+ANNESS III Kalkolu tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ bini ġdid skont l-Artikolu 7(2)

ANNESS III Kalkolu tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ bini ġdid skont l-Artikolu 7(2)




ANNESS III

Kalkolu tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ bini ġdid skont l-Artikolu 7(2)

1.   QAFAS ĠENERALI

Dan l-anness jistabbilixxi qafas tal-Unjoni għall-kalkolu nazzjonali tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja, b’ħarsa lejn id-divulgazzjoni tar-riżultati fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini skont l-Artikolu 7(2). Għall-verifika tal-konformità ma’ valur limitu skont l-Artikolu 7(5), l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jħallu barra xi partijiet mill-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja u xi partijiet mill-ambitu tal-komponenti tal-bini, pereżempju bl-applikazzjoni ta’ koeffiċjenti ponderati assoċjati mad-data tal-ħruġ tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini.

Il-potenzjal ta’ tisħin globali (GWP, global warming potential) tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ bini ġdid għandu jiġi kkalkolat f’konformità mar-rekwiżiti minimi stabbiliti f’dan l-Anness u skont il-partijiet rilevanti tal-istandard EN 15978 (EN 15978:2011 Sostenibbiltà tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-bini. Metodu ta’ kalkolu) u filwaqt li jitqies kwalunkwe standard sussegwenti relatat mas-sostenibbiltà ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u l-metodu ta’ kalkolu għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-bini. Dan ma jikkostitwix kodifikazzjoni legali ta’ dan l-istandard.

Il-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja divulgat fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EPC, energy performance certificate) tal-bini għandu jirrifletti l-istadju kif mibni.

2.   PERJODU TA’ STUDJU TA’ REFERENZA

Il-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja għandu jiġi kkalkolat fuq perjodu ta’ studju ta’ referenza ta’ 50 sena ( 9 ).

3.    DATA GĦALL-KALKOLU

Id-data maħruġa f’konformità mar-Regolamenti (UE) Nru 305/2011 ( 10 ) jew (UE) 2024/3110 ( 11 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, imsejħa bħala “ data disponibbli skont ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini” fit-Tabella 1, għandha tintuża meta tkun disponibbli. Jekk tkun kompatibbli mad-“ data disponibbli skont ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini”, għandha tintuża wkoll id-data maħruġa f’konformità mar-regolamenti dwar il-prodotti adottati abbażi tad-Direttiva 2009/125/KE, tar-Regolament (UE) 2017/1369, jew tar-Regolament (UE) 2024/1781 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 12 ), imsejħa “ data disponibbli skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija” fit-Tabella 1. Jekk tali data ma tkunx disponibbli, jistgħu jintużaw tipi oħra ta’ data msemmija fit-Tabella 1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw l-ogħla akkuratezza u affidabbiltà possibbli tar-riżultati tal-kalkolu tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja, u huma mħeġġa jippermettu l-użu ta’ data speċifika għall-proġett jew speċifika għall-prodott li jkollha kwalità ogħla u preċiżjoni ogħla mid-data ġenerika jew mill-valuri prestabbiliti.



Tabella 1

Ħarsa ġenerali lejn id-definizzjonijiet ta’ tip differenti ta’ data dwar il-prodott għall-bini

Tip ta’ data

Definizzjoni u użu

Id-data disponibbli skont ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini

Data dwar il-prodotti tal-effetti tat-tibdil fil-klima miksuba mid-dikjarazzjoni tal-prestazzjoni u tal-konformità (DoPC, declaration of performance and conformity) skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 jew ir-Regolament (UE) 2024/3110, inkluż id-DoPC koperta minn speċifikazzjoni teknika armonizzata u d-DoPC maħruġa f’konformità mad-dokument Ewropew ta’ valutazzjoni rilevanti u mal-valutazzjoni teknika Ewropea.

Data disponibbli skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija

Data kompatibbli maħruġa f’konformità mar-regolamenti dwar il-prodotti adottati abbażi tad-Direttiva 2009/125/KE, tar-Regolament (UE) 2017/1369 jew tar-Regolament (UE) 2024/1781.

Data speċifika għall-proġett

Data speċifika għall-proġett ikkalkolata f’konformità mal-istandard EN 15804 jew EN 50693 jew standard kompatibbli, għalkemm mhux maħruġa skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 jew ir-Regolament (UE) 2024/3110 jew ir-regolamenti dwar il-prodotti adottati abbażi tad-Direttiva 2009/125/KE, tar-Regolament (UE) 2017/1369 jew tar-Regolament (UE) 2024/1781. Dik id-data tista’ tintuża biss jekk tkun speċifikament permessa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Data speċifika għall-prodott

Data speċifika għall-prodott ikkalkolata f’konformità mal-istandard EN 15804 jew EN 50693 jew standard kompatibbli, għalkemm mhux maħruġa skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 jew ir-Regolament (UE) 2024/3110 jew ir-regolamenti dwar il-prodotti adottati abbażi tad-Direttiva 2009/125/KE, tar-Regolament (UE) 2017/1369 jew tar-Regolament (UE) 2024/1781. Dik id-data tista’ tintuża biss jekk tkun speċifikament permessa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Data medja għal grupp ta’ prodotti f’konformità mal-istandard EN 15804 jew EN 50693

Id-data ambjentali settorjali tirrappreżenta l-medja ta’ diversi prodotti minn kumpanija waħda jew aktar u tiġi pprovduta minn assoċjazzjonijiet industrijali jew minn organizzazzjonijiet ekwivalenti oħra li jkopru l-prodott. Dik id-data tista’ tintuża biss jekk tkun speċifikament permessa mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Data ġenerika

Data ambjentali ġenerika kkalkolata f’konformità mal-istandard EN 15804 jew EN 50693 jew ma’ standard kompatibbli għal grupp ta’ prodotti għal pajjiż jew reġjun. Dik id-data ma tistax tkun speċifika għal sit jew għal impriża. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli ċari dwar kif dik id-data trid tiġi ġġenerata jew ikkalkolata, abbażi ta’ data simili eżistenti speċifika għall-prodott. Dawk ir-regoli għandhom ikunu bbażati fuq suppożizzjonijiet konservattivi, sabiex ma jiffavorux data ġenerika fuq bażi inġusta fuq data speċifika għall-prodott. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu data ġenerika għal prodotti għall-bini użati mill-ġdid, filwaqt li jqisu l-benefiċċji ta’ approċċi ċirkolari.

Valuri prestabbiliti

Id-data ambjentali kkalkolata f’konformità mal-istandard EN 15804 jew EN 50693 jew standard kompatibbli tista’ tintuża biex jimtlew il-lakuni fid-data, meta ma jkun hemm disponibbli l-ebda wieħed mit-tipi ta’ data ta’ hawn fuq, jew meta jkun meħtieġ li jiġi ssimplifikat il-kalkolu. Il-valuri prestabbiliti jistgħu jiġu stabbiliti għal ambitu speċifiku ta’ element tal-bini jew ta’ diversi elementi tal-bini, jew għal ambitu ta’ submodulu taċ-ċiklu tal-ħajja jew ta’ modulu taċ-ċiklu tal-ħajja, jew ta’ submoduli multipli taċ-ċiklu tal-ħajja jew ta’ moduli multipli taċ-ċiklu tal-ħajja. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu valuri prestabbiliti b’suppożizzjonijiet konservattivi li jinkoraġġixxu l-kalkolu b’data speċifika meta disponibbli. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu sensiela ta’ valuri prestabbiliti li jiżguraw li d-divulgazzjoni tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ bini ġdid, skont l-Artikolu 7(2), tkun possibbli anke fl-assenza ta’ kwalunkwe data speċifika.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli ċari, b’approċċ konsistenti u konservattiv, biex jiġu ġġenerati u aġġornati d-data ġenerika u l-valuri prestabbiliti. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data meħtieġa, inkluż id-data ġenerika u l-valuri prestabbiliti, ikunu disponibbli għall-pubbliku, u jippermettu l-kalkoli tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal bini ġdid sad-dati stabbiliti fl-Artikolu 7(2), inkluż f’każijiet fejn id-data speċifika għall-proġett jew dik speċifika għall-prodott ma tkunx disponibbli.

