|
+Artikolu 2 Definizzjonijiet |
Artikolu 2 DefinizzjonijietArtikolu 2 Definizzjonijiet Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)
“test ta’ aċċettazzjoni” tfisser test li sar biex jiddetermina jekk ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjoni tas-sistema humiex issodisfati minn supercomputer tal-EuroHPC;
(2)
“ħin tal-aċċess” tfisser il-ħin tal-computing ta’ supercomputer li jkun magħmul disponibbli għal utent jew għal grupp ta’ utenti biex jeżegwixxu l-programmi tal-kompjuter tagħhom;
(3)
“entità affiljata” tfisser kwalunkwe entità ġuridika kif definita fl-Artikolu 187(1) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;
(3a)
“supercomputer ottimizzat permezz tal-IA” tfisser supercomputer li jkun iddisinjat prinċipalment għat-taħriġ ta’ mudelli tal-intelliġenza artifiċjali (IA) bi skop ġenerali u fuq skala kbira u applikazzjonijiet tal-IA emerġenti;
(3b)
“fabbrika tal-IA” tfisser entità ċentralizzata jew distribwita li tipprovdi infrastruttura ta’ servizzi tas-supercomputing għall-IA li tkun magħmula minn supercomputer ottimizzat permezz tal-IA jew partizzjoni ta’ supercomputer għall-IA, ċentru tad-data assoċjat, aċċess apposta u servizzi ta’ supercomputing orjentati lejn l-IA, u li tattira u takkumula t-talent biex tipprovdi l-kompetenzi meħtieġa biex jintużaw is-supercomputers għall-IA;
(3c)
“gigafabbrika tal-Intelliġenza Artifiċjali” jew “gigafabbrika tal-IA” tfisser faċilità fuq skala kbira tal-ogħla livell tekniku b’kapaċità suffiċjenti li tittratta ċ-ċiklu tal-ħajja sħiħ, mill-iżvilupp sal-inferenza fuq skala kbira, ta’ mudelli u applikazzjonijiet kbar ħafna tal-IA, li tipprovdi infrastruttura tas-servizz tas-supercomputing li hija magħmula minn kapaċità tal-computing ottimizzata għall-IA, infrastruttura taċ-ċentru tad-data ta’ appoġġ inkluż ħżin u networking ta’ kapaċità għolja, ambjenti ta’ aċċess tal-utenti siguri ddedikati fuq il-cloud, u servizzi speċjalizzati siguri ta’ appoġġ orjentati lejn l-IA għall-operazzjonijiet avvanzati tagħha, li huma lkoll appoġġati minn infrastruttura ambjentalment sostenibbli, partikolarment għas-sistemi tal-provvista tal-enerġija u tal-ilma;
(3d)
“Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-Intelliġenza Artifiċjali” jew “Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA” tfisser assoċjazzjoni ta’ entitajiet legali eliġibbli li jiffurmaw f’konsorzju u li huma marbuta bi ftehim ta’ konsorzju bil-fini li jistabbilixxu u joperaw gigafabbrika tal-IA u li jispeċifika r-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi ta’ dawk l-entitajiet għat-tul tal-ħajja tal-gigafabbrika tal-IA, jew entità legali ġdida stabbilita għall-fini li tistabbilixxi u topera gigafabbrika tal-IA, u tali konsorzju huwa stabbilit debitament fl-Unjoni għal durata minima ta’ ħames snin u li wieħed jew aktar minn dawn is-sħab privati jistgħu jkunu qegħdin jipparteċipaw fil-Membri Privati tal-Impriża Konġunta;
(3e)
“Koordinatur tal-gigafabbriki tal-IA” tfisser entità legali, debitament inkorporata fl-Unjoni u li tkun teżisti b’mod validu skont il-liġijiet ta’ Stat Membru li fih tkun stabbilita: li tkun legalment awtorizzata tirrappreżenta Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA u li jkollha l-kapaċità u l-awtorità legali li tidħol fi Ftehim ta’ Hosting tal-gigafabbriki tal-IA, li teżegwih u li twettqu; li jkollha l-kwartieri ġenerali tiegħu fl-Unjoni; li tkun taħt il-kontroll, direttament jew indirettament, permezz ta’ interess ta’ sjieda jew permezz ta’ mezzi oħrajn, kif definit fil-Kapitolu IV tar-Regolament (UE) Nru 2024/1624 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) u skont id-dritt tal-kompetizzjoni rilevanti tal-Unjoni, ta’ entitajiet legali jew ta’ persuni fiżiċi stabbiliti fl-Unjoni; u li tista’ tkun ukoll entità tal-hosting eżistenti li tirrappreżenta Stat Parteċipanti li jkun Stat Membru jew konsorzju ta’ Stati Parteċipanti tal-hosting;
