Artikolu 8
Spezzjoni tat-tagħmir li qed jintuża
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi f’użu professjonali għandu jkun soġġett għal spezzjonijiet f’intervalli regolari. L-intervall bejn l-ispezzjonijiet m’għandux jaqbeż ħames snin sal-2020 u m’għandux jaqbeż tliet snin wara dan.
2.
►C1
Sas-26 ta’ Novembru 2016, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ◄ li t-tagħmir ta’ applikazzjoni ta’ pestiċidi jkun ġie spezzjonat mill-inqas darba. Wara din id-data, biss it-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li jgħaddi mill-ispezzjoni b’suċċess għandu jintuża b’mod professjonali.
It-tagħmir il-ġdid għandu jiġi spezzjonat mill-inqas darba f’perjodu ta’ 5 snin wara li jkun inxtara.
3. B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, u wara valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, inkluża valutazzjoni tar-rata ta’ użu tat-tagħmir, l-Istati Membri jistgħu:
(a) japplikaw skedi ta’ żmien u intervalli ta’ spezzjoni differenti għat-tagħmir ta’ applikazzjoni tal-pestiċidi li ma jintużax għall-bexx tal-pestiċidi, għal tagħmir ta’ applikazzjoni tal-pestiċidi li jinżamm fl-idejn jew apparat għall-bexx li jiddendel fuq id-dahar u għal tagħmir ta’ applikazzjoni ta’ pestiċidi addizzjonali li jirrappreżenta rata ta’ użu baxxa ħafna, li għandu jiġi elenkat fil-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali previst fl-Artikolu 4.
It-tagħmir ta’ applikazzjoni ta’ pestiċidi addizzjonali li ġejjin qatt ma jistgħu jiġu kkunsidrati li jirrappreżentaw rata ta’ użu baxxa ħafna:
(i) apparat tal-bexx li jiddendel ma’ ferrovija jew ajruplan;
(ii) driegħ tal-bexxiex akbar minn 3 m, inkużi dawk armati fuq tagħmir użat ghat-taħwil;
(b) jeżentaw mill-ispezzjoni tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li jinżamm fl-idejn jew apparat għall-bexx li jiddendel fuq id-dahar. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi jkunu ġew infurmati dwar il-bżonn li l-aċċessorji jinbidlu b’mod regolari, dwar ir-riskji speċifiċi marbuta ma’ dak it-tagħmir, u li l-operaturi jkunu ġew imħarrġa għall-użu adegwat ta’ dak it-tagħmir ta’ applikazzjoni bi qbil mal-Artikolu 5.
4. L-ispezzjonijiet għandhom jivverifikaw li t-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti elenkati fl-Anness II, biex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.
Għandu jkun preżunt li t-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li jikkonforma mal-istandards armonizzati żviluppati skont l-Artikolu 20(1) jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali għas-saħħa u s-sigurtà u għall-ambjent.
5. L-utenti professjonali għandhom iwettqu kalibrazzjonijiet u kontrolli tekniċi regolari tat-tagħmir ta’ applikazzjoni ta’ pestiċidi skont it-taħriġ adegwat riċevut kif previst fl-Artikolu 5.
6. L-Istati Membri għandhom jaħtru korpi responsabbli għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ spezzjoni u jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.
Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistemi ta’ ċertifikazzjoni mfasslin biex jippermettu l-verifika tal-ispezzjonijiet u jirrikonoxxu ċ-ċertifikati mogħtija fi Stati Membri oħra konformement mar-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 4 u fejn il-perjodu ta’ żmien mill-aħħar spezzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor ikun indaqs jew iqsar mill-perjodu ta’ żmien ta’ spezzjoni applikabbli fit-territorju tiegħu stess.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jirrikonoxxu ċ-ċertifikati maħruġa fi Stati Membri oħra dment li jkun hemm konformità mal-intervalli ta’ spezzjoni msemmija fil-paragrafu 1.
▼M3
7. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 20a li jemendaw l-Anness II sabiex jittieħed kont tal-progress tekniku u xjentifiku.
▼B