Għal tipi ta’ data għajr id-data disponibbli skont ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini jew skont il-leġiżlazzjoni dwar l-ekodisinn u t-tikkettar tal-enerġija, l-Istati Membri huma mħeġġa jillimitaw il-frammentazzjoni tas-suq permezz tar-rikonoxximent ta’ data affidabbli u kompatibbli disponibbli maħruġa fi kwalunkwe Stat Membru, inkluża data speċifika għall-prodott u data speċifika għall-proġett ikkalkolata f’konformità EN 15804 jew EN 50693 jew standard kompatibbli. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw konsistenza u kompatibbiltà bejn id-data meta jikkombinaw dik id-data minn sorsi differenti u jiżguraw li r-riżultati finali għall-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja jkunu affidabbli.

4.   SPAZJU TA’ ART LI TISTA’ TINTUŻA

Il-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja għandu jiġi espress f’unitajiet ta’ kg ta’ CO2eq/m2 ta’ spazju ta’ art li tista’ tintuża.

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif id-definizzjoni ta’ spazju ta’ art li tista’ tintuża trid tintuża fil-prattika biex jiġi kkalkolat il-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ bini ġdid. L-ispazju ta’ art li tista’ tintuża għandu jikkorrispondi mal-ispazju tal-partijiet tal-bini li huma koperti mill-kalkolu tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja u ma għandux jestendi lil hinn mill-involukru tal-bini. L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu, fil-livell nazzjonali, l-ispazju ta’ art li tista’ tintuża adottat f’termini ta’ żoni komponenti, kif definit f’konformità mal-Istandards Internazzjonali għall-Kejl tal-Proprjetà (IPMS, International Property Measurement Standards) ( 13 ) jew standard ekwivalenti, li jiżguraw it-trasparenza, il-konsistenza u l-komparabbiltà tal-kejl tal-ispazju ta’ art.

Il-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja għandu jiġi kkalkolat u ddivulgat fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija tal-bini, f’konformità mal-Artikolu 19 u mal-Anness V, jew tal-unità tal-bini meta jkun applikabbli. Jekk ikun rilevanti, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu regoli għall-allokazzjoni tal-emissjonijiet tal-komponenti tal-bini kondiviżi minn diversi binjiet. Dawk ir-regoli għandhom jiżguraw li l-kalkolu tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja jkun ġust, trasparenti u konsistenti f’bini u fi proġetti differenti.

5.   AMBITU TAL-ISTADJI TAĊ-ĊIKLU TAL-ĦAJJA

Il-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja għandu jiġi kkalkolat għal kull stadju meħtieġ taċ-ċiklu tal-ħajja, kif stabbilit fit-Tabella 2. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jeskludu mill-kalkolu kwalunkwe stadju fakultattiv taċ-ċiklu tal-ħajja, kif stabbilit fit-Tabella 2.

Għal kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja, meta l-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-prodott toffri diversi xenarji, il-kalkolu fil-livell tal-bini għandu jkun rappreżentattiv kemm jista’ jkun tal-proġett ta’ bini jew tal-bini. Meta ma jkunx hemm informazzjoni affidabbli disponibbli, jew ikun hemm kalkolu ssimplifikat rilevanti, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jippermettu li jintuża xenarju prestabbilit għall-kalkolu, abbażi tal-prinċipju tal-agħar xenarju possibbli.

L-Istati Membri jistgħu jadottaw valuri prestabbiliti għal kwalunkwe stadju taċ-ċiklu tal-ħajja jew stadju tas-subċiklu tal-ħajja f’konformità mar-rekwiżiti relatati mad-data għall-kalkolu stabbiliti fit-Taqsima 3 biex jimtlew il-lakuni fid-data jew meta jkun meħtieġ li l-kalkolu jiġi ssimplifikat.



Tabella 2

L-istadji taċ-ċiklu tal-ħajja li jridu jiġu kkalkolati, skont EN15978:2011 u prEN15978:2025, u filwaqt li jitqies kwalunkwe standard sussegwenti relatat mas-sostenibbiltà tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni u l-metodu ta’ kalkolu għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni ambjentali tal-bini

Stadji taċ-ċiklu tal-ħajja

Meħtieġ/Fakultattiv

EN15978:2011

prEN15978:2025

A1:  Provvista ta’ materja prima

A1:  Estrazzjoni u produzzjoni upstream

Meħtieġ

A2:  Trasport

A2:  Trasport lejn il-fabbrika

Meħtieġ

A3:  Manifattura

A3:  Manifattura

Meħtieġ

A4:  Trasport

A4:  Trasport

Meħtieġ

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jillimitaw il-kalkolu għall-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-prodott u għad-data ġenerika ekwivalenti jew għall-valur prestabbilit

A5:  Proċess ta’ installazzjoni tal-kostruzzjoni

A5:  Proċess ta’ installazzjoni tal-kostruzzjoni

Meħtieġ

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jeskludu proċessi relatati mad-demolizzjoni ta’ qabel il-kostruzzjoni u mat-trasport tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni lejn is-sit u minnu. Jekk jiġi kkalkolat proċess relatat mad-demolizzjoni ta’ qabel il-kostruzzjoni jew mat-trasport tal-ħaddiema tal-kostruzzjoni lejn is-sit u minnu, ir-riżultati għandhom jiġu rrapportati bħala indikaturi separati

B1:  Użu

B1:  Użu

B1.1:  Emissjonijiet minn materjali u minn karbonizzazzjoni

B1.2:  Emissjonijiet maħruba tar-refriġeranti

Meħtieġ

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jillimitaw il-kalkolu għall-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-prodott u għad-data ġenerika ekwivalenti jew għall-valur prestabbilit, inkluż l-impatt assoċjat mal-emissjonijiet maħruba tar-refriġeranti

B2:  Manutenzjoni

B2:  Manutenzjoni

Meħtieġ

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jillimitaw il-kalkolu għall-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-prodott u għad-data ġenerika ekwivalenti jew għall-valur prestabbilit

B3:  Tiswija

B3:  Tiswija

Meħtieġ

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jillimitaw il-kalkolu għall-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-prodott u għad-data ġenerika ekwivalenti jew għall-valur prestabbilit

B4:  Sostituzzjoni

B4:  Sostituzzjoni tal-komponenti tal-bini

Meħtieġ

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu b’mod ċar fil-livell nazzjonali r-regola għall-kwantifikazzjoni tal-għadd ta’ sostituzzjonijiet għall-komponenti jew għall-prodotti li jridu jiġu applikati, pereżempju, l-għadd deċimali medju sempliċi ta’ sostituzzjonijiet, l-għadd sħiħ ta’ sostituzzjonijiet

Meta tkun disponibbli, għandha tintuża l-informazzjoni relatata mal-ħajja operazzjonali ta’ referenza li tkun disponibbli f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 305/2011 jew mar-Regolament (UE) 2024/3110 jew mar-regolamenti dwar il-prodotti adottati abbażi tad-Direttiva 2009/125/KE, tar-Regolament (UE) 2017/1369 jew tar-Regolament (UE) 2024/1781.

