+ANNESS IV

ANNESS IV

ANNESS IV

RAPPURTAR AMBJENTALI

A.    Introduzzjoni

L-informazzjoni ambjentali għandha tiġi ppreżentata b'mod ċar u koerenti u preferibbilment tkun disponibbli f'forma elettronika. L-organizzazzjoni għandha tiddetermina l-aħjar format biex din l-informazzjoni ssir disponibbli lill-partijiet interessati b'mod faċli għall-utent.

B.    Dikjarazzjoni ambjentali

Id-dikjarazzjoni ambjentali għandu jkun fiha mill-inqas l-elementi li ġejjin u għandha tissodisfa r-rekwiżiti minimi mniżżlin hawn taħt:

(a) 

sommarju tal-attivitajiet u tal-prodotti u tas-servizzi tal-organizzazzjoni, u tar-relazzjoni tagħha ma' kull organizzazzjoni prinċipali kif xieraq u deskrizzjoni ċara u mhux ambigwa tal-ambitu tar-reġistrazzjoni fl-EMAS li tinkludi lista tas-siti inklużi f'din ir-reġistrazzjoni

(b) 

il-politika ambjentali u deskrizzjoni fil-qosor tal-istruttura ta' governanza li tappoġġa s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-organizzazzjoni;

(c) 

deskrizzjoni tal-aspetti ambjentali diretti u indiretti sinifikanti kollha li jirriżultaw f'impatti ambjentali sinifikanti tal-organizzazzjoni u deskrizzjoni qasira tal-approċċ li jintuża biex jiġi determinat is-sinifikat tagħhom flimkien ma' spjega tan-natura tal-impatti kif relatati ma' dawn l-aspetti;

(d) 

deskrizzjoni tal-għanijiet u l-miri ambjentali fir-rigward tal-aspetti u l-impatti ambjentali sinifikanti;

(e) 

deskrizzjoni tal-azzjonijiet implimentati u ppjanati biex tittejjeb il-prestazzjoni ambjentali, jinkisbu l-għanijiet u jintlaħqu l-miri u tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi marbuta mal-ambjent.

Fejn tkun disponibbli, għandha ssir referenza għall-aqwa prattiki ta' ġestjoni ambjentali ppreżentati fid-dokumenti ta' referenza settorjali msemmija fl-Artikolu 46;

(f) 

sommarju tad-dejta disponibbli dwar il-prestazzjoni tal-organizzazzjoni fir-rigward tal-aspetti ambjentali sinifikanti.

Għandu jsir rapputar dwar l-indikaturi ta' prestazzjoni ambjentali ċentrali u l-indikaturi ta' prestazzjoni ambjentali speċifiċi kif jissemmew fit-Taqsima C. Fejn jeżistu għanijiet u miri ambjentali, id-dejta rispettiva għandha tiġi rrappurtata;

(g) 

referenza għad-dispożizzjonijiet legali ewlenin li għandhom jitqiesu mill-organizzazzjoni biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi marbuta mal-ambjent u stqarrija dwar il-konformità legali;

(h) 

konferma dwar ir-rekwiżiti tal-paragrafu 8 tal-Artikolu 25 u l-isem u l-akkreditazzjoni jew in-numru tal-liċenzja tal-verifikatur ambjentali u d-data tal-validazzjoni tagħhom. Minflok tista' tintuża d-dikjarazzjoni kif tissemma fl-Anness VII ffirmata mill-verifikatur ambjentali.

Id-dikjarazzjoni ambjentali aġġornata għandu jkun fiha mill-inqas l-elementi li ġejjin u għandha tissodisfa r-rekwiżiti minimi mniżżlin fil-punti (e) sa (h).

L-organizzazzjonijiet jistgħu jiddeċiedu jintegraw fid-dikjarazzjoni ambjentali tagħhom tagħrif fattwali ieħor, marbut mal-attivitajiet, il-prodotti u s-servizzi tal-organizzazzjoni jew mal-konformità tagħhoma ma' rekwiżiti speċifiċi. L-informazzjoni kollha li tinsab fid-dikjarazzjoni ambjentali għandha tiġi vvalidata mill-verifikatur ambjentali.

