5. Fil-każ tal-adozzjoni mill-IMO ta’ standard globali dwar il-gassijiet serra tal-karburanti jew limiti globali tal-intensità tal-gassijiet serra għall-enerġija użata abbord mill-bastimenti, il-Kummissjoni għandha, mingħajr dewmien, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. F’dak ir-rapport, il-Kummissjoni għandha teżamina dik il-miżura globali fir-rigward tal-ambizzjoni tagħha fid-dawl tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u l-integrità ambjentali ġenerali tiegħu. Għandha teżamina wkoll kwalunkwe kwistjoni relatata mal-artikolazzjoni jew l-allinjament possibbli ta’ dan ir-Regolament ma’ dik il-miżura globali, inkluż il-ħtieġa li tiġi evitata d-dupplikazzjoni tar-regolamentazzjoni tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra mit-trasport marittimu fil-livell tal-Unjoni kif ukoll fil-livell internazzjonali.
Fejn xieraq, dak ir-rapport jista’ jkun akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva biex jiġi emendat dan ir-Regolament, b’mod konsistenti mal-impenji tal-Unjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra fl-ekonomija kollha, u bil-għan li jiġu ppreservati l-integrità ambjentali u l-effettività tal-azzjoni klimatika tal-Unjoni.