+Artikolu 16 Prinċipji ġenerali tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni
---+Artikolu 16 1.
---+Artikolu 16 2.
---+Artikolu 16 3.
---+Artikolu 16 4.
---+Artikolu 16 5.
---+Artikolu 16 6.
---+Artikolu 16 7.
---+Artikolu 16 8.
---+Artikolu 16 9.
---+Artikolu 16 10.
---+Artikolu 16 11.
---+Artikolu 16 12.
---+Artikolu 16 13.

Artikolu 16 Prinċipji ġenerali tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni
Artikolu 16 1.
Il-problemi dwar il-konġestjoni tan-netwerks għandhom jiġu indirizzati b'soluzzjonijiet mhux diskriminatorji bbażati fuq is-suq li jagħtu sinjali ekonomiċi effiċjenti lill-parteċipanti fis-suq u lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni. Il-problemi dwar il-konġestjoni tan-netwerks għandhom jiġu riżolti permezz ta' metodi mhux ibbażati fuq tranżazzjonijiet, jiġifieri metodi li ma jinvolvux għażla minn fost il-kuntratti tal-parteċipanti individwali fis-suq. Meta jieħu miżuri operazzjonali biex jiżgura li s-sistemi ta' trażmissjoni tiegħu jibqgħu fi stat normali, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni għandu jqis l-effett ta' dawk il-miżuri fuq iż-żoni ġirien ta' kontroll u jikkoordina dawk il-miżuri ma' operaturi oħra affettwati tas-sistema ta' trażmissjoni kif previst fir-Regolament (UE) 2015/1222.
Artikolu 16 2.
Il-proċeduri li jillimitaw t-tranżazzjonijiet għandhom jintużaw biss f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza fejn l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni huwa obbligat li jaġixxi malajr kemm jista' jkun u la d-dispaċċ mill-ġdid u lanqas l-iskambju kompensatorju ma jkunu possibbli. Kull proċedura bħal din għandha tkun applikata b'mod mhux diskriminatorju. Ħlief f'każijiet ta' forza maġġuri, il-parteċipanti fis-suq li jkunu allokati kapaċità għandhom ikunu kkumpensati għal kwalunkwe tnaqqis.
Artikolu 16 3.
Iċ-Ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jagħmlu kalkolu koordinat tal-kapaċità skont il-paragrafi 4 u 8 ta' dan l-Artikolu, kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 37(1)u fl-Artikolu 42(1).

Ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jikkalkolaw il-kapaċitajiet transżonali li jirrispettaw il-limiti tas-sigurtà operazzjonali bl-użu ta' data li ġejja mill-operaturi tas-sistema ta' tranżizzjoni inkluża d-data dwar d-disponibbiltà teknika ta' azzjonijiet ta' rimedju, għajr għal ċaħda tat-tagħbija. Fil-każijiet li ċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali jikkonkludu li dawk l-azzjonijiet ta' rimedju kollha disponibbli fir-reġjun bil-kapaċità kalkolata jew bejn ir-reġjuni bil-kapaċità kalkolata mhumiex biżżejjed biex jintlaħaq it-trajettorja lineari skont l-Artikolu 15(2) jew il-kapaċitajiet minimi previsti fil-paragrafu 8 ta' dan l-Artikolu fir-rispett, fl-istess ħin, tal-limiti tas-sigurtà operazzjonali, jistgħu, bħala miżura tal-aħħar rikors, jiddefinixxi azzjonijiet koordinati li jnaqqsu l-kapaċitajiet transżonali f'dan is-sens. L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jistgħu jiddevjaw mill-azzjonijiet koordinati fir-rigward tal-kalkolu koordinat tal-kapaċità u tal-analiżi koordinata tas-sigurtà biss skont l-Artikolu 42(2).