B5:  Rinnovazzjoni

B5:  Rinnovazzjoni

Fakultattiv

B6:  Użu tal-enerġija operazzjonali

B6:  Użu tal-enerġija operazzjonali

B6.1:  Sistemi regolati integrati fil-bini (servizzi)

B6.2:  Sistemi mhux regolati integrati fil-bini (servizzi)

B6.3:  Użu ieħor tal-enerġija relatat ma’ attivitajiet tal-utenti tal-bini

Meħtieġ

Il-kalkolu għandu jkun konsistenti mal-kalkolu tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra operazzjonali, f’konformità mal-qafas ġenerali komuni stabbilit fl-Anness I. L-Istati Membri jistgħu jillimitaw il-kalkolu biss għal sistemi regolati integrati fil-bini (servizzi) koperti minn din id-Direttiva

Jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jippermettu fatturi ta’ emissjoni tal-gassijiet serra (GHG, greenhouse gas) li jħarsu ’l quddiem għall-emissjonijiet operazzjonali, il-fatturi għandhom ikunu ġġustifikati, konsistenti u definiti b’mod ċar għall-perjodu kollu ta’ studju ta’ referenza

L-allokazzjoni tal-impatti tal-enerġija esportata għandha titwettaq f’konformità mal-istandard EN 15978. L-impatt tal-enerġija esportata huwa rrapportat fl-istadju taċ-ċiklu tal-ħajja D2

B7:  Użu operazzjonali tal-ilma

B7:  Użu operazzjonali tal-ilma

B7.1:  Sistemi essenzjali integrati fil-bini (tojlits, doċċi, kmamar tal-banju, tisħin, tkessiħ, ventilazzjoni, umidifikazzjoni, u irrigazzjoni)

B7.2:  Sistemi oħra integrati fil-bini (pixxini, sawni, eċċ.)

B7.3:  Sistemi mhux integrati fil-bini (pereżempju, magni tal-ħasil tal-platti, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, eċċ.)

Fakultattiv

 

B8:  Attivitajiet tal-utenti integrati fil-bini, mhux koperti minn B1-B7

B8.1:  Trasport ta’ persuni lejn il-bini u minnu

B8.2:  Iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi fis-sit tal-bini

B8.3:  Oħrajn, bħall-użu ta’ “materjali konsumabbli” bħal karti għall-uffiċċji, jew għamara u tagħmir mhux imwaħħlin mal-bini

Fakultattiv

C1:  Dekostruzzjoni

C1:  Dekostruzzjoni/Demolizzjoni

Meħtieġ

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jillimitaw il-kalkolu għall-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-prodott u għad-data ġenerika ekwivalenti jew għall-valur prestabbilit

C2:  Trasport

C2:  Trasport lejn l-ipproċessar jew ir-rimi tal-iskart

Meħtieġ

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jillimitaw il-kalkolu għall-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-prodott u għad-data ġenerika ekwivalenti jew għall-valur prestabbilit.

C3:  Ipproċessar tal-iskart għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u/jew għall-irkupru

C3:  Ipproċessar tal-iskart għall-użu mill-ġdid, għar-riċiklaġġ u/jew għall-irkupru

Meħtieġ

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jillimitaw il-kalkolu għall-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-prodott u għad-data ġenerika ekwivalenti jew għall-valur prestabbilit

C4:  Rimi

C4:  Rimi tal-iskart

Meħtieġ

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jillimitaw il-kalkolu għall-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-prodott u għad-data ġenerika ekwivalenti jew għall-valur prestabbilit

D:  Benefiċċji u tagħbijiet lil hinn mil-limitu tas-sistema

D1:  Użu mill-ġdid, riċiklaġġ u rkupru tal-enerġija li jirriżultaw mill-flussi netti tal-materjali li joħorġu mil-limitu tas-sistema

Meħtieġ

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jillimitaw il-kalkolu għall-informazzjoni disponibbli fil-livell tal-prodott u għad-data ġenerika ekwivalenti jew għall-valur prestabbilit

D2:  Benefiċċji u tagħbijiet potenzjali minn utilitajiet esportati (pereżempju, enerġija elettrika, enerġija termali, ilma tax-xorb)

Meħtieġ

6.   ALLOKAZZJONI TA’ EMISSJONIJIET RELATATI MAL-KONSUM U MAL-ĠENERAZZJONI TAL-ENERĠIJA FUQ IL-POST TA’ BINI

It-Tabella 3 tiddeskrivi t-tliet approċċi possibbli għall-allokazzjoni ta’ emissjonijiet integrati relatati mal-konsum u mal-ġenerazzjoni tal-enerġija fuq il-post ta’ bini. Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza, il-konsistenza u l-akkuratezza fil-kalkolu, l-Istati Membri għandhom jagħżlu wieħed mill-approċċi elenkati fit-Tabella 3, jiġifieri l-approċċ A, l-approċċ B1 jew l-approċċ B2. Jekk l-approċċ B1 jew B2 jiġi adottat fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku r-regoli ta’ allokazzjoni magħżula meħtieġa għall-kalkolu f’konformità mal-kalkolu tal-enerġija u mal-istandards rilevanti.

Għall-fini tal-kalkolu tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja, l-allokazzjoni tal-emissjonijiet operazzjonali relatati mal-konsum u mal-ġenerazzjoni tal-enerġija fuq il-post ta’ bini matul l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja għandha ssir f’konformità mal-għażla tal-allokazzjoni tal-emissjonijiet integrati u f’konformità mal-istandard EN 15978.



Tabella 3

Kalkolu tal-emissjonijiet integrati ta’ produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli fuq il-post

Fattur ta’ influwenza

Approċċ A

Approċċ B1 jew B2

Tip ta’ allokazzjoni ta’ emissjonijiet integrati għall-bini ta’ komponenti tal-ħżin tal-enerġija

Allokazzjoni sħiħa għall-bini

Tip ta’ allokazzjoni ta’ emissjonijiet integrati għall-bini ta’ partijiet oħra tas-sistema

Allokazzjoni sħiħa għall-bini

B1:  Allokazzjoni proporzjonali għall-bini abbażi tas-sehem ta’ enerġija maqbuda/ġġenerata użata għall-awtokonsum

B2:  Allokazzjoni għall-bini għal komponenti integrati fl-involukru tal-bini u li jiffurmaw il-wiċċ tiegħu, kif ukoll l-allokazzjoni proporzjonali tal-emissjonijiet integrati li jifdal għall-bini abbażi tas-sehem tal-enerġija maqbuda/ġġenerata użata għall-awtokonsum

7.   AMBITU TAL-ELEMENTI TAL-BINI U TAT-TAGĦMIR TEKNIKU

Il-kalkolu tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja għandu jinkludi bħala minimu l-elementi tal-bini u t-tagħmir tekniku elenkati fil-Livell 2 taħt il-kategoriji tal-qafas u tal-qalba tat-Tabella 4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw kalkolu komprensiv u akkurat tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja, li jiddeskrivi b’mod ċar fil-livell nazzjonali l-elementi tal-bini u t-tagħmir tekniku ta’ bini meħtieġ għall-kalkolu tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja. Għal dan l-għan, l-Istati Membri jistgħu jsegwu l-eżempji murija fil-Livell 3 u fil-Livell 4 tat-Tabella 4 u jipprovdu kwalunkwe devjazzjoni sostanzjali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

