+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) (“il-Programm ta' Azzjoni”) jirrikonoxxi li l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa fl-arja tnaqqsu b'mod sinifikanti matul dawn l-aħħar għexieren ta' snin, iżda li fl-istess ħin il-livelli tat-tniġġis tal-arja għadhom problema f'bosta partijiet tal-Ewropa, u li ċ-ċittadini tal-Unjoni għadhom esposti għal sustanzi li jniġġsu l-arja, li potenzjalment jistgħu jikkompromettu s-saħħa u l-benessri tagħhom. Skont il-Programm ta' Azzjoni, l-ekosistemi għadhom ibatu minħabba eċċess ta' depożiti ta' nitroġenu u kubrit marbutin mal-emissjonijiet tat-trasport, tal-prattiki agrikoli mhux sostenibbli, u tal-ġenerazzjoni tal-enerġija. F'ħafna żoni tal-Unjoni, il-livell tat-tniġġis tal-arja għadu għola mill-limiti ffissati mill-Unjoni, u l-istandards tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-arja għadhom mhux qed jirrispettaw il-miri stabbiliti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

(2)

Biex ikun żgurat ambjent tajjeb għal kulħadd, il-Pjan ta' Azzjoni jitlob li l-miżuri lokali jkunu komplementati b'politika xierqa kemm fil-livell nazzjonali, kif ukoll f'dak tal-Unjoni. B'mod partikolari jitlob li jissaħħu l-isforzi biex ikun hemm konformità sħiħa mal-leġislazzjoni dwar il-kwalità tal-arja tal-Unjoni u biex jiġu ddefiniti l-miri u l-azzjonijiet strateġiċi lil hinn mill-2020.

(3)

Il-valutazzjonijiet xjentifiċi juru li t-telf medju mit-tul tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni minħabba t-tniġġis tal-arja huwa tmien xhur.

(4)

L-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa li joħorġu mill-kombustjoni tal-karburanti fl-impjanti tal-kombustjoni medji, b'mod ġenerali mhumiex irregolati fil-livell tal-Unjoni minkejja li dejjem qegħdin iżidu aktar mat-tniġġis tal-arja, b'mod partikolari minħabba żieda fl-użu tal-bijomassa bħala karburant, minħabba l-politika dwar il-klima u l-enerġija.

(5)

Il-kombustjoni tal-karburanti f'ċerti impjanti u apparat tal-kombustjoni żgħar hija koperta minn miżuri ta' implimentazzjoni kif imsemmi fid-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5). Hemm bżonn miżuri ulterjuri urġenti fil-qafas tad-Direttiva 2009/125/KE sabiex jiġi kopert il-kumplament tal-lakuna leġislattiva. Il-kombustjoni tal-karburant fl-impjanti tal-kombustjoni kbar hija koperta mid-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) mis-7 ta' Jannar 2013, filwaqt li d-Direttiva 2001/80KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) għadha tapplika għall-impjanti tal-kombustjoni l-kbar, koperti mill-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 2010/75/UE sal-31 ta' Diċembru 2015.

(6)

Il-Kummissjoni kkonkludiet, fir-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill tas-17 ta' Mejju 2013 dwar l-analiżi mwettqa skont l-Artikolu 30(9) u l-Artikolu 73 tad-Direttiva 2010/75/UE dwar l-emissjonijiet industrijali li jittratta l-emissjonijiet mit-trobbija intensiva tal-bhejjem u mill-impjanti ta' kombustjoni li, ġie muri potenzjal ċar ta' tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet li jirriżultaw mill-kombustjoni ta' karburanti mill-impjanti tal-kombustjoni medji.

(7)

L-obbligi internazzjonali tal-Unjoni dwar it-tniġġis tal-arja, li huma maħsuba biex jitnaqqsu l-aċidifikazzjoni, l-ewtrifikazzjoni, l-ożonu troposferiku u l-emissjonijiet ta' partikolati ġew miftehma skont il-Protokoll ta' Gothenburg tal-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja Fuq Distanza Twila, li ġie emendat fl-2012 biex jissaħħu l-impenji eżistenti ta' tnaqqis tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu, tal-ammonja u tal-komposti organiċi volatili, u biex jiddaħħlu impenji ta' tnaqqis ġodda għall-materja partikolata fina (PM 2.5), li għandhom jintlaħqu mill-2020 'il quddiem.