Sa 3 xhur wara d-dħul fis-seħħ taċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali skont l-Artikolu 35(2) ta' dan ir-Regolament u kull tliet xhur wara dan, iċ-ċentri ta' koordinazzjoni reġjonali għandhom jippreżentaw rapport lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti u lill-ACER dwar kwalunkwe tnaqqis fil-kapaċità jew fid-devjazzjonijiet minn azzjonijiet kkoordinati skont it-tieni subparagrafu u għandhom jivvalutaw l-inċidenzi u jifformulaw rakkomandazzjonijiet, jekk neċessarji, dwar il-mod kif jiġu evitati tali devjazzjonijiet fil-futur. Jekk l-ACER tikkonkludi li l-prerekwiżiti għal devjazzjoni skont dan il-paragrafu m'humiex sodisfatti jew huma ta' natura strutturali, l-ACER għandha tippreżenta opinjoni lill-awtoritajiet regolatorji rilevanti u lill-Kummissjoni. L-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jieħdu azzjoni xierqa kontra l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew iċ-Ċentri ta' Koordinazzjoni Reġjonali skont l-Artikolu 59 jew 62 tad-Direttiva (UE) 2019/944 jekk il-prerekwiżiti għal devjazzjoni skont dan il-paragrafu ma jkunux ġew sodisfatti.

Id-devjazzjonijiet ta' natura strutturali għandhom ikunu indirizzati fi pjan ta' azzjoni skont l-Artikolu 14(7) jew f'aġġornament ta' pjan ta' azzjoni eżistenti.

Artikolu 16 4.
Il-livell massimu ta' kapaċità tal-interkonnessjonijiet u tan-netwerks ta' trażmissjoni affettwati mill-kapaċità transkonfinali għandhom ikunu disponibbli għall-parteċipanti fis-suq u li jikkonformaw mal-istandards ta' sikurezza tat-tħaddim sigur tan-netwerk. L-iskambju kompensatorju u d-dispaċċ mill-ġdid, li jinkludi d-dispaċċ mill-ġdid transkonfinali, għandhom jintużaw biex jimmassimizzaw l-kapaċitajiet disponibbli biex jintlaħqu l-limiti minimi ta' kapaċità skont il-paragrafu 8. Għandu jiġi applikat proċess koordinat u mhux diskriminatorju għal azzjonijiet ta' rimedju transkonfinali biex tali massimizzazzjoni tkun possibbli, wara l-implimentazzjoni tal-metodoloġija ta' qsim tal-kostijiet tad-dispaċċ mill-ġdid u l-iskambju kompensatorju.
Artikolu 16 5.
Il-kapaċità għandha tkun allokata permezz ta' rkanti tal-kapaċità espliċiti jew ta' rkanti impliċiti li jinkludu kemm il-kapaċità kif ukoll l-enerġija. Iż-żewġ metodi jistgħu jikkoeżistu fuq l-istess interkonnessjoni. Għall-kummerċ tal-istess ġurnata għandu jintuża l-kummerċ kontinwu, li jista' jiġi kkomplementat bl-irkanti.
Artikolu 16 6.
Fil-każ ta' konġestjoni, l-offerti validi bl-ogħla valur għall-kapaċità tan-netwerk, kemm jekk impliċiti kif ukoll jekk espliciti, li joffru l-ogħla valur għall-kapaċità skarsa ta' trażmissjoni f'perjodu ta' żmien partikolari, għandhom ikunu aċċettati. Ħlief fil-każ tal-interkonnetturi l-ġodda li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1228/2003, l-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 714/2009 jew l-Artikolu 63 ta' dan ir-Regolament, għandu jkun projbit l-istabbiliment ta' prezzijiet ta' riserva fil-metodi ta' allokazzjoni ta' kapaċità.
Artikolu 16 7.
Il-kapaċità għandha tkun kummerċjalizzata liberament fuq bażi sekondarja, dment li l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jkunu infurmati biżżejjed minn qabel. Meta l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni jiċħad kwalunkwe kummerċ sekondarju (tranżazzjoni), dan għandu jkun ikkomunikat u spjegat b'mod ċar u trasparenti lill-parteċipanti kollha fis-suq minn dak l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni u għandu jiġi nnotifikat lill-awtorità regolatorja.
Artikolu 16 8.

