+Preamble: 1

Preamble: 1

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, b’mod partikolari l-Artikolu 192(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Ir-riżorsi tal-ilma tal-Unjoni qed ikunu dejjem iktar taħt pressjoni, li qed iwassal għall-iskarsezza tal-ilma u għad-deterjorament tal-kwalità tal-ilma. B’mod partikolari, it-tibdil fil-klima, ix-xejriet tat-temp imprevedibbli u n-nixfa qed jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-pressjoni fuq id-disponibbiltà tal-ilma ħelu li qed jinħoloq mill-iżvilupp urban u l-agrikoltura.

(2)

Il-ħila tal-Unjoni li tirreaġixxi għall-pressjonijiet li dejjem qed jiżdiedu fuq ir-riżorsi tal-ilma tista’ tittejjeb permezz tal-użu mill-ġdid mifrux tal-ilma mormi trattat, billi tiġi limitata l-estrazzjoni mill-korpi tal-ilma tal-wiċċ u mill-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art, jitnaqqas l-impatt tar-rimi tal-ilma mormi trattat f’korpi tal-ilma, u jiġi promoss l-iffrankar tal-ilma billi l-ilma mormi urban jintuża bosta drabi, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni ambjentali. Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) issemmi l-użu mill-ġdid tal-ilma, flimkien mal-promozzjoni ta’ teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-ilma fl-industrija u tekniki tat-tisqija li jiffrankaw l-ilma bħala waħda mill-miżuri supplimentari li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw sabiex jiksbu l-għanijiet ta’ dik id-Direttiva għal status kwalitattiv u kwantitattiv tajjeb tal-ilma għall-korpi tal-ilma tal-wiċċ u għall-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art. Id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE (5) teħtieġ li l-ilma mormi trattat jiġi użat mill-ġdid kull meta jkun xieraq.

(3)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta’ Novembru 2012“Blueprint għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa” tindika l-ħtieġa li jinħoloq strument biex jiġu regolati standards fil-livell tal-Unjoni għall-użu mill-ġdid tal-ilma, sabiex jiġu eliminati l-ostakli għal użu mifrux ta’ tali għażla alternattiva għall-provvista tal-ilma, jiġifieri waħda li tista’ tgħin tnaqqas l-iskarsezza tal-ilma u tnaqqas il-vulnerabbiltà tas-sistemi tal-provvista.

(4)

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Lulju 2007“Li tindirizza l-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u l-perijodi ta’ nixfa fl-Unjoni Ewropea” tistabbilixxi l-ġerarkija ta’ miżuri li l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu fil-ġestjoni tal-iskarsezza tal-ilma u l-perijodi ta’ nixfa. Din issostni li r-reġjuni fejn ġew implimentati l-miżuri preventivi kollha skont il-ġerarkija tal-ilma u fejn id-domanda tal-ilma tibqa’ madankollu teċċedi d-disponibbiltà, infrastruttura ta’ provvista tal-ilma addizzjonali tista’ f’ċerti ċirkostanzi u meta titqies id-dimensjoni kost-benefiċċji, isservi bħala approċċ alternattiv għall-mitigazzjoni tal-impatti ta’ nixfa kbira.

(5)

Fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar l-indirizzar tal-isfida tal-iskarsezza tal-ilma u tan-nixfa fl-Unjoni Ewropea (6), il-Parlament Ewropew ifakkar li, fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, jenħtieġ li tingħata preferenza lil approċċ min-naħa tad-domanda, iżda jqis li l-Unjoni jenħtieġ li tadotta approċċ olistiku fil-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma, billi tikkombina miżuri tal-ġestjoni tad-domanda, miżuri li jottimizzaw ir-riżorsi eżistenti fi ħdan iċ-ċiklu tal-ilma u miżuri li joħolqu riżorsi ġodda, u li l-approċċ jeħtieġ li jintegra kunsiderazzjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi.

