Artikolu 19
Għotjiet fl-ambitu tal-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju u jistgħu jkopru sa 100 % tal-kostijiet eliġibbli, mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-kofinanzjament kif stabbilit fl-Artikolu 190 tar-Regolament Finanzjarju. Tali għotjiet għandhom jingħataw u jkunu ġestiti kif speċifikat għal kull objettiv speċifiku.
L-appoġġ fil-forma ta’ għotjiet jista’ jingħata direttament mill-ECCC mingħajr sejħa għal proposti lill-Istati Membri magħżula skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2025/38 u l-Konsorzju tal-Hosting imsemmi fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2025/38, f’konformità mal-Artikolu 195(1), il-punt (d), tar-Regolament Finanzjarju.
L-appoġġ fil-forma ta’ għotjiet għall-Mekkaniżmu ta’ Emerġenza għaċ-Ċibersigurtà jista’ jingħata direttament mill-ECCC lill-Istati Membri mingħajr sejħa għal proposti, f’konformità mal-Artikolu 195(1), il-punt (d), tar-Regolament Finanzjarju.
Fir-rigward tal-azzjonijiet għall-appoġġ tal-assistenza reċiproka previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2025/38, l-ECCC għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-ENISA bit-talbiet tal-Istati Membri għal għotjiet diretti mingħajr sejħa għal proposti.
Fir-rigward tal-azzjonijiet għall-appoġġ tal-assistenza previsti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2025/38, u f’konformità mal-Artikolu 193(2), it-tieni subparagrafu, il-punt (a), tar-Regolament Finanzjarju, il-kostijiet jistgħu, f’każijiet debitament ġustifikati, jitqiesu eliġibbli anki jekk ikunu saru qabel ma tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni tal-għotja.