+ANNESS III METODOLOĠIJA BIEX TIĠI DDETERMINATA L-EFFIĊJENZA TAL-PROĊESS TAL-KOĠENERAZZJONI

ANNESS III METODOLOĠIJA BIEX TIĠI DDETERMINATA L-EFFIĊJENZA TAL-PROĊESS TAL-KOĠENERAZZJONI




ANNESS III

METODOLOĠIJA BIEX TIĠI DDETERMINATA L-EFFIĊJENZA TAL-PROĊESS TAL-KOĠENERAZZJONI

Il-valuri użati għall-kalkolu tal-effiċjenza tal-koġenerazzjoni, u tal-iffrankar tal-enerġija primarja għandhom jiġu ddeterminati abbażi tal-operazzjoni mistennija jew attwali tal-unità waqt kundizzjonijiet tal-użu normali.

(a)   Koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, il-koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja għandha tissodisfa dawn il-kriterji li ġejjin:

— 
il-produzzjoni tal-koġenerazzjoni mill-unitajiet tal-koġenerazzjoni għandhom jipprovdu ffrankar tal-enerġija primarja kkalkolat skont il-punt (b) ta’ mill-inqas 10 % meta mqabbla mar-referenzi għal produzzjoni separata tas-sħana u tal-elettriku;
— 
il-produzzjoni minn unitajiet ta’ skala żgħira u tal-mikrokoġenerazzjoni li jipprovdu ffrankar tal-enerġija primarja jistgħu jikkwalifikaw bħala koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja;
— 
għall-unitajiet tal-koġenerazzjoni li jinbnew jew jiġu rinnovati sostanzjalment wara t-traspożizzjoni ta’ dan l-Anness, l-emissjonijiet diretti tad-diossidu tal-karbonju mill-produzzjoni tal-koġenerazzjoni alimentata bil-fjuwils fossili, huma inqas minn 270 gCO2 għal kull 1 kWh ta’ output ta’ enerġija mill-ġenerazzjoni kkombinata (inkluż tisħin/tkessiħ, potenza u enerġija mekkanika);
— 
unitajiet ta’ koġenerazzjoni li jkunu qed joperaw qabel l-10 ta’ Ottubru 2023, jistgħu jidderogaw minn dan ir-rekwiżit sal-1 ta’ Jannar 2034 dment li jkollhom pjan li jnaqqsu progressivament l-emissjonijiet biex jilħqu l-limitu ta’ inqas minn 270 gCO2 għal kull 1 kWh sal-1 ta’ Jannar 2034 u dment li jkunu nnotifikaw dan il-pjan lill-operaturi rilevanti u lill-awtoritajiet kompetenti.

Meta unità tal-koġenerazzjoni tinbena jew tiġi rinnovata sostanzjalment, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda żieda fl-użu tal-fjuwils fossili għajr il-gass naturali f’sorsi tas-sħana eżistenti mqabbla mal-konsum annwali medjat għat-tliet snin kalendarji preċedenti ta’ operazzjoni sħiħa qabel ir-rinnovazzjoni, u li kwalunkwe sors tas-sħana ġdid f’dik is-sistema ma jużax fjuwils fossili għajr il-gass naturali.

(b)   Kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija primarja

L-ammont ta’ ffrankar tal-enerġija primarja miksub bil-produzzjoni tal-koġenerazzjoni definit skont l-Anness II għandu jiġi kkalkolat bil-formula li ġejja:

image

Fejn:

PES huwa l-iffrankar tal-enerġija primarja.

CHP Hη hija l-effiċjenza tas-sħana tal-produzzjoni tal-koġenerazzjoni definita bħala l-output tas-sħana utli annwali diviż bl-input tal-fjuwil użat biex jinkiseb it-total ta’ output tas-sħana utli u l-elettriku mill-koġenerazzjoni.

Ref Hη huwa l-valur ta’ referenza tal-effiċjenza għal produzzjoni separata tas-sħana.

CHP Eη hija l-effiċjenza elettrika tal-produzzjoni tal-koġenerazzjoni definita bħala l-elettriku annwali mill-koġenerazzjoni diviż bl-input tal-fjuwil użat biex jinkiseb it-total ta’ output tas-sħana utli u l-elettriku mill-koġenerazzjoni. Meta unità tal-koġenerazzjoni tiġġenera enerġija mekkanika, l-elettriku annwali mill-koġenerazzjoni jista’ jiżdied b’element addizzjonali li jirrappreżenta l-ammont ta’ elettriku li huwa ekwivalenti għal dak tal-enerġija mekkanika. Dan l-element addizzjonali ma joħloqx dritt ta’ ħruġ ta’ garanziji tal-oriġini f’konformità mal-Artikolu 26(13).

Ref Eη huwa l-valur ta’ referenza tal-effiċjenza għal produzzjoni separata tal-elettriku.