L-elementi tal-bini u t-tagħmir jew is-sistemi tekniċi koperti mill-EPC tal-bini vvalutat għandhom jitqiesu fil-kalkolu jekk l-Istati Membri jqisu li s-sjieda u l-manutenzjoni tagħhom ikunu parzjalment jew esklużivament ir-responsabbiltà tas-sid tal-bini ( 14 ), anke jekk ikunu esterni għall-bini vvalutat u strutturalment indipendenti minnu. Meta l-elementi tal-bini u t-tagħmir tekniku jkunu esterni għall-bini vvalutat u strutturalment indipendenti minnu, l-emissjonijiet assoċjati ta’ dawk l-elementi tal-bini u t-tagħmir tekniku għandhom jitqiesu fl-analiżi tal-karbonju inkorporat u tal-karbonju operazzjonali, iżda l-ispazju ta’ art tagħhom ma għandux jitqies għall-ispazji ta’ art.

L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jadottaw data ġenerika jew valuri prestabbiliti għal kwalunkwe wieħed mill-elementi msemmija fil-livelli fit-Tabella 4, f’konformità mar-rekwiżiti relatati mad-data għall-kalkolu stabbiliti fit-Taqsima 3 biex jimtlew il-lakuni fid-data jew meta jkun meħtieġ li jiġi ssimplifikat il-kalkolu.



Tabella 4

Ambitu ġerarkiku tal-elementi tal-bini u tat-tagħmir tekniku

Livell 1

Livell 2

Livell 3 (eżempju)

Livell 4 (eżempji)

Qafas

Substruttura

Ippuntaljar u rfid tal-pedamenti

Puntali u kaxxuni permanenti

Irfid

Pedamenti

Appoġġi laterali

Pjattaforma tal-pedament, kappetti tal-puntali, bażijiet ta’ kolonni, pedamenti tal-ħitan; travi ta’ kollegament, travi tal-irbit

Ħitan u kolonni tas-substruttura

Ċangaturi u travi tas-sular terran (meta l-bini jinkludi sular ta’ taħt l-art, iċ-ċangaturi tal-qiegħ tas-sular ta’ taħt l-art għandhom jingħaddu mal-Livell 3 rilevanti “Elementi tas-sular ta’ taħt l-art”)

Bokok tal-liftijiet (ċangaturi u ħitan)

Elementi tas-sular ta’ taħt l-art

Appoġġi laterali tas-sular ta’ taħt l-art

Ċangaturi tal-qiegħ tas-sular ta’ taħt l-art u blinding

Ħitan riffieda

Ħitan strutturali, puntali u kolonni tas-sular ta’ taħt l-art

Travi, serratizzuni, puntali u ċangaturi tas-sular ta’ taħt l-art

Turġien u rampi tas-sular ta’ taħt l-art

Impermeabilizzazzjoni vertikali u li ma jgħaddix ilma minnha, saff drenanti, drejns u skin wall

Impermeabilizzazzjoni orizzontali li ma jgħaddix ilma minnha, saff drenanti, drejns u ċangatura tal-kompletament

Iżolazzjoni tas-sular ta’ taħt l-art

Bokok tal-lift tas-sular ta’ taħt l-art, bokok tal-fossa, kmiem (sleeves)

Xogħol kompożitu, xogħol prefabbrikat u affarijiet oħra għal “Substruttura” (1)

Struttura

Oqfsa u ċangaturi (ċangaturi ’l fuq mill-parti ta’ fuq tas-sular terran)

Ħitan strutturali, puntali u kolonni tas-sular ta’ taħt l-art

Travi, serratizzuni, puntali u ċangaturi tas-sular ta’ fuq

Travi, serratizzuni, puntali u ċangaturi tal-bjut

Taraġ (li jifforma parti mill-istruttura)

Reżistenza kontra n-nirien għal struttura tal-azzar

Tankijiet, pixxini u affarijiet oħra

Meta jkunu jinsabu fl-involukru tal-bini biss (inkella inklużi f’xogħlijiet esterni)

Xogħol kompożitu, xogħol prefabbrikat u affarijiet oħra għal “Struttura” (2)

Xogħlijiet arkitettoniċi esterni (mhux strutturali)

Faċċata

Ħitan u karatteristiċi esterni mhux strutturali

Irfinar tal-ħitan esterni minbarra t-tlibbis

Tlibbis tal-faċċata u ħitan purtiera

Twieqi esterni

Bibien esterni

Faċċati esterni tal-ħwienet

Xaters tar-romblu u xaters kontra n-nirien

Bjut

Irfinar tal-bjut

Tamboċċi

Impermeabbilizzazzjoni

Iżolazzjoni

Tisbiħ tal-bjut ħodor (ibsin u rotob)

Xogħol kompożitu, xogħol prefabbrikat u affarijiet oħra għal “Xogħlijiet arkitettoniċi esterni (mhux strutturali)” (3)

Qalba

Xogħlijiet arkitettoniċi interni jew taħt il-kisi (mhux strutturali)

Diviżjonijiet interni

Ħitan u diviżorji interni mhux strutturali

Iżolazzjoni

Faċċati interni tal-ħwienet

Kompartimenti tat-tojlits

Diviżorji mobbli

Kmamar kesħin

Bibien interni

Twieqi interni

Xaters tar-romblu u xaters kontra n-nirien

Xogħol ieħor tal-konkos

Fittings u affarijiet oħra

Balavostri u poġġamani

Turġien u catwalk li ma jiffurmawx parti mill-istruttura, cat ladders

Kabinetti inkorporati (4), armarji, ħżin, lockers, postijiet bilqiegħda, xkafef, counters, bankijiet

Karatteristiċi dekorattivi inkorporati

Pannelli ta’ aċċess

Irfinar taħt il-kisi

Irfinar tal-art (intern u estern (jiġifieri, miksi jew f’gallariji))

Irfinar u kisi tal-ħitan interni

Irfinar tas-soqfa u soqfa foloz (interni jew esterni)

Iżolazzjoni

Xogħol kompożitu, xogħol prefabbrikat u affarijiet oħra għal “Xogħlijiet arkitettoniċi interni jew miksijin (mhux strutturali)” (5)

Servizzi u tagħmir tal-bini: Sistemi relatati mal-ilma u mal-ilma mormi

Oġġetti sanitarji

Tojlits, ċisterni, trejs tad-doċċi, banjijiet, vitien, kontrolli, bexxiexi tad-doċċi, basin units, sinkijiet, heaters tal-ilma sħun istantanji

Sistemi tal-ilma kiesaħ

Termostat, miters termali, miter tal-ilma kiesaħ, sett ta’ pompi/booster, miters oħra, pajpijiet, iżolazzjoni tal-pajpijiet, appoġġ/manku, tagħmir għal protezzjoni kontra ġlata u għat-traċċar tas-sħana

Ħżin tal-ilma kiesaħ

Tank tal-ħżin flimkien ma’ kwalunkwe sistema ta’ trattament u ta’ filtrazzjoni għall-kontroll tal-kwalità tal-ilma