(8)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-18 ta' Diċembru 2013 intitolat 'Programm ta' Arja Nadifa għall-Ewropa' titlob azzjoni għall-kontroll tal-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja mill-impjanti tal-kombustjoni medji, u b'hekk tikkompleta l-qafas regolatorju għas-settur tal-kombustjoni. Il-Programm ta' Arja Nadifa tikkompleta l-aġenda għat-tnaqqis tat-tniġġis għall-2020 stabbilita fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew tal-21 ta' Settembru 2005 intitolata 'l-Istrateġija Tematika dwar it-Tniġġis tal-Arja', u tiżviluppa l-miri tat-tnaqqis tal-impatti għall-perjodu li jwassal sal-2030. Biex jinkisbu dawk il-miri strateġiċi kollha għandha tiġi stabbilita aġenda regolatorja li tinkludi miżuri għall-kontroll tal-emissjonijiet mill-impjanti tal-kombustjoni medji.

(9)

L-impjanti tal-kombustjoni medji għandhom jiġu żviluppati u mħaddma b'tali mod li jippromwovu l-effiċjenza enerġetika. Tali kunsiderazzjonijiet bħal u kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, il-possibbiltajiet tekniċi u ċ-ċiklu tal-ħajja tal-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti għandhom jitqiesu b'mod partikolari f'każ ta' interventi għall-modernizzazzjonji tal-impjanti tal-kombustjoni medji jew meta jittieħdu deċiżjonijiet dwar investimenti kbar.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li t-tħaddim ta' impjant tal-kombustjoni medju ma jwassalx għad-deterjorament tal-kwalità tal-arja, il-miżuri meħuda sabiex jiġu limitati l-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, l-ossidi tan-nitroġenu u t-trab fl-arja ma għandhomx jirriżultaw f'żieda fl-emissjonijiet ta' tipi oħra ta' sustanzi niġġiesa, bħall-monossidu tal-karbonju.

(11)

L-impjanti tal-kombustjoni medji li huma diġà soġġetti għar-rekwiżiti minimi applikabbli fl-Unjoni kollha, bħalma huma l-impjanti li għalihom tapplika regola ta' aggregazzjoni skont il-Kapitolu III tad-Direttiva 2010/75/UE, jew l-impjanti li jinċineraw jew jikkoinċineraw skart solidu jew likwidu u li għalhekk huma koperti mill-Kapitolu IV ta' dik id-Direttiva, għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(12)

Ċerti impjanti tal-kombustjoni medji oħrajn ukoll għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, abbażi tal-karatteristiċi tekniċi tagħhom jew tal-użu tagħhom f'attivitajiet partikolari.

(13)

Peress li l-impjanti tal-kombustjoni medji li jaħarqu karburanti tar-raffineriji fir-raffineriji waħidhom jew ma' karburanti oħrajn għall-produzzjoni ta' enerġija fir-raffineriji taż-żejt minerali u tal-gass, u l-bojlers ta' rkupru fl-installazzjonijiet għall-produzzjoni tal-polpa, huma soġġetti għal livelli ta' emissjonijiet assoċjati mal-aqwa mezzi tekniċi disponibbli (BAT) stabbiliti fil-konklużjonijiet tal-BATdiġà stabbiliti fid-Direttiva 2010/75/UE, din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal impjanti bħal dawn.

(14)

Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impjanti tal-kombustjoni, inkluża taħlita ta' żewġ impjanti tal-kombustjoni medji jew aktar, b'qawwa termika nominali totali ta' 1 MW jew aktar, iżda inqas minn 50 MW. Impjanti tal-kombustjoni individwali b'qawwa termika nominali ta' inqas minn 1 MW ma għandhomx jitqiesu għall-fini tal-kalkolu tal-qawwa termika nominali ta' taħlita ta' impjanti tal-kombustjoni. Sabiex tiġi evitata lakuna regolatorji, din id-Direttiva għandha tapplika ukoll għal taħlita ta' impjanti tal-kombustjoni medji ġodda fejn it-total ta' qawwa termika nominali jkun ugwali għal jew aktar minn 50 MW, mingħajr preġudizzju għall-Kapitolu III tad-Direttiva 2010/75/UE.