(c)   Kalkoli tal-iffrankar tal-enerġija bil-kalkolu alternattiv

L-Istati Membri jistgħu jikkalkolaw l-iffrankar tal-enerġija primarja minn produzzjoni tas-sħana u tal-elettriku u tal-enerġija mekkanika kif indikat hawn taħt mingħajr ma japplikaw l-Anness II biex jeskludu l-partijiet tas-sħana u tal-elettriku nonkoġenerati tal-istess proċess. Produzzjoni bħal din tista’ titqies bħala koġenerazzjoni ta’ effiċjenza għolja dment li tkun tissodisfa l-kriterji tal-effiċjenza stabbiliti fil-punt (a) ta’ dan l-Anness u, għall-unitajiet tal-koġenerazzjoni b’kapaċità elettrika aktar minn 25 MW, l-effiċjenza ġenerali tkun aktar minn 70 %. Madankollu, speċifikazzjoni tal-kwantità tal-elettriku mill-koġenerazzjoni ġġenerat bi produzzjoni bħal din, għall-ħruġ ta’ garanzija tal-oriġini u għall-finijiet statistiċi, għandha tiġi ddeterminata f’konformità mal-Anness II.

Jekk l-iffrankar tal-enerġija primarja għal proċess jiġi kkalkolat bil-kalkolu alternattiv kif indikat hawn fuq, l-iffrankar tal-enerġija primarja għandu jiġi kkalkolat bil-formula tal-punt (b) ta’ dan l-Anness li tissostitwixxi: “CHP Hη” bi “Hη”, u “CHP Eη” bi “Eη”, fejn:

Hη tfisser l-effiċjenza tas-sħana tal-proċess definita bħala l-output tas-sħana annwali diviż bl-input tal-fjuwil użat biex jinkiseb it-total ta’ output tas-sħana u ta’ output tal-elettriku.

Eη tfisser l-effiċjenza tal-elettriku tal-proċess definita bħala l-output tal-elettriku annwali diviż bl-input tal-fjuwil użat biex jinkiseb it-total ta’ output tas-sħana u ta’ output tal-elettriku. Meta unità tal-koġenerazzjoni tiġġenera enerġija mekkanika, l-elettriku annwali mill-koġenerazzjoni jista’ jiżdied b’element addizzjonali li jirrappreżenta l-ammont ta’ elettriku li huwa ekwivalenti għal dak tal-enerġija mekkanika. Dan l-element addizzjonali mhux ser joħloq dritt ta’ ħruġ ta’ garanziji tal-oriġini f’konformità mal-Artikolu 26(13).

L-Istati Membri jistgħu jużaw perjodi tar-rappurtar oħrajn minflok il-perjodi tar-rappurtar ta’ kull sena għall-finijiet tal-kalkoli f’konformità mal-punti (b) u (c) ta’ dan l-Anness.

Għall-unitajiet tal-mikrokoġenerazzjoni, il-kalkolu tal-iffrankar tal-enerġija primarja jista’ jkun ibbażat fuq data ċċertifikata.

(d)   Valuri ta’ referenza tal-effiċjenza għal produzzjoni separata tas-sħana u tal-elettriku

Il-valuri armonizzati ta’ referenza tal-effiċjenza għandhom jikkonsistu f’matriċi ta’ valuri differenzjati skont fatturi rilevanti, inkluż is-sena tal-kostruzzjoni u t-tipi ta’ fjuwils, u għandhom ikunu bbażati fuq analiżi dokumentata sew li, fost l-oħrajn, tqis id-data minn użu operazzjonali f’kundizzjonijiet realistiċi, it-taħlita tal-fjuwils u l-kundizzjonijiet klimatiċi, u t-teknoloġiji tal-koġenerazzjoni applikati.

Il-valuri ta’ referenza għall-effiċjenza għal produzzjoni separata tas-sħana u tal-elettriku skont il-formula stabbilita fil-punt (b) għandhom jistabbilixxu l-effiċjenza operatorja tal-produzzjoni separata tas-sħana u tal-elettriku li l-koġenerazzjoni jkun beħsiebha tissostitwixxi.

Il-valuri ta’ referenza tal-effiċjenza għandhom jiġu kkalkolati skont il-prinċipji li ġejjin:

(i) 

għall-unitajiet tal-koġenerazzjoni, il-paragun ma’ produzzjoni separata tal-elettriku għandu jsir abbażi tal-prinċipju li jqabbel l-istess kategoriji ta’ fjuwils;

(ii) 

kull unità tal-koġenerazzjoni għandha titqabbel mal-aqwa teknoloġija disponibbli u ekonomikament ġustifikabbli fis-suq għal produzzjoni separata tas-sħana u tal-elettriku fis-sena tal-kostruzzjoni tal-unità tal-koġenerazzjoni;

(iii) 

il-valuri ta’ referenza tal-effiċjenza għall-unitajiet tal-koġenerazzjoni li għandhom iżjed 10 snin għandhom jiġu stabbiliti abbażi tal-valuri ta’ referenza tal-unitajiet li għandhom 10 snin;

(iv) 

il-valuri ta’ referenza tal-effiċjenza għal produzzjoni separata tal-elettriku u tas-sħana għandhom jirriflettu d-differenzi klimatiċi bejn l-Istati Membri.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 05.08.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32023L1791
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.