Artikolu 5
Il-permessi għall-esplorazzjoni
1. Fejn l-Istati Membri jiddeterminaw li hija meħtieġa esplorazzjoni biex jiġi ġġenerat it- tagħrif meħtieġ għall-għażla tas-siti ta’ ħżin taħt l-Artikolu 4, huma għandhom jiżguraw li l-ebda esplorazzjoni ta’ din ix-xorta ma sseħħ mingħajr permess għall-esplorazzjoni.
Fejn ikun il-każ, jista’ jiġi inkluż monitoraġġ tat-test tal-injezzjoni fil-permess għall-esplorazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri għall-għoti tal-permessi għall-esplorazzjoni jkunu miftuħa għall-entijiet kollha li jkollhom il-kapaċitajiet meħtieġa u li l-permessi jingħataw jew jinċaħdu fuq il-bażi ta’ kriterji objettivi ppubblikati u mhux diskriminatorji.
3. It-tul taż-żmien tal-permess m’għandux jisboq il-perjodu meħtieġ biex titwettaq l-esplorazzjoni li jkun ingħata għaliha. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jestendu l-validità tal-permess fejn it-tul ta’ żmien stipulat ma jkunx biżżejjed biex tintemm l-esplorazzjoni konċernata u fejn l-esplorazzjoni twettqet konformement mal-permess. Il-permessi għall-esplorazzjoni għandhom jingħataw fir-rigward ta’ żona ta’ volum limitat.
4. Id-detentur ta’ permess għall-esplorazzjoni għandu jkollu l-uniku dritt li jesplora il-kumpless ta’ ħżin potenzjali tas-CO2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ebda użijiet konfliġġenti tal-kumpless ma jiġu permessi matul il-perjodu ta’ validità tal-permess.