(15)

Biex ikun żgurat il-kontroll tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-kubrit, tal-ossidi tan-nitroġenu u tat-trab fl-arja, kull impjant tal-kombustjoni medju għandu jaħdem biss jekk ikun inħariġlu permess jew jekk ikun ġie rreġistrat mill-awtorità kompetenti abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-operatur.

(16)

Biex jiġu kkontrollati l-emissjonijiet fl-arja mill-impjanti tal-kombustjoni medji, għandhom jiġu stabbiliti f'din id-Direttiva l-valuri limitu tal-emissjonijiet u r-rekwiżiti tal-monitoraġġ.

(17)

Il-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness II ma għandhomx japplikaw għall-impjanti tal-kombustjoni medji li jinsabu fil-Gżejjer Kanarji, fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej, l-Azores u Madeira, minħabba l-kwistjonijiet tekniċi u loġistiċi assoċjati mal-pożizzjoni ġeografika iżolata ta' tali impjanti. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu valuri limitu tal-emissjonijiet għal tali impjanti sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom fl-arja u r-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent.

(18)

Biex l-impjanti tal-kombustjoni eżistenti jingħataw biżżejjed żmien biex jadattaw teknikament għar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva, il-valuri limitu tal-emissjonijiet għandhom japplikaw għal dawk l-impjanti wara perjodu fiss mid-data tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

(19)

Fil-kuntest ta' ċerti ċirkustanzi speċifiċi fejn l-applikazzjoni ta' valuri limitu tal-emissjonijiet twassal għal spejjeż għolja b'mod sproporzjonat meta mqabbel mal-benefiċċji ambjentali, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jeżentaw lill-impjanti tal-kombustjoni medji li jintużaw f'każijiet ta' emerġenza u mħaddma matul perjodi limitati ta' żmien mill-konformità mal-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati f'din id-Direttiva.

(20)

Minħabba n-nuqqasijiet infrastrutturali li jħabbtu wiċċhom magħhom l-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti li huma parti minn sistemi iżolati żgħar (SIS) jew sistemi iżolati mikro (MIS) u l-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-interkonnessjoni tagħhom, tali impjanti għandhom jingħataw aktar żmien biex jadattaw għall-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

(21)

Fid-dawl tal-benefiċċji kumplessivi tat-tisħin distrettwali f'termini ta' kontribut għat- tnaqqis fl-użu domestiku ta' karburanti li jikkawżaw livelli għolja ta' tniġġis fl-arja, u f'termini ta' titjib fl-effiċjenza enerġetika u tnaqqis fl-emissjonijiet ta' CO2, għandu jkun possibli għall-Istati Membri li jagħtu aktar żmien lill-impjanti tal-kombustjoni medji eżistenti li jipprovdu ammont sostanzjali mill-produzzjoni termika utli tagħhom lil netwerk pubbliku għat-tisħin distrettwali, biex jadattaw għall-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati f'din id-Direttiva.

(22)

Fid-dawl tal-investimenti reċenti f'impjanti tal-bijomassa bil-għan li jiżdied l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u li diġà wasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa, u sabiex jittieħed kont taċ-ċikli ta' investiment relatati, għandu jkun possibli għall-Istati Membri li jagħtu lil tali impjanti aktar żmien biex jadattaw għall-valuri limitu tal-emissjonijiet stipulati f'din id-Direttiva.

(23)

Fid-dawl tar-rwol essenzjali tal-istazzjonijiet tal-kompressuri tal-gass għall-affidabbiltà u s-sikurezza tal-operat tan-networks nazzjonali tat-trażmissjoni tal-gass u r-restrizzjonijiet speċifiċi li jirrigwardaw l-aġġornament tagħhom, għandu jkun possibli għall-Istati Membri li jagħtu aktar żmien l-impjanti tal-kombustjoni medji li jħaddmu dawn l-istazzjonijiet biex jadattaw għall-valuri limitu tal-emissjonijiet għall-ossidi tan-nitroġenu stipulati f'din id-Direttiva.