Ilma tal-wiċċ / ilma tax-xita / ilma maħmuġ tad-drenaġġ

Pajpijiet, iżolazzjoni, appoġġ, tank tal-ħżin tal-ilma tax-xita, attenwazzjoni, żbokki, pompi, pajpijiet tal-ilma tax-xita, pajpijiet tad-drenaġġ, pajpijiet tal-kondensat, iżolazzjoni, appoġġ, ċisterna, nases, pompa, drejn

Sistemi għal użu mill-ġdid tal-ilma

Tank tal-ħżin tal-ilma domestiku mormi mingħajr drenaġġ/tal-ilma tax-xita, pajpijiet u tagħmir ta’ trattament ġewwa l-linja tal-bini

Servizzi u tagħmir tal-bini: Sistemi ta’ tisħin

Tagħmir għall-ġenerazzjoni tas-sħana u tal-ilma sħun

Bojler tal-gass/elettriku, pompi tas-sħana tal-arja/ilma/art, kessieħ, ħiter tal-ilma lokali, forn li jaqbad bl-injam, bojler tal-bijomassa, tisħin termali solari u sistemi tal-ilma sħun. Is-sistemi tat-tisħin komunali li jinsabu fi ħdan l-impronta tal-bini huma inklużi f’dan l-ambitu sal-punt tal-miter. Lil hinn mill-miter, dawn is-sistemi jitqiesu bħala parti min-network ta’ distribuzzjoni. Il-bokka u l-manifold għandhom jiġu inklużi anke jekk jaqgħu barra mill-impronta tal-bini. Skambjatur tas-sħana bil-pjanċi li jaqbad ma’ network tat-tisħin distrettwali. Għandu jiġi inkluż ukoll tagħmir għall-ġenerazzjoni tal-ilma sħun (pereżempju, l-kalorifikatur).

Distribuzzjoni, kontroll, anċillari, emittenti, skambjaturi/unitajiet terminali tas-sħana u tal-ilma sħun

Radjatur elettriku, radjatur bl-ilma, tisħin ta’ taħt l-art, unità ta’ interfaċċa tas-sħana, skambjatur tas-sħana bil-pjanċi, pompi, switchboard mekkaniku, unità tal-pressurizzazzjoni, pot tad-dożaġġ, kontrollur taċ-ċirkwiti friegħi (BC, branch circuit), deumidifikatur, muntaturi kontra l-vibrazzjonijiet, termostat, miters termali, miter tal-ilma sħun, pajpijiet, iżolazzjoni tal-pajpijiet, appoġġ/manku, tagħmir għall-protezzjoni kontra l-ġlata u għat-traċċar tas-sħana

Tagħmir għall-ħżin tas-sħana

Maħżen tal-ilma sħun, reċipjent buffer, reċipjent ta’ espansjoni

Servizzi u tagħmir tal-bini: Sistemi ta’ tkessiħ dedikati (jekk sistema tagħmel kemm tisħin kif ukoll tkessiħ, din għandha taqa’ fl-ambitu ta’ “sistemi ta’ tisħin” biss)

Tagħmir għall-ġenerazzjoni tat-tkessiħ

Torri tat-tkessiħ, unitajiet ta’ koljaturi tal-fannijiet, arja kundizzjonata.

Emittent tat-tkessiħ, skambjaturi/unitajiet terminali, anċillarji u kontroll, distribuzzjoni, ħżin

Maħżen tal-ilma kiesaħ, reċipjent buffer, reċipjent ta’ espansjoni, pompi, switchboard mekkaniku, unità tal-pressurizzazzjoni, pot tad-dożaġġ, kontrollur taċ-ċirkwiti friegħi, kontrollur, deumidifikatur, muntaturi kontra l-vibrazzjonijiet, termostat, miters termali, miter tal-ilma kiesaħ, pajpijiet, iżolazzjoni tal-pajpijiet, appoġġ/manku, tagħmir għall-protezzjoni kontra ġlata u għat-traċċar tas-sħana

Servizzi u tagħmir tal-bini: Sistemi tal-ventilazzjoni

Moviment tal-arja

Fannijiet, ventilazzjoni mekkanika bl-irkupru tas-sħana, unitajiet tal-immaniġġar tal-arja, fannijiet tas-saqaf, ventilazzjoni tal-kċina, purtieri tal-arja

Terminali tal-arja

Diffusers, xbieki, sistemi bil-volum tal-arja varjabbli, sistemi bil-volum tal-arja kostanti, persjani

Pajpijiet u anċillari

Pajpijiet, iżolazzjoni, appoġġ, pajpijiet ikklassifikati għan-nar, appoġġ

Barrieri tal-kontroll, attenwazzjoni u sikurezza kontra n-nirien relatati mat-tagħmir tal-ventilazzjoni

Stabbilizzatur tal-volum tal-arja varjabbli, stabbilizzatur tal-kontroll tal-volum, barriera tan-nirien, estrazzjoni tad-dħaħen, barriera tad-duħħan ta’ nar motorizzata, pressurizzazzjoni tat-turġien, fannijiet ikklassifikati għan-nar, barrieri li jtaffu l-pressjoni, kontrolli, persjani, estratt tal-gass, attenwazzjoni akustika

Servizzi u tagħmir tal-bini: Sistemi tat-tidwil

Tidwil intern

Installazzjonijiet tad-dawl intern, żbokk, kaxxa ta’ ġunzjoni, sokit, kontroll tad-dawl, kejbil, swiċċ

Tidwil estern (immuntat fuq il-bini)

Lampi/arbli/appoġġ, eċċ. li huma mmuntati fuq il-bini. Installazzjonijiet tad-dawl estern, żbokk, kaxxa ta’ ġunzjoni, sokit, kontroll tad-dawl, kejbil, swiċċ

Tidwil ta’ emerġenza

Dwal ta’ emerġenza, kontrolli, kejbil, swiċċ

Tidwil ieħor

Tidwil tax-xogħol, tidwil tal-palk/tad-divertiment, tidwil tad-displej tal-ħwienet bl-imnut, tidwil arkitettoniku inkluż l-installazzjonijiet tad-dawl assoċjat, żbokk, kaxxa ta’ ġunzjoni, sokit, kontroll tad-dawl

Servizzi u tagħmir tal-bini: Servizzi elettriċi għall-enerġija, għall-komunikazzjonijiet, għas-sigurtà, għall-IT u għad-detezzjoni tan-nar

Enerġija elettrika

Tinkludi installazzjonijiet interni u mmuntati fuq il-bini. Kejbil tal-enerġija, konteniment tat-trejs tal-kejbil, panel board/distribuzzjoni, tagħmir ta’ riżerva, żbarra ta’ distribuzzjoni, transformer, sokits/swiċċijiet, kaxxi tal-art, sensuri, vultaġġ għoli, vultaġġ medju, vultaġġ baxx, enerġija baxxa, konteniment

Vultaġġ Baxx Ħafna (ELV, Extra Low Voltage)/ komunikazzjonijiet/sigurtà

Sistemi ELV. Komunikazzjonijiet u tagħmir awdjoviżiv. Sigurtà: Tagħmir tat-televiżjoni b’ċirkwit magħluq (CCTV, Closed circuit Television), sensuri u allarmi tas-sigurtà.