(6)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-2 ta’ Diċembru 2015“L-għeluq taċ-ċirku - Pjan ta’ azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari”, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tieħu sensiela ta’ azzjonijiet biex tippromwovi l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi trattat, inkluż l-iżvilupp ta’ proposta leġislattiva dwar ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma. Il-Kummissjoni jenħtieġ li taġġorna l-pjan ta’ azzjoni tagħha u żżomm il-qasam tar-riżorsi tal-ilma bħala wieħed ta’ prijorità li fih għandha tintervjeni.

(7)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jiffaċilita l-użu mill-ġdid tal-ilma kull meta jkun xieraq u kost-effiċjenti, u b’hekk jinħoloq qafas ta’ abilitazzjoni għal dawk l-Istati Membri li jixtiequ jew jeħtieġu li jipprattikaw l-użu mill-ġdid tal-ilma. L-użu mill-ġdid tal-ilma huwa opzjoni promettenti għal ħafna Stati Membri, iżda attwalment għadd żgħir biss minnhom jipprattikaw l-użu mill-ġdid tal-ilma u adottaw leġislazzjoni jew standards nazzjonali f’dak ir-rigward. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun flessibbli biżżejjed biex jippermetti l-kontinwazzjoni tal-prattika tal-użu mill-ġdid tal-ilma u fl-istess ħin jiżgura li jkun possibbli li Stati Membri oħra japplikaw dawk ir-regoli meta jiddeċiedu li jintroduċu din il-prattika fi stadju aktar tard. Jenħtieġ li kwalunkwe deċiżjoni li ma jiġix ipprattikat l-użu mill-ġdid tal-ilma tkun debitament ġustifikata skont il-kriterji stipulati f’dan ir-Regolament u tiġi riveduta regolarment.

(8)

Id-Direttiva 2000/60/KE tipprovdi lill-Istati Membri bil-flessibbiltà neċessarja biex jinkludu miżuri supplementari fil-programmi ta’ miżuri li jadottaw biex jappoġġaw l-isforzi tagħhom biex jiksbu l-objettivi ta’ kwalità tal-ilma stabbiliti b’dik id-Direttiva. Il-lista mhux esklużiva ta’ miżuri supplimentari previsti fil-Parti B tal-Anness VI għad-Direttiva 2000/60/KE tinkludi, fost l-oħrajn, miżuri għall-użu mill-ġdid tal-ilma. F’dan il-kuntest u f’konformità ma’ ġerarkija ta’ miżuri li jistgħu jitqiesu mill-Istati Membri fil-ġestjoni tal-iskarsezza tal-ilma u l-perijodi ta’ nixfa u li tinkoraġġixxi miżuri għall-iffrankar tal-ilma u tagħti prijorità baxxa lill-politika dwar l-ipprezzar tal-ilma u soluzzjonijiet alternattivi, u b’kont meħud tad-dimensjoni kost-benefiċċji, ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma, kif stabbiliti b’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jkunu applikabbli kull meta ilma mormi urban trattat minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban jiġi użat mill-ġdid, f’konformità mad-Direttiva 91/271/KEE għat-tisqija agrikola.

(9)

L-użu mill-ġdid tal-ilma mormi trattat b’mod xieraq, pereżempju mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban, jitqies li għandu impatt ambjentali iktar baxx minn metodi ta’ provvista tal-ilma alternattivi oħra, bħat-trasferimenti jew id-desalinazzjoni tal-ilma. Madanakollu, dan l-użu mill-ġdid tal-ilma, li jista’ jnaqqas il-ħela tal-ilma u jiffranka l-ilma, huwa prattikat biss b’mod limitat ħafna fl-Unjoni. Dan jidher li hu parzjalment dovut għall-ispiża sinifikanti tas-sistemi tal-użu mill-ġdid tal-ilma mormi u n-nuqqas ta’ standards ambjentali u tas-saħħa komuni fl-Unjoni għall-użu mill-ġdid tal-ilma u, b’mod partikolari fir-rigward tal-prodotti agrikoli, dovut għar-riskji potenzjali għas-saħħa u ambjentali u l-ostakli potenzjali għall-moviment liberu ta’ tali prodotti li ġew imsoqqija bl-ilma reklamat.

