Kull trasportatur ta' l-ajru Komunitarju għandu jipprovdi, lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji, il-kontijiet verifikati tiegħu mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-aħħar jum tas-sena finanzjarja rispettiva, ħlief jekk stipulat mod ieħor fil-liġi nazzjonali. Waqt l-ewwel sentejn ta' l-operat ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju, id-data msemmija fil-punt 3 ta' l-Anness I għandha tiġi magħmula disponibbli lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji fuq talba.
L-awtorità kompetenti tal-liċenzji tista' f'kull ħin tivvaluta r-rendiment finanzjarju ta' trasportatur ta' l-ajru Komunitarju li lilu tkun ingħatat liċenzja operattiva billi titlob għall-informazzjoni rilevanti. Bħala parti minn tali valutazzjoni, it-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju in kwistjoni għandu jaġġorna d-data msemmija fil-punt 3 ta' l-Anness I u jipprovdiha lill-awtoritajiet kompetenti tal-liċenzji fuq talba.