Fejn id-drittijiet tal-użu għar-riżorsi tan-numerazzjoni jkunu jinkludi l-użu extraterritorjali tagħhom fi ħdan l-Unjoni skont l-Artikolu 93(4), l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew awtoritajiet kompetenti oħrajn għandhom jehmżu ma’ dawk id-drittijiet ta’ użu kondizzjonijiet speċifiċi biex jiżguraw konformità mar-regoli nazzjonali rilevanti għall-protezzjoni tal-konsumaturi u mal-liġijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mal-użu tar-riżorsi tan-numerazzjoni applikabbli fl-Istati Membri fejn jintużaw ir-riżorsi tan-numerazzjoni.
Fuq talba minn awtorità regolatorja nazzjonali jew awtorità kompetenti oħra ta’ Stat Membru fejn jintużaw ir-riżorsi tan-numerazzjoni, li turi li nkisru regoli rilevanti tal-protezzjoni tal-konsumatur jew liġijiet nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru relatati mal-użu tar-riżorsi tan-numerazzjoni, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jew awtoritajiet kompetenti oħrajn tal-Istat Membru fejn ikunu ngħataw id-drittijiet ta’ użu għar-riżorsi tan-numerazzjoni għandhom jinfurzaw il-kondizzjonijiet mehmuża taħt l-ewwel subparagrafu skont l-Artikolu 30, inkluż f’każijiet serji billi jirtiraw id-dritt tal-użu extraterritorjali għar-riżorsi tan-numerazzjoni mogħtija lill-impriża kkonċernata.
Il-BEREC għandu jiffaċilita u jikkoordina l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti involuti, u għandu jiżgura l-koordinazzjoni xierqa tal-ħidma bejniethom.