L-awtoritajiet kompetenti għandhom jorbtu kondizzjonijiet mad-drittijiet individwali tal-użu tal-ispektrum tar-radju skont l-Artikolu 13(1) b’tali mod li jiżguraw l-użu ottimali u l-aktar effettiv u effiċjenti tal-ispektrum tar-radju. Dawn għandhom, qabel l-assenjazzjoni jew it-tiġdid ta’ tali drittijiet, jistabbilixxu b’mod ċar kwalunkwe tali kondizzjoni, inkluż il-livell ta’ użu meħtieġ u l-possibbiltà ta’ kummerċ jew ta’ leasing sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni ta’ dawk il-kondizzjonijiet skont l-Artikolu 30. Il-kondizzjonijiet marbuta mat-tiġdid tad-drittijiet ta’ użu għall-ispektrum tar-radju ma għandhomx jipprovdu vantaġġi indebiti lid-detenturi eżistenti ta’ dawk id-drittijiet.
Tali kondizzjonijiet għandhom jispeċifikaw il-parametri applikabbli, inkluża kwalunkwe skadenza għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ użu, li f’każ li ma jiġux sodisfatti jagħtu d-dritt lill-awtorità kompetenti biex tirtira d-dritt ta’ użu jew timponi miżuri oħra.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fil-ħin u b’mod trasparenti, jikkonsultaw u jinfurmaw lill-partijiet interessati dwar il-kondizzjonijiet marbuta mad-drittijiet individwali tal-użu qabel ma dawn jiġu imposti. Għandhom jiddeterminaw bil-quddiem il-kriterji għall-valutazzjoni tal-adempiment ta’ dawk il-kondizzjonijiet u għandhom jinfurmaw lill-partijiet interessati b’mod trasparenti.