Informazzjoni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni; Avjazzjoni Ġenerali/Klabbs ajrunawtiċi Effett jew effett potenzjali fuq is-sigurtà ( 9 ): Kwalunkwe kumment/proposta/informazzjoni ieħor/oħra ( 10 ): Kuntatt (email, numru tat-telefon):
Appendiċi V Klassifikazzjoni komuni ta’ okkorrenzi u inċidenti tas-sigurtà ( 11 )
1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|
||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||||