L-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ma għandhomx jillimitaw il-volum tal-kapaċità ta' interkonnessjoni li jkun għad-dispożizzjoni ta' parteċipanti fis-suq bħala meżż biex tiġi solvuta l-konġestjoni fiż-żona tal-offerti tagħhom stess jew bħala mezz ta' ġestjoni tal-flussi li jirriżultaw mit-tranżazzjoni interna taż-żoni tal-offerti.Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-derogi skont il-paragrafu 3 u 9 ta' dan l-Artikolu u għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(2), dan il-paragrafu għandu jitqies li hemm konformità miegħu, jekk jintlaħqu dawn il-limiti minimi ta' kapaċità disponibbli għal kummerċ transżonali li ġejjin:

(a) 

għall-fruntieri bl-użu ta' approċċ tal-kapaċità kkoordinata tat-trażmissjoni netta, il-kapaċità minima għandha tkun 70 % tal-kapaċità ta' trażmissjoni li tirrispetta l-limiti ta' sigurtà operazzjonali wara t-tnaqqis tal-kontinġenzi, iddeterminat skont il-linja gwida tal-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) 714/2009;

(b) 

għall-fruntieri li jużaw approċċ abbażi tal-flussi, il-kapaċità minima għandha tkun marġni ffissat fil-proċess tal-kalkolu tal-kapaċità kif disponibbli għall-flussi indotti mill-iskambju transżonali. Il-marġni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandu jkun 70 % tal-kapaċità li tirrispetta l-limiti ta' sigurtà operazzjonali tal-elementi interni u transżonali kritiċi tan-netwerk, b'kont meħud tal-kontinġenzi, iddeterminat skont l-allokazzjoni tal-kapaċità u tal-ġestjoni tal-konġestjoni adottata abbażi tal-Artikolu 18(5) tar-Regolament (KE) Nru 714/2009.

L-ammont totali ta' 30 % jista' jintuża għall-marġnijiet ta' affidabbiltà, għall-flussi ta' enerġija paralleli (loop flows) u għall-flussi interni f'kull element kritiku tan-netwerk.

Artikolu 16 9.
Fuq talba mill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni ta' reġjun bil-kapaċità kalkolata, l-awtoritajiet regolatorji rilevanti jistgħu jagħtu deroga mill-paragrafu 8 għal raġunijiet prevedibbli, jekk neċessarja biex tinżamm is-sigurtà operazzjonali. Tali id-derogi, li m'għandhomx ikunu relatati mat-tnaqqis tal-kapaċitajiet diġà allokati skont il-paragrafu 2, għandhom jinagħtaw għal mhux iktar minn sena waħda kull darba, sakemm il-limitu tad-deroga jonqos b'mod sinifikanti wara l-ewwel sena, jew sa massimu ta' sentejn. Il-limitu ta' dawn id-derogi għandu,jkun strettament limitat għal dak neċessarju biex tinżamm is-sigurtà operattiva u għandhom jevitaw d-diskriminazzjoni bejn l-iskambji interni u transżonali.

Qabel tingħata deroga, l-awtorità regolatorja rilevanti għandha tikkonsulta mal-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri l-oħra li jifformaw parti mir-reġjun bil-kapaċità kalkolata affettwata. Fejn l-awtorità regolatorja ma taqbilx mad-deroga proposta, l-ACER għandha tiddeċiedi jekk għandhiex tingħata skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(10) tar-Regolament (UE) 2019/942. Il-ġustifikazzjoni u r-raġunijiet għad-deroga għandhom jiġu ppubblikati.

Meta tingħata deroga, l-operatur tas-sistema ta' trażmissjoni rilevanti għandhom jiżviluppaw u jippubblikaw metodoloġija u proġetti li għandhom jipprovdu soluzzjoni fuq terminu twil għall-kwistjoni li għandha tindirizza d-deroga. Id-deroga għandha tiskadi meta jintlaħaq il-limitu ta' żmien għad-deroga jew, kif tiġi applikata s-soluzzjoni, skont liema jiġi l-ewwel.

