1. Determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 13(2) għandha ssir mill-Kummissjoni abbażi ta' evalwazzjoni tal-interessi diversi kollha li huma rilevanti fis-sitwazzjoni partikolari, meqjusa flimkien. Meta jkun qed jiġi ddeterminat l-interess tal-Unjoni, għandha tingħata prijorità lill-ħtieġa li jiġu protetti l-interessi tal-konsumatur u li jinżamm livell għoli ta' konnettività għall-passiġġieri u għall-Unjoni. Fil-kuntest tal-katina sħiħa tal-avjazzjoni, il-Kummissjoni tista' tqis ukoll fatturi soċjali rilevanti. Il-Kummissjoni għandha tqis ukoll il-ħtieġa li tiġi eliminata l-prattika li tfixkel il-kompetizzjoni, sabiex terġa' tiġi stabbilita kompetizzjoni effettiva u ġusta, u sabiex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni għas-suq intern.