Id-dikjarazzjoni ambjentali tista' tiġi integrata f'dokumenti oħra ta' rappurtar tal-organizzazzjoni (eż. ir-rapporti tal-management, tas-sostenibbiltà jew dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva) Meta sseħħ din l-integrazzjoni fid-dokumenti tar-rappurtar, għandha ssir distinzjoni ċara bejn informazzjoni validata u oħra mhux validata. Id-dikjarazzjoni ambjentali għandha tiġi identifikata b'mod ċar (pereżempju billi jintuża l-logo tal-EMAS) u d-dokument għandu jinkludi spjega qasira tal-proċess ta' validazzjoni fil-kuntest tal-EMAS.

C.    Rappurtar abbażi ta' indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali u informazzjoni kwalitattiva

1.    Introduzzjoni

L-organizzazzjonijiet għandhom jirrappurtaw, kemm fid-dikjarazzjoni ambjentali, kif ukoll fid-dikjarazzjoni ambjentali aġġornata, dwar l-aspetti ambjentali diretti u indiretti sinifikanti permezz tal-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali ċentrali u l-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali speċifiċi kif imniżżel hawn taħt. Fil-każ li ma tkun disponibbli l-ebda dejta kwantitattiva, l-organizzazzjonijiet għandhom jirrappurtaw dwar informazzjoni kwalitattiva kif deskritt fil-punt 4.

Ir-rappurtar għandu jipprovdi dejta dwar l-input u l-output attwali. Jekk l-iżvelar jaffettwa b'mod negattiv il-kunfidenzjalità ta' informazzjoni kummerċjali jew industrijali tal-organizzazzjoni, meta kunfidenzjalità bħal din hija stipulata fil-liġi nazzjonali jew Komunitarja biex ikun protett interess ekonomiku leġittimu, l-organizzazzjoni jista' jkollha permess biex telenka din l-informazzjoni fir-rappurtar tagħha, pereżempju billi tiġi stabbilita sena ta' bażi (bin-numru tal-indiċi 100) li minnu jidher l-iżvilupp tal-input/l-output.

L-indikaturi għandhom:

(a) 

jagħtu stima preċiża tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni;

(b) 

ikunu faċli biex jinftiehmu u ma jkunux ambigwi;

(c) 

jippermettu li jsir paragun kull sena sabiex jiġi vvalutat jekk tkunx tjiebet il-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni. biex ikun jista' jsir dan it-tqabbil, ir-rappurtar għandu jkopri tal-anqas tliet (3) snin ta' attività, bil-kundizzjoni li d-dejta tkun disponibbli;

(d) 

jippermettu li jsir paragun mal-punti ta' riferiment settorjali, nazzjonali jew reġjonali kif xieraq;

(e) 

jippermettu li jsir paragun mar-rekwiżiti regolatorji kif xieraq.

B'appoġġ għal dan, l-organizzazzjoni għandha tiddefinixi fil-qosor il-kamp ta' applikazzjoni (inkluż il-limiti organizzattivi u materjali, l-applikabbiltà u l-metodoloġija tal-kalkolu) koperti minn kull indikatur.

2.    L-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali ċentrali

(a) 

L-indikaturi ċentrali jiffokaw fuq prestazzjoni fl-oqsma ambjentali ewlenin li ġejjin:

(i) 

L-enerġija;

(ii) 

Il-materjal

(iii) 

L-ilma;

(iv) 

L-iskart;

(v) 

L-użu tal-art f'dak li għandu x'jaqsam mal-bijodiversità; u

(vi) 

L-emissjonijiet.

Ir-rappurtar dwar l-indikaturi tal-prestazzjoni ambjentali ċentrali huwa obbligu. Madankollu, organizzazzjoni tista' tevalwa r-rilevanza ta' dawk l-indikaturi fil-kuntest tal-aspetti u l-impatti ambjentali sinifikanti tagħha. Meta organizzazzjoni tikkonkludi li indikatur ċentrali wieħed jew aktar mhumiex relevanti għall-aspetti u l-impatti ambjentali sinifikanti tagħha, dik l-organizzazzjoni tista ma tirrappurtax dwar dawk l-indikaturi ċentrali. F'dak il-każ, l-organizzazzjoni għandha tinkludi fid-dikjarazzjoni ambjentali spjega ċara u rraġunata għalfejn ma tkunx għamlet dan.

