Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “ħżin ġeoloġiku tas-CO2” tfisser l-injezzjoni akkumpanjata mill-ħżin tan-nixxiegħat tas-CO2 f’formazzjonijiet ġeoloġiċi taħt l-art;
(2) “kolonna tal-ilma” tfisser il-massa tal-ilma kontinwa vertikalment mill-wiċċ sas-sedimenti tal-qiegħ tal-ilmijiet;
(3) “sit tal-ħżin” tfisser żona ta’ volum definit fi ħdan formazzjoni ġeoloġika użata għall-ħżin ġeoloġiku tas- CO2 u l-faċilitajiet assoċjati tal-wiċċ u tal-injezzjoni;
(4) “formazzjoni ġeoloġika” tfisser suddiviżjoni litostratigrafika li fiha jistgħu jinstabu u jiġu indikati strati ta’ blat distinti;
(5) “tnixxija” tfisser kwalunkwe rilaxx ta’ CO2 mill-kumpless tal-ħżin;
(6) “kumpless tal-ħżin” tfisser is-sit tal-ħżin u l-oqsma ġeoloġiċi tal-madwar li jistgħu jkollhom effett fuq l-integrità u s-sigurtà kumplessiva tal-ħżin (i.e. formazzjonijiet sekondarji tal-ħżin);
(7) “unità idrawlika” tfisser spazju poruż b’konnessjoni idrawlika fejn il-komunikazzjoni tal-pressa tista’ titkejjel permezz ta’ mezzi tekniċi u li huwa mdawwar minn ostakli għall-flussi, bħal imperfezzjonijiet, depożiti tal-melħ, limiti litoloġiċi, jew minn postijiet fejn il-formazzjoni hija llevata ‘l barra jew maħruġa ‘l barra;
(8) “esplorazzjoni” tfisser il-valutazzjoni ta’ kumplessi tal-ħżin potenzjali għall-finijiet ta’ ħżin ġeoloġiku tas-CO2 permezz ta’ attivitajiet li jidħlu fis-sottostrat bħal tħaffir biex jinkiseb tagħrif ġeoloġiku dwar l-istrata fil-kumpless tal-ħżin potenzjali u, jekk ikun il-każ, it-twettiq ta’ testijiet tal-injezzjoni biex jiġi kkaratterizzat is-sit għall-ħżin;
(9) “permess għall-esplorazzjoni” tfisser deċiżjoni bil-miktub u motivata li tawtorizza l-esplorazzjoni, u li tispeċifika l-kondizzjonijiet li taħthom tista’ tiġi attwata, maħruġa mill-awtorità kompetenti konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva;
(10) “operatur” tfisser kull persuna naturali jew legali, privata jew pubblika li topera jew tikkontrolla s-sit tal-ħżin jew lil min ikun ġie ddelegat il-poter ekonomiku deċiżiv fuq il-funzjonament tekniku tas-sit tal-ħżin konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali;
(11) “il-permess għall-ħżin” tfisser deċiżjoni (jew deċiżjonijiet) bil-miktub u motivata li tawtorizza l-ħżin ġeoloġiku tas-CO2 f’sit tal-ħżin mill-operatur, u li tispeċifika l-kundizzjonijiet biex ikun jista’ jsir, maħruġ mill-awtorità kompetenti konformement mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva;
(12) “bidla sostanzjali” tfisser kwalunkwe bidla mhix prevista fil-permess għall-ħżin li jista’ jkollha effetti sinifikanti fuq l-ambjent jew fuq is-saħħa tal-bniedem;
(13) “nixxiegħa tas-CO2” tfisser fluss ta’ sustanzi li jirriżulta mill-proċessi tal-ġbir tas-CO2;
(14) “skart” tfisser is-sustanzi definiti bħala skart fil-punt (a) tal-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/12/KE;
(15) “formazzjoni tas-CO2” tfisser il-volum mifrux tas-CO2 fil-formazzjoni ġeoloġika;
(16) “migrazzjoni” tfisser il-moviment tas-CO2 ġewwa l-kumpless tal-ħżin;
(17) “irregolarità sinifikanti” tfisser kwalunkwe irregolarità fl-operazzjonijiet tal-injezzjoni jew tal-ħżin jew fil-kundizzjoni tal-kumpless għall-ħżin innifsu, li timplika r-riskju ta’ tnixxija jew ir-riskju għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem;
(18) “riskju sinjifikanti” tfisser taħlita ta’ probabilità li ssir ħsara u l-ammont ta’ ħsara li ma jistax ikun injorat mingħajr jitqies l-iskop ta’ din id-Direttiva għas-sit tal-ħżin ikkonċernat;
(19) “miżuri korrettivi” tfisser kwalunkwe miżuri meħuda biex jiġu korretti irregolaritajiet sinifikanti jew biex jingħalqu tnixxijiet sabiex jiġi evitat jew imwaqqaf ir-rilaxx tas-CO2 mill-kumpless tal-ħżin;
(20) “għeluq” ta’ sit tal-ħżin tfisser it-tmiem definit tal-injezzjoni tas-CO2 f’dak is-sit tal-ħżin;
(21) “wara l-għeluq” tfisser il-perjodu wara l-għeluq ta’ sit tal-ħżin, inkluż il-perjodu ta’ wara t-trasferiment tar-responsabbiltà lill-awtorità kompetenti;
(22) “network tat-trasport” tfisser in-network ta’ pipelines, inklużi l-istazzjonijiet tal-kompressjoni assoċjati, għat-trasport tas-CO2 sas-sit tal-ħżin.