(24)

Skont l-Artikolu 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), din id-Direttiva ma twaqqafx lill-Istati Membri milli jżommu jew jintroduċu miżuri protettivi aktar stretti. Tali miżuri jistgħu jkunu meħtieġa, pereżempju, f'żoni li ma jikkonformawx mal-valuri limitu tal-kwalità tal-arja. F'dawk il- każijiet, l-Istati Membri għandhom jivvalutaw il-ħtieġa li japplikaw valuri limitu tal-emissjonijiet aktar stretti mir-rekwiżiti stipulati f'din id-Direttiva bħala parti mill-iżvilupp tal-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja skont id-Direttiva 2008/50/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Tali valutazzjonijiet għandhom iqisu l-eżitu ta' skambju ta' informazzjoni dwar l-aħjar prestazzjoni ta' tnaqqis tal-emissjonijiet li tista' tinkiseb bl-aqwa teknoloġiji disponibbli u emerġenti. Il-Kummissjoni għandha torganizza dan l-iskambju ta' informazzjoni mal-Istati Membri, l-industriji kkonċernati, inklużi l-operaturi u l-fornituri tat-teknoloġija, u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, inklużi dawk li jippromwovu l-ħarsien tal-ambjent.

(25)

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operatur ta' impjant tal-kombustjoni medju jieħu l-miżuri meħtieġa fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistema biex jivverifikaw il-konformità tal-impjanti tal-kombustjoni medji mar-rekwiżiti ta' din id-Direttiva.

(26)

Sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi ta' din id-Direttiva, l-ispezzjonijiet għandhom, kemm jista' jkun, ikunu kkoordinati ma' dawk meħtieġa fil-qafas ta' leġislazzjoni oħra tal-Unjoni, kif ikun xieraq.

(27)

Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva li jikkonċernaw aċċess għall-informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tagħha għandhom jiġu applikati b'tali mod li jiżguraw l-effett sħiħ tad-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9).

(28)

Biex ikun limitat il-piż għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju li jħaddmu impjanti tal-kombustjoni medji, l-obbligi amministrattivi fuq l-operaturi dwar l-għoti ta' informazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar għandhom ikunu proporzjonati u għandhom jevitaw duplikazzjoni filwaqt li jibqgħu jippermettu l-verifika effettiva tal-konformità mill-awtorità kompetenti.

(29)

Biex tkun żgurata l-konsistenza u l-koerenza tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u biex jiġi nkoraġġut l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, il-Kummissjoni, bl-għajnuna tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, għandha tiżviluppa għodda elettronika għar-rappurtar li tkun disponibbli wkoll għall-użu intern mill-Istati Membri biex jagħmlu r-rapporti nazzjonali u biex jorganizzaw id-data tagħhom.

(30)

Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-ħtieġa li temenda l-valuri limitu tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness II għal impjanti tal-kombustjoni medji ġodda, abbażi ta' teknoloġiji l-iżjed reċenti. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll il-ħtieġa li tistabbilixxi valuri limitu tal-emissjonijiet speċifiċi għal sustanzi oħra li jniġġsu, bħalma hu l-monossidu tal-karbonju, u possibbilment, standards ta' effiċjenza enerġetika minimi oħrajn.

(31)

Biex ikun possibbli l-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-TFUE biex taġġusta d-dispożizzjonijiet dwar il-valutazzjoni tal-konformità stipulati fil-punt 2 tal-Parti 2 tal-Anness III. Huwa ta' importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti, matul il-ħidma preparatorja tagħha, inkluż fil-livell ta' esperti. Meta tkun qiegħda tħejji u tfassal atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(32)

Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva u jiġu ssimplifikati u razzjonalizzati l-obbligi ta' rappurtar tal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-ispeċifikazzjoni ta' formati tekniċi għar-rappurtar. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(33)

Minħabba li l-għanijiet ta' dan ir-Regolament, jiġifieri t-titjib tal-kwalità ambjentali u tas-saħħa tal-bniedem, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(34)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali, u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”). B'mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tal-Karta dwar il-protezzjoni ambjentali.

(35)

B'konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni (11), l-Istati Membri refgħu r-responsabbiltà li jakkumpanjaw, f'każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew iktar li jispjega(w) ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġislatur iqis li t-trażmissjoni ta' dawn id-dokumenti hija ġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Magħmul fi Strasburgu, il-25 ta' Novembru 2015.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

M. SCHULZ

Għall-Kunsill

Il-President

N. SCHMIT

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 28.11.2015 00:00:00 -Doknr: CELEX:32015L2193
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.