(10)

L-istandards tas-saħħa marbuta mal-iġjene alimentari għall-prodotti agrikoli msoqqija bl-ilma reklamat jistgħu jinkisbu biss jekk ir-rekwiżiti tal-kwalità għall-ilma reklamat maħsub għat-tisqija agrikola ma jkunux ivarjaw b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ser tikkontribwixxi wkoll għall-funzjonament effiċjenti tas-suq intern fir-rigward ta’ dawn il-prodotti. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġu introdotti livelli minimi ta’ armonizzazzjoni billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi għall-kwalità u l-monitoraġġ tal-ilma. Dawk ir-rekwiżiti minimi jenħtieġ li jkollhom parametri minimi għall-ilma reklamat li jkunu bbażati fuq ir-rapporti tekniċi taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni u jirriflettu l-istandards internazzjonali dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma, u rekwiżiti tal-kwalità addizzjonali jew iktar stretti imposti, jekk meħtieġ, mill-awtoritajiet kompetenti flimkien ma’ kwalunkwe miżura preventiva rilevanti.

(11)

L-użu mill-ġdid tal-ilma għat-tisqija agrikola jista’ jikkontribwixxi wkoll għall-promozzjoni tal-ekonomija ċirkolari billi nutrijenti jiġu rkuprati mill-ilma reklamat u applikati għall-għelejjel, permezz ta’ tekniki ta’ fertigazzjoni. B’hekk, l-użu mill-ġdid tal-ilma jista’ potenzjalment inaqqas il-ħtieġa għall-applikazzjonijiet supplimentari ta’ fertilizzant minerali. Jenħtieġ li l-utenti aħħarin jiġu infurmati dwar il-kontenut tan-nutrijenti tal-ilma reklamat.

(12)

L-użu mill-ġdid tal-ilma jista’ jikkontribwixxi għall-irkupru tan-nutrijenti li jinsabu fl-ilma mormi urban trattat, u l-użu tal-ilma reklamat għal skopijiet ta’ tisqija fil-qasam agrikolu jew forestali jista’ jkun mod biex in-nutrijenti, bħal pereżempju n-nitroġenu, il-fosforu u l-potassju, jingħataw lura liċ-ċikli bijoġeokimiċi naturali.

(13)

L-investiment kbir meħtieġ għat-titjib tal-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban u n-nuqqas ta’ inċentivi finanzjarji għall-prattika tal-użu mill-ġdid tal-ilma fl-agrikoltura ġew identifikati bħala fost ir-raġunijiet għall-użu baxx tal-użu mill-ġdid tal-ilma fl-Unjoni. Jenħtieġ li jkun possibbli li dawk il-kwistjonijiet jiġu indirizzati bil-promozzjoni ta’ skemi innovattivi u inċentivi ekonomiċi sabiex jiġu kkunsidrati b’mod xieraq l-ispejjeż u l-benefiċċji soċjoekonomiċi u ambjentali tal-użu mill-ġdid tal-ilma.

(14)

Il-konformità mar-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid tal-ilma tenħtieġ li tkun konsistenti mal-politika tal-Unjoni dwar l-ilma u tikkontribwixxi għall-kisba tal-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari l-Għan 6, biex jiġu żgurati d-disponibbiltà u l-ġestjoni sostenibbli tal-ilma u s-sanità għal kulħadd, kif ukoll iż-żieda sostanzjali fir-riċiklaġġ tal-ilma u l-użu mill-ġdid sikur tal-ilma globalment bil-ħsieb li jingħata kontribut għall-kisba tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli Nru 12 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikollu l-għan li jiżgura l-applikazzjoni tal-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-ambjent.

(15)

F’xi każijiet, l-operaturi tal-faċilitajiet tar-reklamazzjoni għadhom jittrasportaw u jaħżnu l-ilma reklamat lil hinn mill-iżbokk tal-faċilità tar-reklamazzjoni, qabel ma jfornuh lill-atturi sussegwenti fil-katina, bħall-operatur tad-distribuzzjoni tal-ilma reklamat, l-operatur tal-ħażna tal-ilma reklamat jew l-utent aħħari. Jeħtieġ li jiġi ddefinit il-punt tal-konformità sabiex jiġi ċċarat fejn tieqaf ir-responsabbiltà tal-operatur tal-faċilità tar-reklamazzjoni u fejn tibda r-responsabbiltà tal-attur sussegwenti fil-katina.