(3f)
“Ftehim ta’ Hosting tal-gigafabbriki tal-IA” tfisser ftehim bejn l-Impriża Konġunta u l-Koordinatur tal-gigafabbriki tal-IA għall-hosting u għall-operat ta’ gigafabbrika tal-IA;
(3g)
“entità tal-hosting tal-gigafabbriki tal-IA” tfisser entità legali li tkun inħatret minn Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA sabiex tospita u topera Gigafabbrika tal-IA u s-servizzi tagħha, u li tkun stabbilita fi Stat Parteċipanti li jkun Stat Membru;
(3h)
“Ftehim ta’ Kooperazzjoni tal-gigafabbriki tal-Intelliġenza Artifiċjali” huwa ftehim bejn l-Impriża Konġunta u pajjiż terz li jispeċifika l-eliġibbiltà tal-parteċipazzjoni f’Konsorzju ta’ gigafabbriki tal-IA u l-aċċess tal-utenti għall-gigafabbriki tal-IA għall-entitajiet legali taħt il-kontroll, direttament jew indirettament, permezz ta’ interess ta’ sjieda jew permezz ta’ mezzi oħrajn, ta’ entitajiet legali jew persuni fiżiċi stabbiliti f’dak il-pajjiż terz;
(3i)
“gigafabbrika tal-IA f’pajjiż wieħed b’diversi siti” hija gigafabbrika tal-IA stazzjonata f’aktar minn post fiżiku wieħed fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed;
(3j)
“gigafabbrika tal-IA f’diversi pajjiżi b’diversi siti” hija gigafabbrika tal-IA stazzjonata f’aktar minn post fiżiku wieħed u fit-territorji ta’ aktar minn Stat Membru wieħed;
(4)
“Ċentru ta’ Eċċellenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja ” tfisser proġett kollaborattiv magħżul permezz ta’ sejħa għal proposti miftuħa u kompetittiva biex jiġi promoss l-użu ta’ kapaċitajiet futuri tal-computing ta’ prestazzjoni estrema li jippermettu lill-komunitajiet tal-utenti f’kollaborazzjoni ma’ partijiet ikkonċernati oħra fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja jiskalaw il-kodiċijiet paralleli eżistenti lejn skala ‘eksa’ u prestazzjoni ta’ skalar estrema;
(5)
“kodisinn” tfisser approċċ kollettiv bejn il-fornituri tat-teknoloġija u l-utenti involuti fi proċess ta’ disinn kollaborattiv u iterattiv għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji, applikazzjonijiet u sistemi ġodda;
(6)
“kunflitt ta’ interess” tfisser sitwazzjoni li tinvolvi attur finanzjarju jew persuna oħra kif imsemmi fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046;
(7)
“entità kostitwenti” tfisser entità li tikkostitwixxi Membru Privat tal-Impriża Konġunta, skont l-istatuti ta’ kull Membru Privat;
(8)
“konsorzju ta’ sħab privati” tfisser assoċjazzjoni ta’ entitajiet legali tal-Unjoni li jingħaqdu bl-għan li jakkwistaw supercomputer ta’ grad industrijali b’mod konġunt mal-Impriża Konġunta; wieħed jew aktar minn dawn is-sħab privati jistgħu jkunu qed jipparteċipaw fil-Membri Privati tal-Impriża Konġunta;
(9)
“supercomputer tal-EuroHPC” tfisser kwalunkwe sistema tal-computing li tkun proprjetà sħiħa tal-Impriża Konġunta jew li tkun koproprjetà ma’ Stati Parteċipanti oħra jew ma’ konsorzju ta’ sħab privati u li jkun supercomputer klassiku (supercomputer ta’ livell għoli, supercomputer ta’ grad industrijali, supercomputer ottimizzat permezz tal-IA jew supercomputer ta’ livell medju), kompjuter ibridu klassiku kwantistiku, kompjuter kwantistiku jew simulatur kwantistiku;
(10)
