Artikolu 16
Regoli applikabbli għall-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ
(1) It-twettiq tal-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ għandhom ikunu soġġetti, kemm-il darba ma jkunx provdut mod ieħor fil-leġiżlazzjoni tal-Komunità, għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:
(a) il-kondizzjonijiet li jirregolaw il-kuntratt tat-trasport;
(b) il-piżijiet u l-qisien tal-vetturi tat-triq;
(c) ir-rekwiżiti relatati mat-trasport ta’ ċerti kategoriji ta’ passiġġieri, jiġifieri t-tfal tal-iskola, tfal u l-persuni b’nuqqas ta’ mobilità;
(d) ħin tas-sewqan u perijodi tal-mistrieħ;
(e) it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq is-servizzi tat-trasport.
Il-piżijiet u l-qisien imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel sottoparagrafu jistgħu, meta jkun xieraq, jeċċedu dawk applikabbli fl-Istat Membru tal-istabbiliment, iżda dawn ma jistgħu taħt l-ebda ċirkostanzi jeċċedu l-limiti stipulati mill-Istat Membru ospitanti għat-traffiku nazzjonali jew il-karatteristiċi tekniċi msemmija fil-provi msemmija fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 96/53/KE.
(2) Minbarra kif provdut mod ieħor fil-leġislazzjoni Komunitarja, l-operazzjonijiet ta’ kabotaġġ li jifformaw parti mis-servizzi tat-trasport kif provdut fl-Artikolu 15(c) għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jkunu fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti rigward l-awtorizzazzjonijiet, il-proċeduri tal-offerti, ir-rotot li għandhom jiġu operati, ir-regolarità, il-kontinwità u l-frekwenza tas-servizzi kif ukoll l-itinerarji.
(3) L-istandards tekniċi dwar il-kostruzzjoni u t-tagħmir li jridu jintlaħqu fil-vetturi li jintużaw biex iwettqu ħidmiet ta’ kabotaġġ għandhom ikunu dawk stabbiliti għal vetturi li jiddaħħlu fiċ-ċirkolazzjoni fit-trasport internazzjonali.
(4) Id-dispożizzjonijiet amministrattivi, liġijiet u regolamenti nazzjonali li għalihom saret referenza fil-paragrafi 1 u 2 għandhom jiġu applikati fuq it-trasportaturi mhux residenti taħt l-istess kondizzjonijiet bħal dawk imposti fuq trasportaturi stabbiliti fl-Istat Membru ospitanti, biex jevitaw b’mod effettiv kull diskriminazzjoni miftuħa jew moħbija minħabba nazzjonalità jew post fejn ikunu stabbiliti.