(16)

Il-ġestjoni tar-riskju jenħtieġ li tinvolvi l-identifikazzjoni u l-ġestjoni tar-riskji b’mod proattiv, u jenħtieġ li tinkorpora l-kunċett tal-produzzjoni ta’ ilma reklamat ta’ kwalità speċifika hekk kif meħtieġa għal użi partikolari. Jenħtieġ li l-valutazzjoni tar-riskju tkun ibbażata fuq l-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju u jenħtieġ li jiġi identifikat kwalunkwe rekwiżit addizzjonali għall-kwalità tal-ilma neċessarju biex tiġi suffiċjentement żgurata il-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Għal dak il-għan, il-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju tal-użu mill-ġdid tal-ilma jenħtieġ li jiżguraw li l-ilma reklamat jintuża u jiġi ġestit b’mod sikur u li ma jkunx hemm riskji għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali. Sabiex jiġu żviluppati tali pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju, jistgħu jintużaw gwidi jew standards internazzjonali eżistenti bħal-Linji gwida ISO 20426:2018 għall-valutazzjoni tar-riskji għas-saħħa u l-ġestjoni għall-użu mill-ġdid tal-ilma mhux tajjeb għax-xorb, il-Linji gwida ISO 16075:2015 dwar l-użu tal-ilma mormi trattat għal proġetti ta’ tisqija jew il-linji gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

(17)

Ir-rekwiżiti ta’ kwalità għall-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem huma stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tal-Kunsill (7). Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li l-attivitajiet tal-użu mill-ġdid tal-ilma ma jwasslux għal deterjorament fil-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem. Għalhekk, jenħtieġ li l-pjan tal-ġestjoni tar-riskju għall-użu mill-ġdid tal-ilma jagħti attenzjoni speċjali lill-protezzjoni tal-korpi tal-ilma użati għall-astrazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem u liż-żoni ta’ salvagwardja rilevanti.

(18)

Jenħtieġ li l-kooperazzjoni u l-interazzjoni bejn id-diversi partijiet involuti fil-proċess tar-reklamazzjoni tal-ilma jkunu prekondizzjoni għat-twaqqif ta’ proċeduri ta’ trattament tar-reklamazzjoni skont ir-rekwiżiti għal użi speċifiċi, u sabiex tiġi ppjanata l-provvista tal-ilma reklamat skont id-domanda mill-utenti aħħarin.

(19)

Sabiex jitħarsu b’mod effikaċi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, jenħtieġ li l-operaturi tal-faċilitajiet tar-reklamazzjoni jkollhom ir-responsabbiltà primarja għall-kwalità tal-ilma reklamat fil-punt ta’ konformità. Għall-finijiet ta’ konformità mar-rekwiżiti minimi stipulati skont dan ir-Regolament u ma’ kwalunkwe kundizzjoni addizzjonali stabbiliti mill-awtorità kompetenti, l-operaturi tal-faċilitajiet tar-reklamazzjoni jenħtieġ li jimmonitorjaw il-kwalità tal-ilma reklamat. Għaldaqstant, jixraq li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti minimi għall-monitoraġġ li jikkonsistu fil-frekwenza ta’ monitoraġġ tar-rutina, u l-iskedar u l-miri ta’ prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-validazzjoni. Uħud mir-rekwiżiti għall-monitoraġġ ta’ rutina huma previsti fid-Direttiva 91/271/KEE.