IT u data

Tagħmir tal-IT: kwalunkwe ħaġa relatata mad-data, pereżempju, tagħmir tal-Wi-Fi, server, kejbils backbone u strutturati, kompjuters, printers, kabinetti tad-data, patch panels

Sistema ta’ ġestjoni tal-bini (BMS, Building management system)

BMS/kontrolluri fuq kojls tal-fannijiet, outstation, sistema prinċipali ta’ kontrollur bil-kompjuter (headend), kejbils meħtieġa, valvi ta’ kontroll, sensuri għall-istatistika tat-temperatura

Ġenerazzjoni ta’ riżerva tal-elettriku

Provvista tal-enerġija mingħajr interruzzjoni (UPS, uninterruptible power supply), ġenerazzjoni ta’ riżerva, provvista tal-batterija, ġeneraturi standby fil-linja tal-bini

Detezzjoni tan-nar u allarmi

Sistemi tal-allarmi tan-nirien inklużi d-detezzjoni, il-kejbils, il-panel tat-tifi tan-nar u l-unità tas-sejħa finali

Servizzi u tagħmir tal-bini:

Ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fuq il-post

Enerġija rinnovabbli — ġenerazzjoni elettrika fuq il-post u mmuntati fuq il-bini

Pannell fotovoltajku (PV, photovoltaic) solari, invertitur, turbina eolika, bini ta’ turbini tal-ilma mmuntat jew fi ħdan l-impronta tal-bini

Enerġija rinnovabbli — ħżin fuq il-post

Batterija fi ħdan l-impronta tal-bini

Servizzi u tagħmir tal-bini: Installazzjonijiet ta’ sistemi tas-sikurezza tal-ħajja, tal-fjuwil u tal-moviment

Sistema ta’ bexxiexa

Pajpijiet, irjus tat-tarf, valvi, tank, pajp flessibbli, pompi

Sistemi ta’ tifi tan-nar

Torri tal-ivvampjar niexef u mxarrab, idrant, fi ħdan impronta deżinjata tal-bini, kontrolli/sensuri ta’ bokka ta’ ftuħ awtomatiku (AOV, automatic opening vent), sistema ta’ soppressjoni tan-nirien

Protezzjoni kontra s-sajjetti / sistema ta’ ertjar

Konduttur tas-sajjetti, vireg tal-ert

Installazzjonijiet tal-fjuwil

Il-provvisti kollha tal-fjuwil minbarra dawk elettriċi, kwalunkwe ħaġa ppompjata jew taħt pressjoni.

Tagħmir tal-gass: konnessjoni, miter tal-gass, regolatur tal-pressjoni, pajpijiet, valvi.

Tank tal-ħżin tal-fjuwil fuq il-post, imħażen nexfin.

Trivelli (Augers).

Lift, stair lift, pjattaforma elevabbli

Għandhom jiġu inklużi sistemi ta’ lift, ta’ stair lift, u ta’ pjattaforma elevabbli. L-enerġija għal dawk is-sistemi għandha tiġi inkluża fl-installazzjonijiet elettriċi

Escalators u passaġġi mobbli

Għandhom jiġu inklużi sistemi għal escalators u passaġġi mobbli. L-enerġija għal dawk is-sistemi għandha tiġi inkluża fl-installazzjonijiet elettriċi

Servizzi u tagħmir tal-bini: Sistemi ta’ rimi tal-iskart

Sistemi speċjalizzati u komunali ta’ rimi tal-iskart

Inċineraturi tal-iskart u kwalunkwe sistema għal flussi ta’ skart u rimi tal-iskart

 

Xogħol kompożitu, xogħol prefabbrikat u affarijiet oħra għal “Servizzi u tagħmir tal-bini” (6)

Xogħlijiet esterni

(Fakultattivi)

Toroq esterni, mogħdijiet, pavimentar u wċuħ oħra adatti għat-traffiku tal-persuni jew tal-vetturi li jinsabu fiż-żona tal-plott tal-bini

Toroq u mogħdijiet iddisinjati għall-mixi jew għat-traffiku tal-vetturi

Għandha tiġi inkluża t-tħejjija ta’ xogħlijiet subbażi inkluż it-trattament, it-tqegħid, il-livellar, il-klassifikazzjoni u l-ikkumpattar

Blinding, konkos in situ inkluż xogħol bil-forma, tisħiħ, konnessjonijiet, membrani tad-drenaġġ/tal-ħaxix ħażin, kurduni tal-bankini, aċċessorji, marki tal-bankina/tat-triq/tal-grawnd applikati fuq il-wiċċ, irfinar maħduma. eż.:

— Irfinar tal-makadam jew tal-asfalt miksi

— Ġebel, pavimentar, madum, ċagħaq, madum żgħir

— Żrar, bċejjeċ tal-ġebel, bċejjeċ tal-injam

— Tapit imtaqqab tal-ħaxix

— Uċuħ iddisinjati għall-bandli, għall-isport jew għal użi speċjalizzati oħra

— Is-sistemi kollha meħtieġa biex jiġġestixxu d-drenaġġ u/jew l-attenwazzjoni tal-ilma tal-wiċċ

— Tarġiet, turġien u rampi (inklużi s-substruttura, formazzjoni u rfinar finali) barra mil-linja deżinjata tal-bini

Mogħdijiet għall-mixi

Pavimentar u wċuħ rotob iddisinjati għall-mixi

Fittings u installazzjonijiet esterni għad-delineazzjoni tal-ispazji, tal-konfini u taż-żoni esterni taż-żona tal-plott tal-bini u skop estetiku ta’ quddiem

Reċinti esterni

Għandhom jiġu inklużi reċinti tal-injam, tal-metall, tal-konkos, tal-ġebel, poġġamani, gradi, ħitan, ħitan baxxi li huma esterni u li ma humiex parti mill-involukru termali tal-bini u li huma ġodda

Għandhom jiġu inklużi l-barrieri għall-vetturi u għall-persuni bil-mixi li huma meħtieġa jieħdu tagħbija speċifika għal skopijiet ta’ protezzjoni, bi gradi assoċjati

Għandhom jiġu inklużi r-rekwiżiti tas-substruttura, il-komponenti, il-pali, fissaġġi, il-ferramenta, kopertini, tagħmir bl-elettriku, kontrolli u rfinar finali

Din il-kategorija tinkludi ħitan riffieda li ma humiex parti mill-bini, normalment magħmulin mill-konkos, mill-injam jew mill-ġebel, inkluż ir-rekwiżiti kollha tas-substruttura/tal-ippuntaljar, ert imsaħħaħ, rekwiżiti tad-drenaġġ, membrani, komponenti, fissaġġi, kopertini, ġonot, preservattivi, irfinar finali, gabbjuni

Poġġamani esterni

Ħitan esterni

Installazzjonijiet esterni

Għamara tat-triq tas-sit inkluż gradi (fejn mhux parti minn reċint jew barrieri), turnstiles, bollards fissi/li jistgħu jitkissru/jitneħħew, postijiet bilqiegħda, bankijiet, imwejjed, kontenituri tal-mifrex/frak taż-żrar, displejs tal-posters/tan-noticeboards, stands/xelters tar-roti, sinjali direzzjonali, arbli tal-bnadar, tagħmir tal-isport estern/bandli, pontijiet pedonali żgħar, waqfiet tal-karozzi tal-linja, xelters, kabini tat-telefown, kaxxi postali, skulturi/xogħlijiet esterni tal-arti, elementi ornamentali tal-ilma inkluż kwalunkwe substruttura, tank, komponent, pajp, kontroll u tagħmir meħtieġ

Servizzi tal-bini esterni

Nota ġenerali: din il-kategorija fiha s-servizzi kollha mhux imwaħħla mal-bini jew akkomodati barra mill-impronta tal-bini.