Artikolu 16 10.
Il-parteċipanti fis-suq għandhom jinfurmaw lill-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni kkonċernati f'perjodu ragonevoli qabel il-perjodu operazzjonali rilevanti jekk humiex beħsiebhom jużaw il-kapaċità allokata. Kull kapaċità li ma tkunx se tintuża għandha ssir disponibbli mill-ġdid fis-suq, f'mod miftuħ, trasparenti u mhux diskriminatorju.
Artikolu 16 11.
Sa fejn ikun teknikament possibbli, l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni għandhom jikkalkulaw il-valur nett tal-ħtiġijiet ta' kwalunkwe fluss ta' enerġija fid-direzzjoni opposta fuq il-linja ta' interkonnessjoni li jkollha konġestjoni sabiex jużaw din il-linja sal-kapaċità massima tagħha. B'kunsiderazzjoni sħiħa tas-sigurtà tan-netwerk it-tranżazzjonijiet li jtaffu l-konġestjoni, ma għandhomx jinċaħdu.
Artikolu 16 12.
Il-konsegwenzi finanzjarji ta' nuqqas li jiġu onorati l-obbligi assoċjati mal-allokazzjoni ta' kapaċità għandhom ikunu attribwiti lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni jew in-NEMOs li jkunu responsabbli minn dan in-nuqqas. Meta l-parteċipanti fis-suq jonqsu milli jużaw il-kapaċità li jkunu impenjaw ruħhom li jużaw jew, fil-każ ta' kapaċità espliċitament irkantata, jonqsu milli jagħmlu kummerċ tal-kapaċita' fuq bażi sekondarja jew milli jagħtu l-kapaċità lura fiż-żmien dovut, dawk il-parteċipanti fis-suq għandhom jitilfu d-drittijiet għal din il-kapaċità u għandhom iħallsu imposta li tirrifletti l-kost. Kwalunkwe imposta li tirrifletti l-kost dovut talli ma ntużatx il-kapaċità, għandha tkun iġġustifikata u proporzjonata. Jekk operatur tas-sistema ta' trażmissjoni ma jissodisfax l-obbligi tiegħu li jipprovdi kapaċità ta' trażmissjoni fis-sod, dan għandu jkun responsabbli li jikkumpensa lill-parteċipant fis-suq għat-telf tad-drittijiet tal-kapaċità. Għal dak il-għan, ma għandu jitqies l-ebda telf konsegwenzjali. Il-kunċetti u l-metodi ewlenin għall-istabbiliment tar-responsabbiltajiet li jirriżultaw wara li ma jkunux ġew onorati l-obbligi, għandhom ikunu stabbiliti minn qabel skont il-konsegwenzi finanzjarji u għandhom ikunu soġġetti għal reviżjoni mill-awtorità regolatorja rilevanti.
Artikolu 16 13.
Meta jallokaw il-kostijiet ta' azzjonijiet ta' rimedju bejn l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni, l-awtoritajiet regolatorji għandhom janalizzaw sa liema punt il-flussi li jirriżultaw mit-tranżazzjonijiet interni taż-żoni tal-offerti jikkontribwixxu għall-konġestjoni bejn żewġ żoni tal-offerti osservati, u jallokaw il-kostijiet abbażi tal-kontribut lill-konġestjoni lill-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni taż-żoni tal-offerti li jkunu qegħdin joħolqu tali flussi għajr għall-kostijiet indotti mill-flussi li jirriżultaw minn tranżazzjonijiet interni taż-żoni tal-offerti li jinsabu taħt il-livell li jista' jkun mistenni mingħajr konġestjoni strutturali f'żona tal-offerti.

Dak il-livell għandu jkun analizzat u definit b'mod konġunt mill-operaturi tas-sistema ta' tranżizzjoni kollha ta' reġjun f'kapaċità kalkolata għal kull konfini taż-żona tal-offerti u, għandu jkun suġġett għall-approvazjoni tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kollha tar-reġjun bil-kapaċità kalkolata.

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 16.07.2024 00:00:00 -Doknr: CELEX:32019R0943
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.