“skala ‘eksa’” tfisser livell ta’ prestazzjoni b’kapaċità ta’ eżekuzzjoni ta’ għaxar operazzjonijiet b’potenza ta’ tmintax (1018) fis-sekonda (jew 1 Eksaflop);
(11)
“supercomputer ta’ livell għoli” tfisser sistema tal-computing tal-ogħla klassi żviluppata bl-aktar teknoloġija avvanzata disponibbli f’mument partikolari u li tikseb tal-anqas livelli ta’ prestazzjoni fuq skala ‘eksa’ jew aktar (jiġifieri fuq skala posteksa) għal applikazzjonijiet li jindirizzaw problemi b’kumplessità akbar;
(12)
“konsorzju tal-hosting” tfisser grupp ta’ Stati Parteċipanti jew konsorzju ta’ sħab privati li qablu li jikkontribwixxu għall-akkwist u għat-tħaddim ta’ supercomputer tal-EuroHPC, inkluż kwalunkwe organizzazzjoni li tirrappreżenta dawn l-Istati Parteċipanti;
(13)
“entità tal-hosting” tfisser entità legali li tinkludi faċilitajiet għall-hosting u għat-tħaddim ta’ supercomputer tal-EuroHPC u li tkun stabbilita fi Stat Parteċipanti li jkun Stat Membru;
(14)
“iperkonness” tfisser kapaċità ta’ komunikazzjoni ta’ trasferiment ta’ data f’għaxar bits b’potenza ta’ tnax (1012) fis-sekonda (1 Terabit fis-sekonda) jew aktar;
(15)
“supercomputer ta’ grad industrijali” tfisser mill-inqas supercomputer ta’ livell medju ddisinjat speċifikament b’rekwiżiti ta’ sigurtà, ta’ kunfidenzjalità u ta’ integrità tad-data għall-utenti industrijali li jkunu aktar eżiġenti minn dawk għal użu xjentifiku;
(16)
“kontribuzzjonijiet in natura għal azzjonijiet indiretti” ffinanzjati mill-Orizzont Ewropa tfisser kontribuzzjonijiet mill-Istat Parteċipanti jew mill-Membri Privati tal-Impriża Konġunta jew mill-entitajiet kostitwenti tagħhom jew mill-entitajiet affiljati tagħhom, li jikkonsistu fil-kostijiet eliġibbli mġarrba minnhom fl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet indiretti, minbarra l-kontribuzzjoni ta’ dik l-Impriża Konġunta, tal-Istati Parteċipanti ta’ dik l-Impriża Konġunta u kull kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk il-kostijiet;
(17)
“kontribuzzjonijiet in natura għal azzjonijiet” iffinanzjati mill-Programm Ewropa Diġitali jew mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tfisser kontribuzzjonijiet mill-Istat Parteċipanti jew mill-Membri Privati tal-Impriża Konġunta jew mill-entitajiet kostitwenti tagħhom jew mill-entitajiet affiljati tagħhom, li jikkonsistu fil-kostijiet eliġibbli mġarrba minnhom fl-implimentazzjoni ta’ parti mill-attivitajiet tal-Impriża Konġunta, minbarra l-kontribuzzjoni ta’ dik l-Impriża Konġunta, tal-Istati Parteċipanti ta’ dik l-Impriża Konġunta u kull kontribuzzjoni oħra tal-Unjoni għal dawk il-kostijiet;
(18)
“supercomputer ta’ livell medju” tfisser supercomputer tal-ogħla klassi b’livell ta’ prestazzjoni ta’ mhux aktar minn grad wieħed anqas minn dak ta’ supercomputer ta’ livell għoli;
(19)
“Ċentru nazzjonali ta’ Kompetenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja” tfisser entità ġuridika, jew konsorzju ta’ entitajiet ġuridiċi, stabbilit fi Stat Parteċipanti, assoċjat ma’ ċentru nazzjonali tas-supercomputing ta’ dak l-Istat Parteċipanti, li jipprovdi lill-utenti mill-industrija, inklużi l-SMEs, l-akkademiċi, u l-amministrazzjonijiet pubbliċi b’aċċess, fuq talba, għas-supercomputers u għall-aħħar teknoloġiji, għodod, applikazzjonijiet u servizzi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, u li joffri għarfien espert, ħiliet, taħriġ, networking u komunikazzjoni;
(19a)