(20)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkopri ilma reklamat li huwa miksub minn ilma mormi li jkun inġabar f’sistemi ta’ ġbir, li jkun ġie ttrattat f’impjanti tat-trattament tal-ilma mormi urban skont id-Direttiva 91/271/KEE u li jiġi ulterjorment trattament, jew fl-impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban jew f’faċilità tar-reklamazzjoni, sabiex jissodisfa l-parametri stabbiliti fl-Anness I għal dan ir-Regolament. Skont id-Direttiva 91/271/KEE, l-agglomerazzjonijiet b’ekwivalenza ta’ popolazzjoni (e.p.) ta’ inqas minn 2 000 ma għandhomx għalfejn jiġu pprovduti b’sistema ta’ ġbir. Madankollu, l-ilma mormi urban minn agglomerazzjonijiet ta’ inqas minn 2 000 e.p. li jidħol f’sistema ta’ ġbir jenħtieġ li jkun soġġett għal trattament xieraq qabel ma dan jintrema fl-ilma ħelu jew fl-estwarji, skont id-Direttiva 91/271/KEE. F’dak il-kuntest, l-ilma mormi minn agglomerazzjonijiet ta’ inqas minn 2 000 p.e. jenħtieġ li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biss meta jidħol f’sistema ta’ ġbir u huwa soġġett għal trattament f’impjant ta’ trattament tal-ilma mormi urban. B’mod simili, dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jikkonċernax l-iskart industrijali bijodegradabbli minn impjanti li jappartjenu għas-setturi industrijali elenkati fl-Anness III għad-Direttiva 91/271/KEE, sakemm l-ilma mormi minn dawk l-impjanti ma jidħolx f’sistema ta’ ġbir u jkun soġġett għal trattament f’impjant tat-trattament tal-ilma mormi urban.

(21)

L-użu mill-ġdid tal-ilma mormi urban trattat għal tisqija agrikola huwa azzjoni mmexxija mis-suq, ibbażata fuq id-domandi u l-ħtiġijiet tas-settur agrikolu, b’mod partikolari f’ċerti Stati Membri li jiffaċċaw nuqqas ta’ riżorsi tal-ilma. L-operaturi tal-faċilitajiet tar-reklamazzjoni u l-utenti aħħarin jenħtieġ li jikkooperaw biex jiżguraw li l-ilma reklamat prodott skont ir-rekwiżiti minimi ta’ kwalità stabbiliti b’dan ir-Regolament jissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti aħħarin fir-rigward tal-kategoriji ta’ għelejjel. F’każijiet fejn il-klassijiet tal-kwalità tal-ilma prodotti mill-operaturi tal-faċilitajiet tar-reklamazzjoni ma jkunux kompatibbli mal-kategorija tal-għelejjel u l-metodu tat-tisqija diġà fis-seħħ fiż-żona moqdija, pereżempju f’sistema ta’ provvista kollettiva, ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-ilma jistgħu jintlaħqu bl-użu, fi stadju sussegwenti, ta’ diversi opzjonijiet waħedhom ta’ trattament tal-ilma jew flimkien ma’ opzjonijiet li ma jinkludux trattament għall-ilma reklamat, skont l-approċċ ta’ diversi ostakli.

(22)

Sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu mill-ġdid tar-riżorsi tal-ilma mormi urban, jenħtieġ li l-utenti aħħarin jitħarrġu biex jiġi żgurat li huma jużaw ilma reklamat tal-klassi ta’ kwalità adatta. Fejn id-destinazzjoni ta’ tip ta’ għalla speċifika mhix magħrufa jew fejn għandha destinazzjonijiet multipli, jenħtieġ li jintuża ilma reklamat tal-għola klassi ta’ kwalità, sakemm ma jiġux applikati ostakli xierqa li jippermettu li tinkiseb il-kwalità meħtieġa.

(23)

Huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-użu tal-ilma reklamat huwa sikur, sabiex b’hekk jitħeġġeġ l-użu mill-ġdid tal-ilma fil-livell tal-Unjoni u tissaħħaħ il-kunfidenza tal-pubbliku fih. Għalhekk, il-produzzjoni u l-provvista ta’ ilma reklamat għat-tisqija agrikola jenħtieġ li jiġu permessi biss abbażi ta’ permess, maħruġ mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Sabiex jiġu żgurati approċċ armonizzat fil-livell tal-Unjoni, it-traċċabilità tal-ilma reklamat u t-trasparenza, jenħtieġ li jiġu stipulati r-regoli sostantivi għal tali permessi fil-livell tal-Unjoni. Madankollu, id-dettalji tal-proċeduri għall-għoti ta’ permessi, bħall-ħatra tal-awtoritajiet kompetenti u l-iskadenzi, jenħtieġ li jiġu determinati mill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw il-proċeduri eżistenti għall-għoti tal-permessi, li jenħtieġ li jiġu adattati biex iqisu r-rekwiżiti introdotti minn dan ir-Regolament. Meta jaħtru lill-partijiet responsabbli għat-tfassil tal-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju għall-użu mill-ġdid tal-ilma u l-awtorità kompetenti għall-għoti tal-permess għall-produzzjoni u l-provvista tal-ilma reklamat, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li ma jkun hemm ebda konflitt ta’ interessi.

(24)

Jekk ikunu meħtieġa operatur tad-distribuzzjoni tal-ilma reklamat u operatur tal-ħażna tal-ilma reklamat, jenħtieġ li jkun possibbli li tali operaturi jkunu meħtieġa li jkollhom permess. Jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti kollha għall-permess, l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru jenħtieġ li tagħti permess li jkun fih il-kundizzjonijiet u l-miżuri kollha neċessarji stabbiliti fil-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju għall-użu mill-ġdid tal-ilma.

(25)

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jkun possibbli li l-operazzjonijiet ta’ trattament u l-operazzjonijiet tar-reklamazzjoni tal-ilma mormi urban iseħħu fl-istess post fiżiku, bl-użu tal-istess faċilità jew faċilitajiet differenti u separati. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li l-istess attur ikun kemm l-operatur tal-impjant tat-trattament kif ukoll l-operatur tal-faċilità tar-reklamazzjoni.

(26)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw il-konformità tal-ilma reklamat mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-permess rilevanti. F’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, jenħtieġ li dawk l-awtoritajiet jesiġu li l-partijiet responsabbli jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiġi żgurat li l-ilma reklamat ikun konformi. Il-provvista tal-ilma reklamat jenħtieġ li tiġi sospiża fejn in-nonkonformità tikkawża riskju sinifikanti għall-ambjent jew għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali.

(27)

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma maħsuba li jkunu komplementari għar-rekwiżiti ta’ leġislazzjoni oħra tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tar-riskji possibbli għas-saħħa u għall-ambjent.Sabiex jiġi żgurat approċċ olistiku biex jiġu indirizzati r-riskji possibbli għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, l-operaturi tal-faċilitajiet tar-reklamazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jqisu r-rekwiżiti stipulati f’leġislazzjoni oħra rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttivi tal-Kunsill 86/278/KEE (8) u 91/676/KEE (9). Id-Direttivi 91/271/KEE, 98/83/KE u 2000/60/KE, ir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002 (10), (KE) Nru 852/2004 (11), (KE) Nru 183/2005 (12), (KE) Nru 396/2005 (13) u (KE) Nru 1069/2009 (14) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 2006/7/KE (15), 2006/118/KE (16), 2008/105/KE (17) u 2011/92/UE (18) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 2073/2005 (19), (KE) Nru 1881/2006 (20) u (UE) Nru 142/2011 (21).

(28)

Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-operaturi fin-negozju tal-ikel u jkopri l-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u t-tqegħid fis-suq tal-ikel maħsub għall-konsum mill-bniedem. Dak ir-Regolament jindirizza l-kwalità tas-saħħa tal-ikel u wieħed mill-prinċipji ewlenin tiegħu hu li r-responsabbiltà ewlenija għas-sigurtà tal-ikel tinġarr mill-operatur fin-negozju tal-. Dak ir-Regolament huwa wkoll appoġġat minn gwida dettaljata. F’dan ir-rigward, l-avviż tal-Kummissjoni dwar dokument ta’ gwida dwar kif għandhom jiġu indirizzati r-riskji mikrobijoloġiċi fil-frott u l-ħaxix frisk fil-produzzjoni primarja permezz ta’ iġjene tajba huwa ta’ rilevanza partikolari. Ir-rekwiżiti minimi għall-ilma reklamat stipulati f’dan ir-Regolament ma jipprekludux lill-operaturi fin-negozju tal-ikel milli jiksbu l-kwalità tal-ilma meħtieġa biex tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 852/2004 billi, fi stadju sussegwenti, jużaw diversi għażliet għat-trattament tal-ilma individwalment jew flimkien ma’ għażliet oħra li ma jittrattawx l-ilma.

