Artikolu 14
Kriterji tal-għażla u tal-għoti
1. Waqt li l-proposti mressqa jkunu qegħdin jiġu vvalutati skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 12(1), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għażla li ġejjin:
(a) is-solidità u l-adegwatezza teknika tal-approċċ;
(b) is-solidità tal-pakkett finanzjarju għall-fażi sħiħa tal-investiment tal-proġett.
2. Fil-valutazzjoni tal-proposti riċevuti skont is-sejħa għal proposti msemmija fl-Artikolu 12(1), il-Kummissjoni għandha tapplika l-kriterji tal-għoti li ġejjin:
(a) il-maturità, definita bħala l-ilħuq tal-istadju ta’ investiment, u li tirriżulta f’infiq kapitali sostanzjali sa tmiem l-2010;
(b) il-miżura ta’ kemm in-nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi qiegħed idewwem l-implimentazzjoni tal-azzjoni;
(c) il-miżura li biha l-proġett itejjeb jew iżid l-iskala ta’ installazzjonijiet u infrastrutturi li diġà bdew jinbnew, jew li jinsabu fil-fażi ta’ ppjanar;
(d) il-miżura il biha l-proġett jinkludi l-bini ta’ installazzjonijiet u infrastrutturi ta’ daqs sħiħ u ta’ skala industrijali, u jindirizza, b’mod partikolari, il-kwistjonijiet li ġejjin:
(i) l-ibbilanċjar tal-varjabbiltà tal-elettriku ġġenerat mill-enerġija tar-riħ permezz ta’ sistemi integrattivi;
(ii) l-eżistenza ta’ sistemi ta’ ħżin fuq skala kbira;
(iii) il-ġestjoni ta’ impjanti tal-enerġija mir-riħ bħala impjanti virtwali li jipproduċu l-enerġija (iktar minn 1 GW);
(iv) l-eżistenza ta’ turbini li jinsabu aktar lil hinn mix-xtajta jew f’ ilmijiet iktar fondi (minn 20 sa 50 m) milli hu standard bħalissa;
(v) disinji ġodda tas-sub-strutturi; jew
(vi) proċessi ta’ mmuntar, installazzjoni, tħaddim u żarmar u ttestjar ta’ dawn il-proċessi fi proġetti ta’ daqs reali;
(e) il-fatturi innovattivi tal-proġett u l-miżura li biha tintwera l-implimentazzjoni ta’ dawn il-fatturi;
(f) l-impatt tal-proġett u l-kontribut tiegħu lis-sistema Komunitarja ta’ distribuzzjoni tal-enerġija ġġenerata mir-riħ ‘il barra mix-xtajta, inkluż il-potenzjal ta’ replikazzjoni tiegħu;
(g) l-impenn muri mill-benefiċjarji li jqassmu r-riżultati tal-avvanzi teknoloġiċi li jkunu saru mill-proġett lil operaturi oħrajn Ewropej b’mod kompatibbli mal-liġi Komunitarja u b’mod partikolari mal-objettivi u l-istrutturi mniżżla fil-Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija.