+Artikolu 7 Il-valutazzjoni tar-riskju
---+Artikolu 7 1.
---+Artikolu 7 2.
---+Artikolu 7 3.
---+Artikolu 7 4.
---+Artikolu 7 5.
---+Artikolu 7 6.
---+Artikolu 7 7.

Artikolu 7 Il-valutazzjoni tar-riskju

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 7 1.
Sal-1 ta’ Novembru 2026, l-ENTSOG għandu jwettaq simulazzjoni mal-Unjoni kollha ta’ xenarji ta’ interruzzjoni tal-provvista tal-gass u tal-infrastruttura, inkluż xenarji ta’ interruzzjoni fit-tul ta’ sors uniku ta’ provvista. Is-simulazzjoni għandha tinkludi l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-kurituri tal-provvista tal-gass ta’ emerġenza u għandha tidentifika wkoll liema Stati Membri jistgħu jindirizzaw ir-riskji identifikati, inkluż fir-rigward tal-ħażna tal-gass u tal-LNG kif ukoll xenarji li jeżaminaw l-impatt ta’ tnaqqis fid-domanda għall-gass permezz ta’ ffrankar tal-enerġija jew miżuri ta’ effiċjenza enerġetika. Ix-xenarji ta’ interruzzjoni tal-provvista tal-gass u tal-infrastruttura u l-metodoloġija tas-simulazzjoni għandhom jiġu definiti mill-ENTSOG f’kooperazzjoni mal-GCG. L-ENTSOG għandu jiżgura livell xieraq ta’ trasparenza u aċċess għall-preżunzjonijiet tal-mudell tiegħu li jintużaw fix-xenarji tiegħu. Is-simulazzjoni mal-Unjoni kollha tax-xenarji ta’ interruzzjoni tal-provvista tal-gass u fl-infrastruttura għandha tiġi ripetuta kull erba’ snin sakemm iċ-ċirkostanzi ma jkunux jeħtieġu aġġornamenti aktar frekwenti.
Artikolu 7 2.
L-awtoritajiet kompetenti f'kull grupp ta' riskju elenkat fl-Anness I għandhom jagħmlu valutazzjoni komuni fil-livell ta' grupp ta' riskju (“valutazzjoni tar-riskju komuni”) tal-fatturi ta' riskju rilevanti kollha bħal diżastri naturali, riskji teknoloġiċi, kummerċjali, soċjali, politiċi u riskji oħra, li jistgħu jwasslu biex jimmaterjalizza r-riskju transnazzjonali kbir għas-sigurtà tal-provvista tal-gass li għalih inħoloq il-grupp ta' riskju. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu r-riżultati tas-simulazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għat-tħejjija tal-valutazzjonijiet tar-riskju, il-pjanijiet ta' azzjoni preventiva u l-pjanijiet ta' emerġenza.

L-awtoritajiet kompetenti f'kull grupp ta' riskju għandhom jaqblu dwar mekkaniżmu ta' kooperazzjoni biex jagħmlu l-valutazzjoni tar-riskju komuni u jirrappurtawha lill-GCG ħdax-il xahar qabel id-data ta' skadenza għan-notifika tal-valutazzjoni tar-riskju komuni u l-aġġornamenti tagħha. Fuq it-talba ta' awtorità kompetenti, il-Kummissjoni jista' jkollha rwol ta' faċilitazzjoni fit-tħejjija tal-valutazzjoni tar-riskju komuni, b'mod partikolari għall-istabbiliment tal-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni. Jekk l-awtoritajiet kompetenti fi grupp ta' riskju ma jaqblux dwar mekkaniżmu ta' kooperazzjoni, il-Kummissjoni għandha tipproponi mekkaniżmu ta' kooperazzjoni għal dak il-grupp ta' riskju, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jaqblu dwar mekkaniżmu ta' kooperazzjoni għal dak il-grupp ta' riskju b'konsiderazzjoni massima tal-proposta tal-Kummissjoni.

Għaxar xhur qabel id-data ta' skadenza għan-notifika tal-valutazzjoni tar-riskju komuni jew l-aġġornamenti tagħha, kull awtorità kompetenti għandha tikkondividi u taġġorna fil-mekkaniżmu ta' kooperazzjoni miftiehem, id-data nazzjonali kollha neċessarja għat-tħejjija tal-valutazzjoni tar-riskju komuni, b'mod partikolari biex jitwettqu d-diversi xenarji msemmija fil-punt (c) tal-paragrafu 4.

Artikolu 7 3.
L-awtorita' kompetenti ta' kull Stat Membru għandha tagħmel valutazzjoni nazzjonali tar-riskju (“valutazzjoni nazzjonali tar-riskju”) fir-rigward tar-riskji rilevanti kollha li jaffettwaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass. Tali valutazzjoni għandha tkun konsistenti b'mod sħiħ mal-preżunzjonijiet u r-riżultati tal-valutazzjoni jew valutazzjonijiet ta' riskju komuni.
Artikolu 7 4.

