2. Fejn ma jkunu ġew ippubblikati ebda referenzi għall-istandards armonizzati msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, il-kontenut tal-applikazzjonijiet mobbli li jissodisfa l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew partijiet minnhom għandu jkun preżunt li huwa konformi mar-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4, li huma koperti minn dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew minn partijiet minnhom.
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu. Dawk l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' aċċessibbiltà stipulati fl-Artikolu 4 u għandhom jiżguraw tal-anqas livell ta' aċċessibbiltà ekwivalenti għal dak żgurat mill-Istandard Ewropew EN 301 549 V1.1.2 (2015–04).
L-atti ta' implimentazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 11(3). L-ewwel att ta' implimentazzjoni ta' dan it-tip għandu jiġi adottat, fejn l-ebda referenzi għall-istandards armonizzati msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma jkunu ġew ippubblikati, sat-23 ta' Diċembru 2018.