“Ċentru Nazzjonali ta’ Kompetenza Kwantistika” tfisser entità legali, jew konsorzju ta’ entitajiet legali, stabbilit fi Stat Parteċipanti, li jipprovdi lill-utenti mill-industrija, inkluż l-SMEs, l-akkademja u l-organizzazzjonijiet li jwettqu r-riċerka, u l-amministrazzjonijiet pubbliċi b’aċċess fuq talba għal teknoloġiji, għodod, applikazzjonijiet u servizzi kwantistiċi, kif ukoll għal infrastrutturi kwantistiċi nazzjonali jew Ewropej, u li joffri għarfien espert, ħiliet, taħriġ, networking u sensibilizzazzjoni;
(20)
“Stat osservatur” tfisser pajjiż eliġibbli biex jipparteċipa fl-azzjonijiet tal-Impriża Konġunta ffinanzjati mill-Orizzont Ewropa jew mill-Programm Ewropa Diġitali li ma jkunx Stat Parteċipanti;
(21)
“Stat Parteċipanti” tfisser pajjiż li jkun membru tal-Impriża Konġunta;
(22)
“livell ta’ prestazzjoni” tfisser l-għadd ta’ operazzjonijiet b’punt varjabbli fis-sekonda (flops) li supercomputer jista’ jeżegwixxi;
(23)
“Membru Privat” tfisser kwalunkwe membru tal-Impriża Konġunta minbarra l-Unjoni jew l-Istati Parteċipanti;
(24)
“kompjuter kwantistiku” tfisser apparat tal-computing li juża l-liġijiet tal-mekkanika kwantistika sabiex isolvi ċerti kompiti partikolari billi, permezz ta’ dawn, juża anqas riżorsi komputazzjonali mill-kompjuters klassiċi;
(25)
“simulatur kwantistiku” tfisser apparat kwantistiku kontrollabbli ħafna li jippermetti li jinkiseb għarfien dwar il-proprjetajiet ta’ sistemi kwantistiċi kumplessi jew li jissolvew problemi komputazzjonali speċifiċi inaċċessibbli għall-kompjuters klassiċi;
(26)
“sigurtà tal-katina tal-provvista” ta’ supercomputer tal-EuroHPC tfisser il-miżuri li jridu jiġu inklużi fl-għażla ta’ kwalunkwe fornitur ta’ dan is-supercomputer biex tkun żgurata d-disponibbiltà tal-komponenti, tat-teknoloġiji, tas-sistemi u tal-għarfien meħtieġa fl-akkwist u fit-tħaddim ta’ dan is-supercomputer; dan ikun jinkludi miżuri biex jittaffew ir-riskji relatati ma’ interruzzjonijiet eventwali fil-provvista ta’ dawn il-komponenti, it-teknoloġiji u s-sistemi, inkluż bidliet fil-prezzijiet jew prestazzjoni inferjuri jew sorsi alternattivi ta’ provvista; dan ikun ikopri l-ħajja kollha tas-supercomputer tal-EuroHPC;
(27)
“Aġenda Strateġika ta’ Riċerka u ta’ Innovazzjoni” tfisser id-dokument li jkopri t-tul ta’ żmien tal-Orizzont Ewropa li jidentifika l-prijoritajiet ewlenin u t-teknoloġiji u l-innovazzjonijiet essenzjali meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-Impriża Konġunta;
(28)
“programm strateġiku pluriennali” tfisser dokument li jistabbilixxi strateġija għall-attivitajiet kollha tal-Impriża Konġunta;
(29)
“supercomputing” tfisser computing fil-livelli ta’ prestazzjoni li jeħtieġ l-integrazzjoni massiva ta’ elementi individwali tal-computing, inkluż komponenti kwantistiċi, għas-soluzzjoni ta’ problemi li ma jistgħux jiġu trattati minn sistemi standard tal-computing;
(30)
“kost totali tas-sjieda” ta’ supercomputer tal-EuroHPC tfisser il-kostijiet tal-akkwist kif ukoll il-kostijiet operatorji, inkluż il-manutenzjoni, sakemm is-sjieda tas-supercomputer tiġi ttrasferita lill-entità tal-hosting jew tinbiegħ, jew sakemm is-supercomputer jiġi dekummissjonat mingħajr trasferiment tas-sjieda;
(31)
“programm ta’ ħidma” tfisser id-dokument imsemmi fil-punt (25) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2021/695 jew, fejn rilevanti, id-dokument li jiffunzjona wkoll bħala l-programm ta’ ħidma msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2021/694, jew fl-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) 2021/1153. 1. Ħarsa ġenerali
1.1 Referenzi1.2 Rekwiżiti identifikati1.3 Standards relatati2. Rekwiżiti identifikati
3. Standards relatati
|