(b) 

Kull indikatur ċentrali huwa magħmul minn:

(i) 

iċ-ċifra A li tindika l-input/output annwali totali f'qasam partikolari;

(ii) 

iċ-ċifra B li tindika l-valur referenzjarju annwali li jirrappreżenta l-attività tal-organizzazzjoni; u

(iii) 

iċ-ċifra R li tindika l-proporzjon A/B;

Kull organizzazzjoni għandha tirrapporta fuq it-3 elementi kollha għal kull indikatur.

(c) 

L-indikazzjoni tal-input/output annwali totali f'qasam partikolari, iċ-ċifra A, għandha tiġi rappurtata kif ġej:

(i) 

dwar l-Enerġija

— 
il-“konsum dirett totali tal-enerġija”, li jikkorrispondi għall-ammont annwali totali ta' enerġija kkunsmat mill-organizzazzjoni,
— 
il-“konsum totali tal-enerġija rinnovabbli”, li jikkorrispondi għall-ammont annwali totali ta' enerġija kkunsmat mill-organizzazzjoni li jkun ġie ġġenerat mis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli,
— 
il-“ġenerazzjoni totali tal-enerġija rinnovabbli”, li tikkorrispondi għall-ammont annwali totali ta' enerġija ġġenerat mill-organizzazzjoni mis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli,

L-aħħar element għandu jiġi rrappurtat biss jekk l-ammont totali ta' enerġija ġġenerat mis-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jkun jeċċedi ferm l-ammont totali ta' enerġija rinnovabbli kkunsmat mill-organizzazzjoni, inkella jekk l-enerġija rinnovabbli ġġenerata mill-organizzazzjoni ma ġietx ikkunsmata minnha stess.

Jekk jiġu kkunsmati tipi differenti ta' enerġija, inkella fil-każ tal-enerġija rinnovabbli, jekk jiġu ġġenerati (bħal elettriku, sħana, fjuwils jew oħrajn), il-konsum jew il-produzzjoni annwali tagħhom għandhom jiġu rrappurtati b'mod separat kif xieraq.

L-enerġija għandha preferibbilment tiġi espressa f'kWh, Mwh, GJ jew metriċi oħra użati ta' spiss għar-rappurtar dwar it-tip ta' enerġija kkunsmata jew iġġenerata.

(ii) 

dwar il-Materjali

— 
il-“fluss tal-massa annwali tal-materjali ewlenin li jintużaw” (minbarra t-trasportaturi tal-enerġija u l-ilma), preferibbilment espress f'unitajiet ta' piż (eż. kilogrammi jew tunnellati) inkella volum (eż. m3) jew metriċi oħra li jintużaw ta' spiss fis-settur.

Meta jintużaw tipi differenti ta' materjali, il-fluss tal-massa annwali tagħhom jenħtieġ li jiġi rrappurtat separatament kif xieraq.

(iii) 

dwar l-Ilma

— 
l-“użu totali annwali tal-ilma”, espress f'unitajiet ta' volum (eż. litri jew m3),
(iv) 

dwar l-Iskart

— 
il-“ġenerazzjoni totali annwali tal-iskart” imqassma skont it-tip, preferibbilment espressa f'unitajiet ta' piż (eż. kilogrammi jew tunnellati) inkella volum (eż. m3), jew metriċi oħra li jintużaw ta' spiss fis-settur.
— 
il-“ġenerazzjoni totali annwali tal-iskart perikoluż” preferibbilment espressa f'unitajiet ta' piż (eż. kilogrammi jew tunnellati) jew m3 jew metriċi oħra li jintużaw ta' spiss fis-settur.
(v) 

dwar l-Użu tal-art f'dak li għandu x'jaqsam mal-bijodiversità

— 
it-tipi ta' użu tal-art fir-rigward tal-bijodiversità espressi f'unitajiet tal-erja (eż m2 jew ha):
— 
l-użu totali tal-art
— 
l-erja totali ssiġillata
— 
l-erja totali taż-żoni orjentati lejn in-natura fis-sit
— 
l-erja totali taż-żoni orjentati lejn in-natura barra mis-sit

