Sabiex ikun żgurat aċċess effettiv għas-servizzi ta’ emerġenza permezz tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza lin-numru uniku ta’ emerġenza Ewropew “112” fl-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tadotta, wara konsultazzjoni mal-BEREC, atti delegati f’konformità mal-Artikolu 117 li jissupplimentaw il-paragrafi 2, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu dwar il-miżuri neċessarji biex tiżgura l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà, il-kwalità, l-affidabbiltà u l-kontinwità tal-komunikazzjonijiet ta’ emerġenza fl-Unjoni fir-rigward ta’ soluzzjonijiet ta’ informazzjoni dwar il-post mnejn qed issir is-sejħa, aċċess għall-utenti finali b’diżabbiltajiet u tidwir lejn l-aktar PSAP adatt. L-ewwel tali att delegat għandu jiġi adottat sal-21 ta’ Diċembru 2022.
Dawk l-atti delegati għandhom jiġu adottati bla ħsara għall-organizzazzjoni tas-servizzi ta’ emerġenza, li għandhom jibqgħu fil-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri, u ma għandu jkollhom ebda impatt fuqhom.
Il-BEREC għandu jżomm bażi ta’ data tan-numri E.164 tas-servizzi ta’ emerġenza tal-Istati Membri sabiex tiżgura li dawn ikunu kapaċi jikkuntattjaw lil xulxin minn Stat Membru għal ieħor, jekk ma tkunx miżmuma bażi ta’ data bħal dik minn organizzazzjoni oħra.