Jekk il-Kummissjoni, abbażi ta' l-informazzjoni miksuba taħt l-Arikolu 26(2), issib li l-liċenzja operattiva mogħtija lil trasportatur ta' l-ajru Komunitarju ma tkunx f'konformità mar-rekwiżiti ta' dan ir-Regolament għandha tgħaddi l-konklużjonijiet tagħha lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji li għandha tibgħat il-kummenti tagħha lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum tax-xogħol.
Jekk il-Kummissjoni, wara li teżamina l-kummenti ta' l-awtorità kompetenti tal-liċenzji, tkun tal-fehma li l-liċenzja operattiva mhijiex konformi, jew jekk ma jiġu riċevuti l-ebda kummenti mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji hija għandha, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 25(2), tieħu deċiżjoni biex titlob lill-awtorità kompetenti tal-liċenzji biex tieħu l-miżuri korrettivi adatti jew biex tissospendi jew tirrevoka l-liċenzja operattiva.
Id-deċiżjoni għandha tistabbilixxi d-data sa meta l-miżuri korrettivi jew l-azzjonijiet mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji għandhom jiġu implimentati. Jekk il-miżuri korrettivi jew l-azzjonijiet ikunu għadhom ma ġewx implimentati sa dik id-data t-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju m'għandux ikun intitolat jeżerċita d-drittijiet tiegħu taħt il-paragrafu 1.
It-trasportatur ta' l-ajru Komunitarju jista’ jerġa' jibda jeżerċita d-drittijiet tiegħu taħt il-paragrafu 1 man-notifika lill-Kummissjoni mill-awtorità kompetenti tal-liċenzji li l-miżuri korrettivi ġew implimentati u li l-awtorità kompetenti tal-liċenzji vverifikat l-implimentazzjoni.