4. L-Istati Membri jistgħu jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal nuqqas ta' konformità mal-obbligu li tiġi pprovduta data, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali.
F'każ ta' abbuż ta' drittijiet minn utent speċifiku, Stat Membru jista', fejn dan ikun ġustifikat mill-urġenza li tiġi aċċessata d-data u filwaqt li jitqiesu l-interessi tal-partijiet ikkonċernati, jimponi miżuri interim strettament proporzjonali fuq dak l-utent. F'każ li miżura interim timponi rilokalizzazzjoni ta' data għal perjodu li huwa itwal minn 180 jum wara r-rilokalizzazzjoni, din għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni matul dak il-perjodu ta' 180 jum. Il-Kummissjoni għandha, fl-iqsar żmien possibbli, teżamina l-miżura u l-kompatibbiltà tagħha mal-liġi tal-Unjoni, u fejn xieraq, tieħu l-miżuri meħtieġa. Il-Kummissjoni għandha tiskambja informazzjoni mal-punti uniċi ta' kuntatt tal-Istati Membri msemmija fl-Artikolu 7 dwar l-esperjenza miksuba f'dan ir-rigward.