4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-fornituri ta' servizzi li jkunu stabbiliti jew li joffru servizzi fit-territorju tagħhom jipprovdu lill-istabbilimenti deżinjati jew lir-rappreżentanti legali tagħhom bis-setgħat u r-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw mad-deċiżjonijiet u mal-ordnijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 1(2) li jirċievu mingħand Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jivverifikaw ukoll li l-istabbilimenti deżinjati li jkunu stabbiliti jew ir-rappreżentanti legali li jirrisjedu fit-territorju tagħhom ikunu rċevew mill-fornituri ta' servizzi s-setgħat u r-riżorsi neċessarji biex jikkonformaw ma’ dawk id-deċiżjonijiet u l-ordnijiet li jirċievu mingħand Stat Membru u li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti meta jirċievu dawk id-deċiżjonijiet u l-ordnijiet, f'konformità mal-qafas legali applikabbli.