Drenaġġ estern

Ilma maħmuġ/ilma tal-wiċċ/drenaġġ tal-art taħt l-art u ’l fuq mill-art, mill-ewwel tappiera lil hinn mill-ħajt ta’ lqugħ tal-bini, mill-konnessjoni tal-kanal tad-drenaġġ jew minn katusa oħra (pereżempju, faċilità tat-trattament tad-drenaġġ fuq il-post). Għandhom jiġu inklużi wkoll trunċieri, pipelines, fittings, sodod, radam mill-ġdid, bennieni, appoġġi, konnessjonijiet, gullies u spralli (pereżempju, fit-toroq). Stazzjonijiet tal-ippumpjar ippakkjati, irjus ta’ katusi/żbokki tal-partijiet ta’ fuq, kisjiet finali, kanali prefabbrikati, kompartimenti, tappieri, kanali, bjar tal-infiltrar, fosos, unitajiet ta’ interċetturi tal-petrol. Għandhom jiġu inklużi wkoll kwalunkwe alterazzjoni, kwalunkwe xogħol ta’ tiswija, mili jew tindif tas-sistemi eżistenti tad-drenaġġ, tappieri u spralli. Għandhom jiġu inklużi wkoll installazzjonijiet relatati ma’ sistemi sostenibbli ta’ drenaġġ urban (SUDS, sustainable urban drainage systems) (mhux imwaħħla), drenaġġ ta’ likwidi perikolużi bħal sustanzi kimiċi u skart likwidu industrijali

Servizzi esterni — ilma

Sistemi ta’ provvista tal-ilma bil-pajpijiet li jġibu l-ilma mill-mejns tal-impriża statutorja lejn il-punt tad-dħul fil-bini, inkluż id-distribuzzjoni għal punti ta’ utenti esterni (pereżempju, impjanti u tagħmir esterni u idranti tan-nar). Idrant tan-nar/riċiklaġġ tal-ilma tax-xita/riċiklaġġ tal-ilma domestiku mormi mingħajr drenaġġ barra mil-linja deżinjata tal-bini. Għandhom jiġu inklużi wkoll tankijiet, pajpijiet, traċċar tas-sħana, iżolazzjoni, konnessjonijiet

Servizzi esterni — elettriku

Distribuzzjoni tal-elettriku b’vultaġġ għoli mill-provvista tal-impriża statutorja lejn stazzjon tat-transformer fuq il-post, distribuzzjoni tal-elettriku b’vultaġġ baxx mit-transformer fuq il-post għall-pannell ewlieni tal-iswitchgear fi ħdan il-bini u l-installazzjonijiet esterni għall-provvista tal-elettriku, inkluż ġeneraturi ta’ emerġenza jew ta’ standby. Għandhom jiġu inklużi wkoll kejbils, wajers, bordijiet, trunking, koperturi tal-aċċess, konnessjonijiet, distribuzzjoni, trunċieri, bokok, substazzjonijiet ippakkjati/transformer, installazzjonijiet tal-UPS

Servizzi esterni — gass

Sistemi tal-provvista tal-gass naturali bil-pajpijiet li jġibu l-gass mill-mejns tal-impriża statutorja lejn il-miter tal-gass; u t-teħid ta’ gass likwifikat miż-żejt (LPG, liquefied petroleum gas) minn reċipjenti esterni tal-ħżin sal-punt tad-distribuzzjoni, inkluż il-provvista tal-gass mill-mejns u d-distribuzzjoni tal-provvista tal-gass lil punti ta’ utenti esterni (pereżempju, lejn impjanti u tagħmir esterni). Għandhom jiġu inklużi wkoll id-distribuzzjoni, koperturi tal-aċċess, konnessjonijiet, trunċieri, bokok, tankijiet/fliexken tal-ħżin

Servizzi esterni — telekomunikazzjonijiet u simili

Il-konnessjoni ta’ sistemi tat-telekomunikazzjonijiet, televiżjoni bil-kejbil, Internet u sistemi oħra ta’ komunikazzjoni mill-provvista tal-impriża statutorja jew ta’ fornitur ieħor ta’ servizzi lejn il-punt ewlieni ta’ distribuzzjoni fil-bini. Għandhom jiġu inklużi wkoll kejbils, wajers, bordijiet, trunking, koperturi tal-aċċess, konnessjonijiet, distribuzzjoni, trunċieri, bokok

Servizzi esterni — ħżin tal-fjuwil

Sistemi esterni ta’ ħżin tal-fjuwil u ta’ distribuzzjoni bil-pajpijiet. Tankijiet tal-ħżin u reċipjenti esterni għall-bini, u sistemi ta’ provvista permezz tal-pajpijiet li jiddistribwixxu ż-żejt, il-petrol jew id-diżil minn tankijiet jew reċipjenti tal-ħżin sal-punt tad-dħul fil-bini jew għal impjanti u tagħmir esterni. Għandhom jiġu inklużi wkoll id-distribuzzjoni, pompi, valvi, iżolazzjoni, koperturi tal-aċċess, konnessjonijiet, tagħmir ta’ monitoraġġ, trunċieri, bokok, tankijiet/fliexken tal-ħżin

Servizzi esterni — tidwil

Sistemi ta’ tidwil estern ta’ sit/triq inkluż għal żoni pedonali, mogħdijiet, toroq, sinjali mdawla tat-traffiku, tidwil estern. Għandhom jiġu inklużi wkoll kejbils, wajers, bordijiet, trunking, koperturi tal-aċċess, konnessjonijiet, distribuzzjoni, trunċieri, bokok, kontrolli u luminarji/lampi nfushom, inkluż tidwil għal grawnds tal-isports

Servizzi esterni — sistemi ta’ sigurtà

Sistemi ta’ sigurtà inkluż CCTV, arbli tal-kameras, provvisti tal-enerġija esterni ġenerali għal tagħmir ta’ sigurtà u għal tidwil speċifiku tas-sigurtà

Xogħol kompożitu, xogħol prefabbrikat u affarijiet oħra għal “servizz ta’ bini estern” (7)

Bini estern (8)

Bini anċillari żgħir

Bini anċillari żgħir estern separat relatat mas-sistemi tal-bini u l-funzjonament normali tal-aċċess għall-bini u għas-sit, inkluż postijiet tal-bojler, bini ta’ substazzjon, bini għall-ħżin tal-fjuwil, postijiet fejn tpoġġi r-roti, barrakki, unitajiet tal-ħżin u kmamar tal-gwardjani

Strutturi ta’ parkeġġ indipendenti (9)

Strutturi fuq l-art jew taħt l-art li huma għall-użu esklużiv jew kondiviż mill-okkupanti tal-bini

Xogħol kompożitu, xogħol prefabbrikat u affarijiet oħra għal “bini estern” (10)

(1)   

Iżolazzjoni, impermeabbilizzazzjoni, simentazzjoni, konnessjonijiet, fittings jew elementi għad-drenaġġ, elementi għal servizzi li jiddaħħlu jew jiġu applikati flimkien max-xogħlijiet substrutturali iżda li ma humiex diġà magħduda taħt entrati speċifiċi f’din it-Tabella 4 jew xi mkien ieħor.

(2)   

Reżistenza kontra n-nirien, iżolazzjoni, impermeabbilizzazzjoni, simentazzjoni, konnessjonijiet, fittings, rampi, shuttering permanenti, strutturi ta’ mezzanin, l-appoġġi għal postijiet bilqiegħda f’saffi, ir-rotot ta’ manutenzjoni jew elementi oħra li jiddaħħlu jew jiġu applikati flimkien max-xogħlijiet strutturali iżda li ma jitqisux diġà taħt entrati speċifiċi f’din it-Tabella 4 jew xi mkien ieħor.