(29)

Hemm potenzjal kbir għar-riċiklaġġ u għall-użu mill-ġdid tal-ilma mormi trattat. Bil-ħsieb li jiġi promoss u inkoraġġut l-użu mill-ġdid tal-ilma, jenħtieġ li l-indikazzjoni ta’ użi speċifiċi f’dan ir-Regolament ma tipprekludix lill-Istati Membri milli jippermettu l-użu ta’ ilma reklamat għal skopijiet oħra, inkluż għal skopijiet industrijali, ambjentali u ta’ servizzi ta’ konvenjenza, kif meqjus neċessarju fid-dawl taċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet nazzjonali dment li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali.

(30)

Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkooperaw ma’ awtoritajiet rilevanti oħra permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni, sabiex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti rilevanti tal-Unjoni u dawk nazzjonali.

(31)

Sabiex tiżdied il-fiduċja fl-użu mill-ġdid tal-ilma, jenħtieġ li tingħata informazzjoni lill-pubbliku. Id-disponibbiltà ta’ informazzjoni ċara, komprensiva u aġġornata dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma tippermetti żieda fit-trasparenza u t-traċċabilità, u tista’ tkun ukoll ta’ użu partikolari għal awtoritajiet rilevanti oħra li jintlaqtu minn dak l-użu mill-ġdid tal-ilma speċifiku. Sabiex iħeġġu l-użu mill-ġdid tal-ilma bil-għan li l-partijiet ikkonċernati jsiru konxji mill-benefiċċji tal-użu mill-ġdid tal-ilma u b’hekk tiġi promossa l-aċċettazzjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jiġu żviluppati kampanji ta’ informazzjoni u ta’ sensibilizzazzjoni adattati għall-iskala tal-użu mill-ġdid tal-ilma.

(32)

L-edukazzjoni u t-taħriġ tal-utenti aħħarin huma ta’ importanza primarja bħala komponenti tal-implimentazzjoni u taż-żamma ta’ miżuri ta’ prevenzjoni. Fil-pjan ta’ ġestjoni tar-riskju għall-użu mill-ġdid tal-ilma jenħtieġ li jiġu kkunsidrati miżuri preventivi speċifiċi kontra l-esponiment tal-bniedem, pereżempju l-użu ta’ tagħmir protettiv personali, il-ħasil tal-idejn u l-iġjene personali.

(33)

Id-Direttiva 2003/4/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) għandha l-għan li tiggarantixxi d-dritt tal-aċċess għal informazzjoni ambjentali fl-Istati Membri skont l-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (23) (il-Konvenzjoni ta’ Aarhus). Id-Direttiva 2003/4/KE tistabbilixxi obbligi estensivi marbuta mad-disponibbiltà tal-informazzjoni ambjentali fuq talba, kif ukoll mad-disseminazzjoni b’mod attiv ta’ tali informazzjoni. Id-Direttiva 2007/2/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) tkopri l-kondiviżjoni tal-informazzjoni ġeografika, inkluż settijiet ta’ data dwar suġġetti ambjentali differenti. Huwa importanti li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament marbuta mal-aċċess għall-informazzjoni u l-arranġamenti għall-kondiviżjoni tas-settijiet tad-data jkunu komplementari ma’ dawk id-Direttivi u ma joħolqux reġim legali separat. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar l-informazzjoni lill-pubbliku u dwar l-informazzjoni fir-rigward tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni jkunu mingħajr preġudizzju għad-Direttivi 2003/4/KE u 2007/2/KE.

(34)

Id-data pprovduta mill-Istati Membri hija essenzjali sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ timmonitorja u tivvaluta dan ir-Regolament fir-rigward tal-għanijiet li jridu jintlaħqu.

