|
+ANNESS VI |
ANNESS VI
ANNESS VI Rekwiżiti Essenzjali għall-entitajiet kwalifikati 1. L-entità kwalifikata, id-Direttur tagħha u l-persunal responsabbli għat-twettiq taċ-ċertifikazzjoni u tal-kompiti ta' sorveljanza, ma jistgħux jinvolvu ruħhom, la direttament u lanqas bħala rappreżentanti awtorizzati, fid-disinn, fil-produzzjoni, fil-kummerċjalizzazzjoni jew fil-manutenzjoni tal-prodotti, tal-parts, tat-tagħmir mhux installat, tal-kostitwenti jew tas-sistemi jew fl-operazzjonijiet tagħhom, il-provvediment ta' servizz jew l-użu. Dan ma jeskludix il-possibbiltà ta' skambju ta' informazzjoni teknika bejn l-organizzazzjonijiet involuti u l-entità kwalifikata. L-ewwel subparagrafu ma għandux iċaħħad organizzazzjoni maħluqa bil-għan li tippromwovi sport tal-ajru jew avjazzjoni ta' divertiment milli tkun eliġibbli għall-akkreditazzjoni bħala entità kwalifikata, bil-kondizzjoni li hija turi, għas-sodisfazzjon tal-awtorità responsabbli mill-akkreditazzjoni, li daħħlet fis-seħħ arranġamenti adegwati għall-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess. 2. L-entità kwalifikata u l-persunal responsabbli għall-kompiti ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza jridu jesegwixxu dmirijiethom bl-akbar integrità professjonali possibbli u bl-akbar kompetenza teknika possibbli u jridu jkunu ħielsa minn kull pressjoni u inċentiv ta' kull tip, b'mod partikolari ta' natura finanzjarja, li jistgħu jaffettwaw il-ġudizzju u d-deċiżjonijiet tagħhom jew ir-riżultati taċ-ċertifikazzjoni u tas-sorveljanza tagħhom, b'mod partikolari minn persuni jew minn gruppi ta' persuni affettwati minn dawk ir-riżultati. 3. L-entità kwalifikata trid timpjega persunal u jkollha l-mezzi meħtieġa biex twettaq b'mod adegwat il-kompiti tekniċi u amministrattivi marbuta mal-proċess ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza; għandu jkollha wkoll aċċess għat-tagħmir meħtieġ għal kontrolli eċċezzjonali. 4. L-entità kwalifikata u l-persunal tagħha li huwa responsabbli għall-investigazzjoni jrid ikollhom:
(a)
taħriġ tekniku u vokazzjonali sod, jew għarfien espert suffiċjenti miksub permezz tal-esperjenza ta' attivitajiet rilevanti;
(b)
għarfien sodisfaċenti tar-rekwiżiti tal-kompiti ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza li jwettqu u esperjenza adegwata ta' dawn it-tipi ta' proċessi;
(c)
l-abbiltà meħtieġa biex jippreparaw dikjarazzjonijiet, rekords u rapporti li juru li l-kompiti ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza jkunu twettqu. 5. Trid tkun garantita l-imparzjalità tal-persunal responsabbli għal kompiti ta' ċertifikazzjoni u ta' sorveljanza. Ir-remunerazzjoni tagħhom ma tridx tkun tiddependi fuq in-numru ta' investigazzjonijiet magħmula jew fuq ir-riżultati ta' tali investigazzjonijiet. 6. L-entità kwalifikata jrid ikollha polza ta' assigurazzjoni ta' terzi ħlief meta r-responsabbiltà tagħha tkun meħuda minn Stat Membru wieħed skont il-liġi nazzjonali tiegħu. 7. Il-persunal tal-entità kwalifikata jrid josserva s-segretezza professjonali fir-rigward tal-informazzjoni kollha li jkun kiseb waqt l-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu skont dan ir-Regolament. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|