(3)   

Reżistenza kontra n-nirien, iżolazzjoni, impermeabbilizzazzjoni, simentazzjoni, konnessjonijiet u komponenti tal-irbit mal-istruttura, fittings, rampi, tagħmir li jipprovdi dell, persjani, qattara tal-bejt, protezzjoni kontra l-insetti, assemblaġġi ta’ gradilji, parapetti, poġġamani, ħitan ekoloġiċi, ċmieni jew elementi oħra li jiddaħħlu jew li jiġu applikati flimkien max-xogħlijiet arkitettoniċi esterni iżda li ma jitqisux diġà taħt entrati speċifiċi hawnhekk jew xi mkien ieħor.

(4)   

Inkorporat(a) tirreferi għall-inkorporazzjoni tal-karatteristiċi rilevanti tal-bini matul l-istadju tal-kostruzzjoni u qabel it-trasferiment tal-bini lis-sid.

(5)   

Reżistenza kontra n-nirien, iżolazzjoni, impermeabbilizzazzjoni, simentazzjoni, konnessjonijiet u komponenti tal-irbit mal-istruttura jew rotot ta’ manutenzjoni, framing, issiġillar, adeżivi, floating floors, sprung floors, irfinar, immarkar tal-linji, qtugħ, skirting, fittings, rampi, assemblaġġi tax-xbieki, parapetti, poġġamani, fireplaces jew elementi oħra li jiddaħħlu jew li jiġu applikati flimkien max-xogħlijiet arkitettoniċi interni iżda li diġà ma jitqisux taħt din it-Tabella 4 jew xi mkien ieħor.

(6)   

Kwalunkwe installazzjoni, fitting jew element ieħor li jiddaħħlu jew jiġu applikati flimkien mas-servizzi, mas-sistema u mal-infrastruttura tal-bini iżda li diġà ma jitqisux taħt entrati speċifiċi f’din it-Tabella 4 jew xi mkien ieħor.

(7)   

Kwalunkwe installazzjoni, fitting jew element ieħor assoċjati mal-installazzjoni tal-ilma, tal-gass, tal-elettriku, tat-tisħin, tal-ventilazzjoni, tad-drenaġġ ’il fuq mill-art, tat-telekomunikazzjonijiet u ta’ servizzi oħra, inklużi kanali, kisi protettiv, toqob, trinek, kmiem, koperturi, installazzjoni li twaqqaf in-nirien, tikkettar, u bażijiet, eċċ., li ma humiex inklużi xi mkien ieħor.

(8)   

Tirreferi għal bini li huwa estern għall-bini vvalutat u strutturalment indipendenti minnu, iżda li jinsab fiż-żona ta’ madwar il-bini vvalutat u li jaqdi lill-okkupanti tal-bini vvalutat u/jew lis-sistemi u l-infrastruttura tekniċi tal-bini vvalutat. L-indipendenza strutturali għandha tinftiehem bħala nuqqas ta’ pedamenti kondiviżi u elementi strutturali oħra li jifilħu t-tagħbija.

(9)   

Il-faċilitajiet ta’ parkeġġ li jikkondividu elementi strutturali u li jaqgħu fl-involukru tal-istruttura tal-bini ma għandhomx jitqiesu bħala bini estern iżda minflok għandhom jitqiesu bħala parti mill-bini kollu, u b’hekk fl-analiżi jingħaddu l-karbonju inkorporat assoċjat, il-karbonju operazzjonali u l-ispazju ta’ art tagħhom. Għall-kuntrarju, għal strutturi ta’ parkeġġ indipendenti li jitqiesu bħala bini estern, il-karbonju inkorporat u l-karbonju operazzjonali assoċjati tagħhom jistgħu jitqiesu fl-analiżi, iżda mhux fl-ispazju ta’ art tagħhom. F’każijiet fejn faċilità tal-parkeġġ tkun parti minn struttura kondiviża bejn aktar minn bini wieħed, jew il-kumpless kollu tal-bini għandu jikkostitwixxi valutazzjoni waħda, jew l-impatti tal-karbonju inkorporat u l-ispazju ta’ art tal-faċilità tal-parkeġġ għandhom jiġu allokati abbażi tal-ammonti relattivi tal-ispazji tal-parkeġġ li huma deżinjati għal kull bini.

(10)   

Kwalunkwe installazzjoni, fitting jew element ieħor assoċjati mal-kostruzzjoni ta’ bini estern li ma humiex inklużi xi mkien ieħor.

8.   RIŻULTATI TAL-GWP TUL IĊ-ĊIKLU TAL-ĦAJJA

Għall-fini tar-rapportar tar-riżultati fl-EPC tal-bini, il-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-bini għandu jiġi rrapportat f’format trasparenti, li juri riżultati mqar għal kull stadju taċ-ċiklu tal-ħajja f’konformità mat-Tabella 5.



Tabella 5

Divulgazzjoni tal-GWP tul iċ-ċiklu tal-ħajja fiċ-ċertifikat tar-rendiment fl-użu tal-enerġija (EPC) tal-bini

 

Stadju tal-produzzjoni (A1-A3)

Stadju tal-proċess tal-kostruzzjoni (A4-A5)

Stadju tal-użu, tal-manutenzjoni, tas-sostituzzjoni (B1-B4)

Stadju tal-użu tal-enerġija operazzjonali (B6)

Stadju ta’ tmiem il-ħajja tal-prodott (C1-C4)

Użu mill-ġdid, riċiklaġġ, potenzjal ta’ rkupru (D1)

Benefiċċji u tagħbijiet potenzjali minn utilitajiet esportati (pereżempju, enerġija elettrika, enerġija termali, ilma tax-xorb) (D2)

Total tal-GWP (1)

 

 

 

 

 

 

 

(1)   

It-total tal-GWP huwa s-somma ta’ GWP fossili, GWP bijoġeniku u GWP tal-użu tal-art u tibdil fl-użu tal-art.

1. Ħarsa ġenerali

,
Titlu Regolamentazzjoni

1.1 Referenzi

1.2 Rekwiżiti identifikati

1.3 Standards relatati

2. Rekwiżiti identifikati

Rekwiżiti
Sors Rekwiżit

3. Standards relatati

Standards
Sors Rekwiżit
  • Builddate: 24.05.2026 00:00:00 -Doknr: CELEX:32024L1275
  • EULAW -

    EN: Legal acts of the European Union from EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © European Union. Re-use is authorised by Decision 2011/833/EU, provided the source is acknowledged; the consolidated texts are licensed under CC BY 4.0 (EUR-Lex legal notice). Divided into sections and converted into the GRCA format, the wording unchanged. Only the legislation published in the Official Journal of the European Union is deemed authentic.

    DE: Rechtsakte der Europäischen Union aus EUR-Lex, https://eur-lex.europa.eu/. © Europäische Union. Weiterverwendung nach Beschluss 2011/833/EU mit Quellenangabe gestattet; die konsolidierten Fassungen stehen unter CC BY 4.0 (Rechtlicher Hinweis von EUR-Lex). In Abschnitte aufgeteilt und in das GRCA-Format umgewandelt, der Wortlaut unverändert. Verbindlich sind allein die im Amtsblatt der Europäischen Union veröffentlichten Rechtsakte.