(35)

Skont il-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (25), jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji tal-effiċjenza, l-effettività, ir-rilevanza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-Unjoni u jenħtieġ li tipprovdi l-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri ulterjuri possibbli. L-evalwazzjoni jenħtieġ li tqis il-progress xjentifiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt potenzjali ta’ sustanzi ta’ tħassib emerġenti.

(36)

Ir-rekwiżiti minimi għall-użu mill-ġdid sikur tal-ilma mormi urban trattat jirriflettu l-għarfien xjentifiku disponibbli u l-istandards u l-prattiki rikonoxxuti internazzjonalment għall-użu mill-ġdid tal-ilma u jiggarantixxu li ilma bħal dan jista’ jintuża b’mod sikur għat-tisqija agrikola, biex b’hekk jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Fid-dawl tar-riżultati tal-evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament jew kull meta l-iżviluppi xjentifiċi ġodda u l-progress tekniku jitolbu dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ teżamina l-ħtieġa li tirrieżamina r-rekwiżiti minimi stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness I u, fejn xieraq, jenħtieġ li tippreżenta proposta leġislattiva biex temenda dan ir-Regolament.

(37)

Sabiex l-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju jiġu adattati għall-progress tekniku u xjentifiku, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea biex temenda l-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju previsti f’dan ir-Regolament. Barra minn hekk, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun kapaċi wkoll tadotta atti delegati li jissupplimentaw l-elementi ewlenin tal-ġestjoni tar-riskju previsti f’dan ir-Regolament billi tistipula l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul il-fażi tal-ħidma ta’ tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(38)

Sabiex jiġu żgurati l-kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiġu konferiti setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni tar-regoli dettaljati fir-rigward tal-format u l-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li trid tingħata mill-Istati Membri, u fir-rigward tal-format u l-preżentazzjoni tal-ħarsa ġenerali madwar l-Unjoni mfassla mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Dawk is-setgħat jenħtieġ li jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (26).

(39)

L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa, fost affarijiet oħra, li jipproteġi l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali. Kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja f’diversi okkażjonijiet, ikun inkompatibbli mal-effett vinkolanti li t-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti lil Direttiva, li tiġi eskluża, fil-prinċipju, il-possibbiltà ta’ obbligu impost minn Direttiva milli jiġi invokat mill-persuni kkonċernati. Dik il-kunsiderazzjoni tapplika wkoll fir-rigward ta’ Regolament li għandu l-għan li jiggarantixxi li l-ilma reklamat huwa sikur għat-tisqija agrikola.

(40)

Jenħtieġ li l-Istati Membri jistipulaw ir-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u jenħtieġ li jieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

(41)

Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-protezzjoni tal-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu, minħabba raġunijiet ta’ skala u effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropa. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.

(42)

Huwa neċessarju li jingħata biżżejjed żmien lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-infrastruttura amministrattiva neċessarja għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll biex l-operaturi jippreparaw għall-applikazzjoni tar-regoli l-ġodda.

(43)

Bil-ħsieb li jiġi żviluppat u promoss kemm jista’ jkun l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi trattat b’mod xieraq u sabiex ikun hemm titjib sinifikanti fl-affidabbiltà tal-ilma mormi trattat b’mod xieraq u f’metodi vijabbli ta’ użu, l-Unjoni jenħtieġ li tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp f’dan il-qasam permezz tal-programm Orizzont Ewropa.

(44)

Dan ir-Regolament ifittex li jħeġġeġ l-użu sostenibbli tal-ilma. Fid-dawl ta’ dik il-mira, il-Kummissjoni jenħtieġ li timpenja ruħha sabiex tuża l-programmi tal-Unjoni, inkluż il-Programm LIFE, biex tappoġġa inizjattivi lokali li jinvolvu l-użu mill-ġdid ta’ ilma mormi trattat b’mod xieraq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Mejju 2020.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. N. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

A METELKO-ZGOMBIĆ

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 05.06.2020 00:00:00 -Doknr: CELEX:32020R0741
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.