1. Meta, f’żoni partikolari, il-livelli ta’ sustanzi niġġiesa fl-arja ambjentali jaqbżu kwalunkwe valur limitu jew valur fil-mira, stipulat fit-Taqsima 1 tal-Anness I, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja għal dawk iż-żoni li jistabbilixxu miżuri xierqa biex jinkiseb il-valur limitu jew il-valur fil-mira kkonċernat u biex il-perjodu ta’ qbiż jinżamm qasir kemm jista’ jkun, u fi kwalunkwe każ mhux iktar minn erba’ snin mit-tmiem tas-sena kalendarja li fiha tkun ġiet irreġistrata l-ewwel qabża. Dawk il-pjanijiet dwar il-kwalità tal-arja għandhom jiġu stabbiliti malajr kemm jista’ jkun u mhux iktar minn sentejn wara s-sena kalendarja li matulha tkun ġiet irreġistrata dik il-qabża ta’ kwalunkwe valur limitu jew valur fil-mira.
Meta f’żona partikolari qabża ta’ valur limitu tkun diġà koperta minn pjan direzzjonali dwar il-kwalità tal-arja, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri stabbiliti f’dak il-pjan direzzjonali jkunu xierqa biex il-perjodu ta’ qbiż jinżamm qasir kemm jista’ jkun u, meta jkun rilevanti, jieħdu miżuri addizzjonali u iktar effettivi u jsegwu l-proċedura għall-aġġornament ta’ pjan direzzjonali dwar il-kwalità tal-arja kif stabbilit fil-paragrafu 5.