“Żona orjentata lejn in-natura” hija żona ddedikata primarjament għall-preżervazzjoni jew ir-restawr tan-natura. Iż-żoni orjentati lejn in-natura jistgħu jkunu jinsabu fis-sit u jinkludu saqaf, faċċata, sistemi għall-iskular tal-ilma jew elementi oħra li jkunu ġew iddisinjati, adattati jew li huma ġestiti sabiex jippromwovu l-bijodiversità. Iż-żoni orjentati lejn in-natura jistgħu jkunu jinsabu wkoll barra mis-sit tal-organizzazzjoni bil-kundizzjoni li ż-żona tkun il-proprjetà jew titmexxa mill-organizzazzjoni u tkun iddedikata primarjament għall-promozzjoni tal-bijodiversità. Żoni ta' ġestjoni konġunta ddedikati għall-promozzjoni tal-bijodiversità jistgħu wkoll jiġu deskritti bil-kundizzjoni li l-ambitu tal-ġestjoni konġunta jkun deskritt b'mod ċar.

“Żona ssiġillata” tfisser kwalunkwe żona fejn il-ħamrija oriġinali tkun ġiet mgħottija (pereżempju bit-toroq) biex tkun saret impermeabbli. Din in-nonpermeabbiltà tista' tħalli impatti ambjentali.

(vi) 

dwar l-Emissjonijiet

— 
l-“emissjonijiet totali annwali ta' gassijiet b'effett ta' serra” inklużi għall-inqas l-emissjonijiet tas-CO2, tas-CH4, tal-N2O, tal-HFCs, tal-PFCs, tal-NF3 u tal-SF6 espressi f'tunnellati ekwivalenti ta' CO2;

L-organizzazzjoni jenħtieġ tikkonsidra tirrapporta dwar l-emissjonijiet tal-gassijiet serra skont metodoloġija stabbilita, bħalma hu l-Protokoll tal-Gassijiet Serra.

— 
“it-total annwali ta' emissjonijiet tal-arja”, inklużi għall-inqas l-emissjonijiet tal-SO2, tal-NOx u tal-PM, espress f'kilogrammi jew tunnellati;
(d) 

L-indikazzjoni tal-valur referenzjarju annwali li jirrappreżenta l-attività tal-organizzazzjoni, iċ-ċifra B, għandha tintgħażel u għandu jsir rappurtar dwarha abbażi tar-rekwiżiti li ġejjin:

Iċ-ċifra B għandha:

(i) 

tkun tinftiehem;

(ii) 

tkun ċifra li tirrappreżenta bl-aħjar mod l-attività annwali globali tal-organizzazzjoni;

(iii) 

tippermetti deskrizzjoni korretta tal-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet u l-attivitajiet tal-organizzazzjoni;

(iv) 

tkun valur referenzjarju komuni għas-settur li l-organizzazzjoni qiegħda taħdem fih, bħal pereżempju:

— 
l-output fiżiku annwali totali
— 
l-għadd totali ta' impjegati
— 
l-iljieli totali maħduma
— 
l-għadd totali ta' abitanti f'żona (fil-każ ta' amministrazzjoni pubblika)
— 
it-tunnellati ta' skart ipproċessati (għal organizzazzjonijiet attivi fis-settur tal-ġestjoni tal-iskart)
— 
l-enerġija totali prodotta (għal organizzazzjonijiet attivi fis-settur tal-produzzjoni tal-enerġija)
(v) 

l-iżgurar tal-komparabbiltà tal-indikaturi inklużi fir-rapport maż-żmien. Ladarba tiġi definita, iċ-Ċifra B għandha tintuża f'dikjarazzjonijietambjentali li jmiss.