Il-valutazzjonijiet tar-riskju msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu għandhom, kif rilevanti, jitwettqu:

(a) 

bl-użu tal-istandards speċifikati fl-Artikoli 5 u 6. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tiddeskrivi l-kalkolu tal-formula N – 1 fil-livell nazzjonali u fejn adatt tinkludi kalkolu tal-formula N – 1 fil-livell reġjonali. Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tinkludi wkoll il-preżunzjonijiet użati, inkluż fejn applikabbli dawk għall-kalkolu tal-formula N – 1 fil-livell reġjonali, u d-data meħtieġa għal tali kalkolu. Il-kalkolu tal-formula N – 1 fil-livell nazzjonali għandu jkun akkumpanjat minn simulazzjoni ta' interruzzjoni tal-akbar infrastruttura unika tal-gass bl-użu ta' mudell idrawliku għat-territorju nazzjonali kif ukoll minn kalkolu tal-formula N – 1 b'kont meħud tal-livell ta' gass f'ħażniet ta' 30 % u 100 % tal-volum ta' ħidma massimu;

(b) 

b'kont meħud taċ-ċirkostanzi nazzjonali u transnazzjonali rilevanti kollha, b'mod partikolari d-daqs tas-suq, il-konfigurazzjoni tan-netwerk, il-flussi attwali, inkluż il-flussi ta' ħruġ mill-Istat Membru kkonċernat, il-possibbiltà ta' flussi fiżiċi ta' gass fiż-żewġ direzzjonijiet inkluż il-ħtieġa potenzjali għal rinfurzar konsegwenti tas-sistema ta' trasmissjoni, il-preżenza ta' produzzjoni u ħażna u r-rwol tal-gass fit-taħlitiet tal-enerġija, b'mod partikolari rigward it-tisħin distrettwali u l-ġenerazzjoni tal-elettriku u għall-operazzjoni tal-industriji, u konsiderazzjonijiet tal-kwalità tas-sigurtà u tal-gass;

(c) 

b'simulazzjoni tax-xenarji varji ta' domanda eċċezzjonalment għolja ta' gass u interruzzjoni tal-provvista tal-gass, filwaqt li jitqiesu l-istorja, il-probabbiltà, l-istaġun, il-frekwenza u t-tul tal-okkorrenza tagħhom u l-valutazzjoni tal-konsegwenzi probabbli tagħhom, bħal:

(i) 

interruzzjoni tal-infrastruttura rilevanti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass, b'mod partikolari infrastruttura ta' trasmissjoni, ħażniet jew terminali tal-LNG, inkluż l-akbar infrastruttura tal-gass identifikata għall-kalkolu tal-formula N – 1; u

(ii) 

interruzzjoni tal-provvisti minn fornituri ta' pajjiż terz, kif ukoll, fejn meħtieġ, riskji ġeopolitiċi;

(d) 

bl-identifikazzjoni tal-interazzjoni u l-korrelazzjoni ta' riskji fost l-Istati Membri fil-grupp ta' riskju u ma' Stati Membri oħrajn jew gruppi ta' riskju oħrajn, kif adatt, inkluż fir-rigward ta' interkonnessjonijiet, provvisti transkonfinali, aċċess transkonfinali għal faċilitajiet ta' ħżin u kapaċità bidirezzjonali;

▼M3

(e) 

billi jitqiesu r-riskji marbuta mal-kontroll tal-infrastruttura rilevanti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass sa fejn dawn jistgħu jinvolvu, fost l-oħrajn, riskji ta’ sottoinvestiment, theddid għad-diversifikazzjoni, użu ħażin ta’ infrastruttura eżistenti, inkluż l-ikkapparrar tal-kapaċitajiet tal-ħażna, jew ksur tad-dritt tal-Unjoni;

▼B

(f) 

b'kont meħud tal-kapaċità massima tal-interkonnessjoni ta' kull punt ta' dħul u ħruġ fil-fruntiera u d-diversi livelli ta' mili għall-ħżin;

▼M2

(g) 

b'kont meħud tax-xenarji ta' interruzzjoni fit-tul ta' sors uniku ta' provvista.

▼B

Artikolu 7 5.
Il-valutazzjonijiet tar-riskju komuni u nazzjonali għandhom jitħejjew f'konformità mal-mudell rilevanti deskritt fl-Anness IV jew V. Jekk ikun neċessarju, l-Istati Membri jistgħu jinkludu xi informazzjoni addizzjonali. Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 19 biex temenda l-mudelli deskritti fl-Annessi IV u V, wara konsultazzjoni mal-GCG, sabiex tiġi riflessa l-esperjenza li tittieħed mill-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament, u biex tnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-Istati Membri.
Artikolu 7 6.
L-impriżi tal-gass naturali, il-klijenti tal-gass industrijali, l-organizzazzjonijiet rilevanti li jirrappreżentaw l-interessi tal-klijenti ta' unitajiet domestiċi u l-klijenti tal-gass industrijali kif ukoll l-Istati Membri u, fejn dawn ma jkunux l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali, għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti u jipprovdulhom fuq talba tagħhom l-informazzjoni neċessarja kollha għall-valutazzjonijiet tar-riskju komuni u nazzjonali.
Artikolu 7 7.
Sal-1 ta' Ottubru 2018 l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-ewwel valutazzjoni tar-riskju komuni ladarba jintlaħaq qbil dwarha mill-Istati Membri kollha fil-grupp ta' riskju u l-valutazzjonijiet tar-riskju nazzjonali. Il-valutazzjonijiet tar-riskju għandhom jiġu aġġornati kull erba' snin wara dan sakemm iċ-ċirkostanzi ma jeħtiġux aġġornamenti aktar frekwenti. Il-valutazzjonijiet tar-riskju għandhom iqisu l-progress li jkun sar fl-investimenti meħtieġa sabiex jagħmlu tajjeb għall-istandard tal-infrastruttura definit fl-Artikolu 5 u ta' diffikultajiet speċifiċi għal pajjiż li wieħed jiltaqa' magħhom fl-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet ġodda alternattivi. Huma għandhom jibbażaw ukoll fuq l-esperjenza miksuba permezz tas-simulazzjoni tal-pjanijiet ta' emerġenza li jinsabu fl-Artikolu 10(3).

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 22.06.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32017R1938
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.