Bidla fiċ-Ċifra B għandha tiġi spjegata fid-dikjarazzjoni ambjentali. Fil-każ ta' bidla fiċ-Ċifra B, l-organizzazzjoni għandha tiżgura li ċ-ċifra tkun tista' titqabbel fuq perjodu ta' mhux inqas minn 3 snin billi jerġgħu jiġu kkalkulati l-indikaturi għas-snin preċedenti skont iċ-Ċifra B definita mill-ġdid.

3.    L-indikaturi speċifiċi tal-prestazzjoni ambjentali

Kull organizzazzjoni għandha tirrapporta wkoll fuq bażi annwali dwar il-prestazzjoni tagħha rigward l-aspetti u l-impatti ambjentali diretti u indiretti sinifikanti li jkunu relatati mal-attivitajiet kummerċjali ewlenin tagħha, li jkunu jistgħu jitkejlu u jiġu vverifikati, u li mhumiex diġà koperti mill-indikaturi ċentrali.

Ir-rappurtar dwar dawk l-indikaturi għandu jsir skont ir-rekwiżiti stabbiliti fl-introduzzjoni għal din it-taqsima.

Fejn ikunu disponibbli, l-organizzazzjoni għandha tqis id-dokumenti ta' referenza settorjali kif jissemmew fl-Artikolu 46 sabiex tiġi ffaċilitata l-identifikazzjoni ta' indikaturi rilevanti speċifiċi għas-settur.

4.    Rappurtar dwar aspetti ambjentali sinifikanti abbażi ta' informazzjoni kwalitattiva

F'każ li ma tkun disponibbli l-ebda dejta kwantitattiva għar-rappurtar dwar l-aspetti ambjentali diretti u indiretti sinifikanti, l-organizzazzjonijiet għandhom jirrappurtaw dwar il-prestazzjoni tagħhom abbażi ta' informazzjoni kwalitattiva

D.    Kontabbiltà lokali

L-organizzazzjonijiet li jirreġistraw fl-EMAS jistgħu jkunu jixtiequ jipproduċu dikjarazzjoni ambjentali korporattiva waħda, li tkopri numru ta' lokazzjonijiet geografiċi differenti.

Billi l-intenzjoni tal-EMAS hija li tiżgura kontabbiltà lokali, l-organizzazzjonijiet għandhom jiżguraw li l-impatti ambjentali sinifikanti ta' kull sit jiġu identifikati b'mod ċar u rappurtati fid-dikjarazzjoni ambjentali korporattiva.

E.    Disponibbiltà għall-pubbliku

L-organizzazzjoni għandha tiżgura li hija kapaċi turi lill-verifikatur ambjentali li kull min hu interessat fil-prestazzjoni ambjentali tal-organizzazzjoni jista' faċilment u liberament jikseb aċċess għall-informazzjoni meħtieġa skont it-taqsima B u C. Għall-finijiet ta' din it-trasparenza, id-dikjarazzjoni ambjentali jenħtieġ preferibbilment tkun disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit elettroniku tal-organizzazzjoni.

L-organizzazzjoni għandha tiżgura li din l-informazzjoni fuq sit individwali jew organizzazzjoni tkun disponibbli f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru jew pajjiż terz li fih jinsab is-sit jew tinsab l-organizzazzjoni.

Barra minn hekk, fil-każ ta' dikjarazzjoni ambjentali korporattiva, l-organizzazzjoni għandha tiżgura li (għal skopijiet ta' reġistrazzjoni), din l-informazzjoni tkun disponibbli f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membri li fih hija rreġistrata l-organizzazzjoni inkella f'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, bi qbil mal-Korp Kompetenti responsabbli għar-reġistrazzjoni.

Id-dikjarazzjoni ambjentali tista' wkoll tkun disponibbli f'lingwi addizzjonali, bil-kundizzjoni li l-kontenut tad-dokument tradott ikun konsistenti mal-kontenut tad-dikjarazzjoni ambjentali oriġinali vvalidata mill-verifikatur ambjentali u li tgħid biċ-ċar li hija traduzzjoni tad-dokument validat.

▼B

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 12.07.2023 00:00:00 -Doknr: CELEX:32009R1221
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.